It-18-il Ħadd matul is-Sena A. Minn Dun Mikiel A. Galea

ĠESU’ QAL LILL-APPOSTLI: “AGĦTUHOM INTOM X’JIEKLU…!”

Mela f’wieħed mis-subborgi ta’ New York kien hemm żewġ appartamenti żgħar imissu ma’ xulxin. F’wieħed mill-appartamenti kienet tgħix mara fqira ħafna imma għanja mmens fil-ħajja tal-ispirtu u tar-ruħ. Bil-kontra, fl-appartament l-ieħor kien jgħix wieħed raġel kellu ħafna l-ġid imma fil-ħajja tar-ruħ ma kien jixbaħ xejn lill-mara fqira. Kien bniedem jgħix bħalli kieku Alla ma jeżistix. Kien bniedem nieqes tassew mill-fidi u ma jemmen assultament b’xejn. Ngħidilkom din biss: kien ta’ sikwit iwaqqa’ għaċ-ċajt lil dil-mara li kienet toqgħod bieb ma’ bieb miegħu.

Mela jum fost l-oħrajn sema’ lil dil-mara fqira tgħajjat u titlob kemm tiflaħ lil Alla u tgħidlu: “Mulej, ipprovdili xi ħaġa x’niekol, għax f’ġieħ kemm hemm, ma baqagħli xejn x’niekol u int taf li jiena bil-ġuħ!” Ir-raġel ma jemmen b’xejn semagħha titlob b’ħerqa kbira u qal: “Illum nagħmlilha waħda minn tiegħi!” Qabad ħobża, mar poġġiha fuq l-għatba tal-bieb, ċemplilha l-qanpiena tad-dar u malajr daħal jiġri ġo l-appartament tiegħu ħalli jara x’se jiġri. Il-mara fqira fetħet il-bieb u rat dil-ħobża fuq l-għatba. Bdiet tfaħħar lil Alla u tgħidlu: “Grazzi, Mulej. Kont naf li għax tlabtek kont se tipprovdili xi ħaġa x’niekol!” Hekk kif semagħha tirringrazzja lil Alla, dan ir-raġel ħareġ pront minn ġo l-appartament tiegħu u beda jmeriha u jgħidilha: “Baħnana li int! Dik il-ħobża kont jien li ħallejthielek u mhux Alla!” Pronta pronta, dil-mara weġbitu u qaltlu: “Nirringrazzja lil Alla li kultant jinqeda wkoll bix-xitan biex jgħid lil dawk bil-ġuħ!” Fi kliem ieħor riedet tgħidlu: “Int xitan, għax ma temminx li Alla jipprovi lil dawk li jitolbuh bil-fidi, imma llum inqeda bik biex seta’ jkolli x’niekol!”

Il-ġeografija ta’ nies foqra u bil-ġuħ tinsab madwar id-dinja kollha u ngħidilkom li anki f’Malta u f’Għawdex tagħna għandna nies u familji foqra: foqra mhux biss materjalment (fil-fatt joqogħdu attenti li ma jagħmlux kapriċċi) iżda wkoll intellettwalment, psikoloġikament u spiritwalment, għax ngħid jien: “Min qed jgħix fi stat ta’ dnub mejjet, (hu x’inhu dan id-dnub) mhux persuna fqira ħafna? Żgur mhix kuntenta, żgur m’għandhiex paċi f’qalbha u żgur tħoss vojt kbir li jmarradha! Pero’ ħa nerġa’ niġi għal New York…Xi mkien qrajt li biss biss fis-subborgi ta’ New York, dawk foqra u m’għandhomx għaxja ta’ lejla, ilaħqu n-numru ta’ 166,000 ruħ: numru eżaġert meta tqabblu mal-bqija ta’ nies sinjuruni li għandhom ir-residenza tagħhom fl-istat ta’ New York. Mela nistgħu ngħidu li fi New York hemm nies mejtin fis-sakra u eluf oħrajn qegħdin imutu għal qatra! Min se jgħinhom lil dawn in-nies? Min se jitmagħhom? niġu għall-vanġelu li għadni kemm ħabbartilkom: Ħa nagħmel erba’ riflessjonijiet

L-ewwel riflessjoni. Meta sema’ bl-aħbar li kienu qatlu lil Ġwanni l-Battista, Ġesu’ telaq minn hemm u mar waħdu f’post imwarrab. Ngħid jien: “X’mar jagħmel waħdu f’post imwarrab? Mar ifittex ftit tas-skiet, forsi biex jikkomunika mal-Missier kif kien soltu jagħmel. Fi żmienu Ġesu’ kien iħoss il-bżonn tas-skiet…Mela xi ngħidu għal-lum? Qegħdin ngħixu f’dinja mgħaġġla u storbjuża: ħsejjes ta’ karozzi, ħsejjes ta’ magni, ħsejjes ta’ stereos miftuħin beraħ…Niftakar, Papa l-Pawlu VI kien qal hekk għal żmienu: “Ġesu’ jistedinna nidħlu fil-kamra tagħna ta’ qalbna u nitolbu fis-skiet.” Ikompli jgħid dan il-Papa qaddis: “Illum dil-kamra hija msakkra u ma tantx nistgħu nidħlu fiha għax tlifna ċ-ċavetta tagħha!” Aħseb u ara llum kieku x’jgħid dan il-qaddis Papa Pawlu VI!

It-tieni riflessjoni. Dak inhar li Ġesu’ kattar il-ħobż u tema’ bihom ħamest elef raġel, barra nisa u naraw kemm kienu determinati li jiltaqgħu miegħu u ħadd u xejn ma skuraġġihom li jmorru jfittxuh fid-deżert! Ix-xewqa tagħhom li jiltaqgħu ma’ Ġesu’ kienet kbira tant għax emmnu li Ġesu’ seta’ jagħmel differenza fil-ħajja tagħhom. Nistaqsi lili nnifsi u lilkom: “Kemm aħna determinati li niltaqgħu ma’ Ġesu’ fis-sagrament tal-Ewkaristija? Ġesu’ Ewkaristija jista’ jagħmel differenza kbira fil-ħajja spiritwali u materjali tagħna.

It-tielet riflessjoni. Ġesu’ fl-Ewkaristija huwa ikel għal ħajjitna, jitmagħna b’ġismu stess. Iva, imma min-naħa tiegħu hu jistenna li aħna noħorġu mill-knisja u mmorru nitimgħu lill-oħrajn, speċjalment lil dawk li huma bil-ġuħ u bil-għatx, lil dawk fil-bżonn u lill-foqra. Meta għamel il-miraklu tat-tkattir tal-ħobż, dan m’għamlux biex juri l-qawwa tiegħu ta’ Alla u Bniedem li kien, imma għax meta ra l-kotra ta’ nies jiġru warajh, jgħidilna l-evanġelista San Mattew: “Hu tħassarhom!” Hekk illum, nistgħu ngħidu li f’kull ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, Ġesu’ jerġa’ jsir ħaj biex intom u jien nagħtu minn dak li għandna lil dawk li huma fil-bżonn, jekk jista’ jkun mhux miż-żejjed li għandna imma minn dak li verament m’huwiex tagħna, imma li jappartjeni lill-oħrajn. Forsi bla nafu nkunu qegħdin nisirquh minn ħalq il-fqar!

It-raba’ riflessjoni. B’ħames ħobżiet u żewġ ħutiet żgħar, Ġesu’ kien kapaċi jitma’ kotra kbira ta’ nies għajjena u bil-ġuħ. Hekk jaf jagħmel Ġesu’: juża l-ftit tagħna u jkattru biex iqassam u jqassam lill-oħrajn. X’jista’ jkun dan il-ftit tagħna? Jistgħu jkunu t-talenti tagħna, jista’ jkun il-ħin tagħna, jistgħu jkunu l-flus li nagħtu (nafu kemm hu ġeneruż il-poplu tagħna…) Ġesu’ jista’ jerġa’ jtenni u jtenni l-miraklu tat-tkattir tal-ħobż. Nispiċċa b’daqsxejn ta’ poeżija miktuba mill-Messikan Amado Nervo…Dal-Poeta jikteb hekk: “Mulej Ġesu’ jiena xrara nar, agħmilni ħuġġieġa kbira; jiena sempliċi korda, agħmilni kanzunetta sabiħa; jiena ftit ħamrija magħmula min-nemel, agħmilni muntanja; jiena qatra ilma, agħmilni funtana ta’ ilma frisk; jiena rixa, agħmilni ġewnaħ ta’ għasfur li jtir ‘il fuq u jisseqqer fuq il-kampanja!”

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading