Messaġġ tal-Papa Ljun XIV waqt l-Angelus tat-2 Ħadd matul is-Sena

IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 18 ta’ Jannar, 2026

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum, l-Evanġelju (cfr Gw 1,29-34) jkellimna dwar Ġwanni l-Battista li f’Ġesù jagħraf il-Ħaruf t’Alla, il-Messija: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, – jgħid – li jneħħi d-dnub tad-dinja (v. 29) u jżid: “ġejt ngħammed bl-ilma, biex hu jkun mgħarraf lil Iżrael” (v. 31).

F’Ġesù, Ġwanni jagħraf is-Salvatur, ixandar id-divinità tiegħu u l-missjoni għall-poplu ta’ Iżrael, imbagħad iwarrab mix-xena, dmiru qdieħ kif juri kliemu: “Warajja ġej bniedem li hu aqwa minni, għax kien qabli” (v. 30).

Il-Battista hu bniedem maħbub ħafna mill-poplu tant li kienu jibżgħu minnu anki l-awtoritajiet ta’ Ġerusalemm (cfr Ġw 1,19).  Kienu ikun faċli għalih jisfrutta din il-fama, iżda bl-ebda mod ma jċedi għat-tentazzjoni tas-suċċess u tal-popolarità. Quddiem Ġesù, jagħraf iċ-ċokon tiegħu u jagħmel wisa’ għall-kobor tas-Salvatur. Jaf li hu mibgħut biex iħejji t-triq tal-Mulej (Mk 1,3; cfr Iż 40,3), u meta l-Mulej jasal, bil-ferħ u bl-umiltà jagħraf il-preżenza tiegħu u jirtira mix-xena.

Kemm hi importanti għalina llum ix-xhieda tiegħu!  Infatti, llum tingħata importanza eċċessiva lill-approvazzjoni, il-kunsens, il-viżibbiltà, tant li jispiċċaw jikkundizzjonaw l-ideat, l-imġieba u l-burdati tal-persuni b’mod li jġibu tabtijiet u firdiet, jagħtu lok għal stili ta’ ħajja u relazzjonijiet superfiċjali, deludenti, ta’ jasar. Fil-verità aħna m’għandniex bżonn “dal-ferħ falz”.  Il-ferħ tagħna u l-kobor tagħna mhumiex mibnijin fuq l-illużjonijiet li jgħaddu tas-suċċess u tal-fama, imma fuq il-fatt li nafu li aħna maħbubin u mixtieqa minn Missierna li jinsab fis-ema.

Hi l-imħabba li jkellimna dwarha Ġesù: dik ta’ Alla li llum ukoll għadu jiġi fostna mhux biex jimpressjonana b’xi effetti speċjali, imma biex jaqsam magħna t-taqbid tagħna u biex jieħu fuqu t-toqol tagħna ħalli jurina min aħna verament u kemm aħna prezzjużi f’għajnejh.

Għeżież, noqgħodu attenti biex meta jgħaddi minn ħdejna ma jsibniex aljenati.  Ejjew ma naħlux ħin u enerġiji niġru wara kulma hu biss apparenza.  Ejjew nitgħallmu minn Ġwanni l-Battista biex inżommu l-ispirtu tagħna dejjem jishar, inħobbu l-affarijiet sempliċi u kliemna sinċier, ngħixu b’sobrijetà u profondità tal-moħħ u tal-qalb, nikkuntentaw b’dak li hu meħtieġ u, jekk possibbli, insibu mument speċjali kuljum biex nieqfu fis-skiet u nitolbu, nirriflettu, nisimgħu – fil-qosor, “nagħmlu deżert,” biex niltaqgħu mal-Mulej u nkunu miegħu.

Tgħinna f’dan il-Verġni Marija, mudell tas-sempliċità, tal-għaqal u tal-umiltà.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

illum tibda l-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara.  Din l-inizjattiva taf il-bidu tagħha żewġ sekli ilu u l-Papa Ljun XIII kien inkoraġġiha ħafna.  Propju mitt sena ilu, għall-ewwel darba, kienu ġew ippubblikati “Suġġerimenti għall-Ottavarju ta’ talb għall-għaqda fost l-insara”.  It-tema ta’ dis-sena meħudha mill-ittra lill-Efesin: “ġisem wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejħa għal tama waħda” (Ef 4,4).  It-talb u r-riflessjonijiet tħejjew minn grupp ekumeniku ikkoordinat mid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Inter-Reliġjużi tal-Knisja Appostolika Armena.  Għalhekk nistieden lill-komunitajiet kattoliċi kollha biex tul dal-ġranet jitolbu b’ħerqa akbar għall-għaqda sħiħa u viżibbli bejn l-insara kollha.

Dan l-impenn tagħna għall-għaqda għandu jkun imsieħeb koerentement ma’ impenn għall-paċi u l-ġustizzja fid-dinja. Illum nixtieq infakkar b’mod partikolari d-diffikultajiet kbar li għaddejja minnhom il-popolazzjoni tal-lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Congo li minħabba l-vjolenza qed ikollha taħrab minn pajjiżha, speċjalment lejn il-Burundi, u qed tħabbat wiċċha ma’ kriżi umanitarja gravi.  Nitolbu sabiex bejn il-partijiet fil-kunflitt isaltan dejjem id-djalogu għar-rikonċiljazzjoni u għall-paċi.

Nixtieq ukoll niżgura talbi għall-vittmi tal-għarar li dawn l-aħħar ġranet laqat l-Afrika tan-nofsinhar.

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, rumani u pellegrini!

Insellem ukoll lill-grupp tal-Piggot School minn Wargrave, l-Ingilterra, kif ukoll lill-grupp “Fratres” tal-komunità parrokkjali minn Compitese.  Insellem lill-fidili minn pajjiżi varji, lill-familji u l-assoċjazzjonijiet.  Grazzi tal-preżenza tagħkom u tat-talb tagħkom!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading