IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 25 ta’ Jannar, 2026
Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Wara li tgħammed Ġesù beda l-predikazzjoni tiegħu u sejjaħ lill-ewwel dixxipli, Xmun – magħruf bħala Pietru -, Andrija, Ġakbu u Ġwanni (cfr Mt 4,12-22). Aħna u niflu mill-qrib dix-xena tal-Evanġelju tal-lum, nistgħu nagħmlu żewġ mistoqsijiet: waħda dwar iż-żmien li fih Ġesù beda l-missjoni u l-oħra dwar il-post li jagħżel biex jipprietka u jsejjaħ lill-appostli.
Insaqsu: meta jibda? mnejn jibda?
L-ewwel, l-Evanġelista jgħidilna li Ġesù beda l-predikazzjoni tiegħu “malli sar jaf li kienu arrestaw lil Ġwanni” (v. 12). Allura, dan jidher li ma kienx l-aħjar mument: il-Battista għadu kif ġie arrestat, għalhekk, il-kapijiet tal-poplu mhumiex lesti li jilqgħu in-novità tal-Messija. Jidher li hu waqt li jissuġġerixxi prudenza, iżda propju f’dis-sitwazzjoni ta’ dlam, Ġesù jibda jwassal id-dawl tal-Aħbar it-tajba: “Is-saltna tas-smewwiet waslet” (v. 17).
Fil-ħajja personali u ekkleżjali wkoll, ximindaqqiet, minħabba reżistenzi interjuri jew ċirkostanzi li jidhrilna li ma tantx ikunu favorevoli, nibdew inqisu li mhux il-mument tajjeb biex inħabbru l-Evanġelju, jew biex nieħdu xi deċiżjoni, nagħmlu għażla, nibdlu sitwazzjoni. Madankollu hemm ir-riskju li nibqgħu mwaħħlin mal-indeċiżjoni inkella lsira ta’ prudenza żejda waqt li l-Evanġelju jitlob minna r-riskju tal-fiduċja: Alla jaħdem f’kull żmien u kull waqt hu tajjeb għall-Mulej, anki jekk ma nħossuniex lesti jew jekk jidher li ma tkunx sitwazzjoni ideali.
Ir-rakkont tal-Evanġelju jurina l-post mnejn Ġesù jibda l-missjoni pubblika tiegħu: “Telaq minn Nażaret u mar joqgħod Kafarnahum” (v. 13). Xorta waħda jibqa’ fil-Galilija, territorju li l-abitanti tiegħu kienu fil-biċċa l-kbira pagani li minħabba l-kummerċ u wkoll peress li kienet art passaġġa u ta’ laqgħa nistgħu ngħidu li kien territorju multikulturali li kienu jgħaddu minnu nies minn diversi nħawi u differenti fit-twemmin reliġjuż tagħhom. B’dal-mod, l-Evanġelju jurina li l-Messija ġej minn Iżrael imma jaqsam il-konfini ta’ artu biex iħabbar lil Alla li niżel qrib kulħadd, bla esklużjoni, li ma ġiex biss għal min hu pur, anzi, jitwaħħad mas-sitwazzjonijiet u mar-relazzjonijiet umani. Aħna l-insara wkoll, jeħtieġ li negħlbu t-tentazzjoni li ningħalqu: infatti, l-Evanġelju għandu jitħabbar u jingħex f’kull ċirkostanza u f’kull ambjent ħalli jkun il-ħmira tal-fraternità u tal-paċi bejn il-bnedmin, bejn il-kulturi, bejn ir-reliġjonijiet u bejn il-popli.
Ħuti, l-istess bħall-ewwel dixxipli, aħna msejħin biex nilqgħu s-sejħa tal-Mulej bil-ferħ għax nafu li Hu jżur kull żmien u kull rokna ta’ ħajjitna b’imħabbtu. Nitolbu lill-Verġni Marija biex taqlgħalna l-grazzja tal-fiduċja fina nfusna u biex takkupanjana fil-mixja.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti,
Dat-tielet Ħadd taż-Żmien Ordinarju hu l-Ħadd tal-Kelma t’Alla. Il-Papa Franġisku waqqaf dil-ġurnata seba’ snin ilu biex fil-Knisja kollha jsaħħaħ l-għarfien tal-Iskrittura Mqaddsa u l-attenzjoni lejn il-Kelma t’Alla, fil-Liturġija u fil-ħajja tal-komunità. Irrodd ħajr u nagħmel kuraġġ lil kulmin bil-fidi u l-imħabba hu impenjat f’dil-ħidma prijoritarja.
F’dal-ġranet ukoll, l-Ukrajna għadha ssofri attakki kontinwi li qed iħallu popolazzjonijiet sħaħ miftuħin għall-kesħa tax-xitwa. Qed insegwi bi swied il-qalb dak li qed jiġri u jien qrib u nitlob għal dawk li qed isofru. L-ostilità li tibqa’ sejra b’konsegwenzi dejjem aktar serji għan-nies ċivili, tkabbar il-firda bejn il-popli u tibqa’ tbiegħed paċi ġusta u dejjiema. Nistieden lil kulħadd biex iżid l-isforzi ħalli dil-gwerra tintemm.
Illum hu l-Jum Dinji tal-Morda bil-Lebbra. Nesprimi l-qrubija tiegħi lejn kull persuna milquta minn dil-marda. Nagħmel kuraġġ lill-Assoċjazzjoni Taljana Ħbieb ta’ Raoul Follereau u lil kulmin jieħu ħsieb il-morda bil-lebbra u hu impenjat biex iħares id-dinjità tagħhom.
Insellem lilkom ilkoll, fidili minn Ruma u pellegrini minn diversi pajjiżi! Insellem b’mod partikolari lill-kor parrokjali minn Rakovski, fil-Bulgarija, lill-grupp Quinceañeras de Panamá, lill-istudenti tal-Istitut “Zurbarán” minn Bajadoz, fi Spanja kif ukoll lill-adoloxxenti li se jagħmlu l-Griżma mill-parroċċa ta’ San Marco Vecchio, Firenze; lill-komunita’ skolastika tal-Istitut Komprensiv “Erodoto” minn Corigliano-Rossano u lill-Assoċjazzjoni tal-volontarjat “Cuori Aperti” minn Lecce.
Insellem b’għożża liż-żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika ta’ Ruma flimkien mal-ġenituri, l-edukaturi u s-saċerdoti tagħhom li qed jagħmlu l-Karwana tal-Paċi. Għeżież tfal u adoloxxenti rroddilkom ħajr għax tgħinu lilna adulti nħarsu lejn id-dinja minn perspettiva oħra: dik tal-kollaborazzjoni bejn il-persuni u l-popli differenti. Qatt tkunu vjolenti la bil-kliem u lanqas bil-ġesti. Qatt! Il-ħażen jintrebaħ biss bit-tajjeb.
Flimkien ma dawn iż-żgħar nitolbu għall-paċi: fl-Ukrajna, fil-Lvant Nofsani u f’kull post fejn, sfortunatament, hemm it-taqbid minħabba interessi li mhumiex tal-poplu. Il-paċi tinbena bir-rispett lejn il-popli!
Illum tintemm il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara. Waranofsinhar, kif inhi t-tradizzjoni, se niċċlebra l-Vespri fil-Bażilika ta’ San Paolo Fuori le Mura, flimkien ma’ Rappreżentanti ta’ konfessjonijiet kristjani oħra. Irrodd ħajr lil kull min se jieħu sehem anki permezz tal-meżżi tal-komunikazzjoni u nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber