It-toroq tal-hena. Niċċelebraw l-Evanġelju tar-raba’ Ħadd tas-sena.

Kitba ta’ Fr Jimmy Bonnici

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Henjin il-foqra fl-ispirtu.

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

F’dak iż-żmien, kif ra l-folol, Ġesù tala’ fuq il-muntanja, qagħad bilqiegħda, u resqu lejh id-dixxipli tiegħu. Fetaħ fommu u qabad jgħallimhom u jgħid:

“Henjin il-foqra fl-ispirtu,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Henjin l-imnikkta,
għax huma jkunu mfarrġa.
Henjin ta’ qalbhom ħelwa,
għax huma jkollhom b’wirthom l-art.
Henjin dawk li huma bil-ġuħ u bl-għatx tal-ġustizzja,
għax huma jkunu mxebbgħin.
Henjin dawk li jħennu,
għax huma jsibu ħniena.
Henjin dawk li huma safja f’qalbhom,
għax huma jaraw lil Alla.
Henjin dawk li jġibu l-paċi,
għax huma jissejħu wlied Alla.
Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom
u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija.
Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet”. Mt 4:12-23.

  1. Riflessjoni/talba:

i. F’dak iż-żmien, kif ra l-folol, Ġesù tala’ fuq il-muntanja, qagħad bilqiegħda, u resqu lejh id-dixxipli tiegħu. Fetaħ fommu u qabad jgħallimhom u jgħid: “Henjin …”

Jara l-folol:
ma jaħrabx – għalihom ġie;
ma jimteliex bih innifsu – ma ġiex biex juża n-nies.

Imma jitla’ ‘l fuq
bħal Mosè li jagħti l-għaxar kelmiet
li jipproteġu l-ħajja u l-libertà

hekk jitla’ biex jiżvela t-toroq
għal dak li hemm fil-qalb t’Alla –
l-ewwel kelma li jlissen: Ħenjin.

Irrifletti:
• Din l-ewwel kelma – Ħenjin – x’tgħidlek fuq Alla?

ii. Henjin il-foqra fl-ispirtu,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Henjin l-imnikkta,
għax huma jkunu mfarrġa.
Henjin ta’ qalbhom ħelwa,
għax huma jkollhom b’wirthom l-art.

Hemm triq immarkata mill-biża’ –
li ma niswiex, li nitlef, li se mmut –
u allura naħtaf, naħrab, nikkontrolla.

Hemm triq immarkata bl-hena:
ta’ min ipoġġi l-fiduċja f’Alla u jirċeviH
ta’ min iħalli lilu nnifsu jintmess mir-realtà u anke mill-faraġ
ta’ min jersaq b’ġentilezza u jiggosta b’sempliċità.

Irrifletti
• Fejn mistieden tibdel l-istil ta’ ħajtek?

iii. Henjin dawk li huma bil-ġuħ u bl-għatx tal-ġustizzja,
għax huma jkunu mxebbgħin.
Henjin dawk li jħennu,
għax huma jsibu ħniena.
Henjin dawk li huma safja f’qalbhom,
għax huma jaraw lil Alla.
Henjin dawk li jġibu l-paċi,
għax huma jissejħu wlied Alla.
Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.

Ħenjin dawk li ma jiġux illuppjati
mill-kumdità jew mill-ħażen

imma jżommu l-ħarsa ‘l barra
u qalbhom u ħidmiethom fis-sewwa.

Irrifletti

• Meta ħadt deċiżjonijiet iebsa biex timxi mat-tajjeb u doqt il-ferħ?

  1. Missierna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading