Messaġġ tal-Papa Ljun XIV għall-Jum Dinji tal-Marid, 2026

MESSAĠĠ TAL-PAPA LJUN XIV
GĦALL-XXXIV
JUM DINJI TAL-MORDA
11 ta’ Frar 2026

Il-kompassjoni tas-Samaritan: tħobb billi ġġor it-tbatija tal-ieħor
 

Għeżież ħuti!

L-XXXIV Jum Dinji tal-Morda ser ikun iċċelebrat solennement f’Chiclayo, il-Perù, fil-11 ta’ Frar 2026. Għal din iċ-ċirkustanza xtaqt nipproponi x-xbieha tas-Samaritan it-Tajjeb, dejjem attwali u meħtieġa biex niskopru s-sbuħija tal-karità u d-dimensjoni tal-kompassjoni, biex nitfgħu l-attenzjoni fuq dawk li huma fil-bżonn u li qegħdin ibatu, bħalma huma l-morda.

Ilkoll kemm aħna smajna u qrajna din is-silta kommoventi mill-Evanġelju ta’ San Luqa (ara Lq10:25-37), fejn wieħed għalliem tal-liġi jistaqsi lil Ġesù min hu l-proxxmu li għandu jħobb. Ġesù jwieġeb billi jirrakkonta storja: raġel li kien qed jivvjaġġa minn Ġerusalemm għal Ġeriko waqa’ f’idejn il-ħallelin li ħallewh nofsu mejjet; qassis u levita baqgħu għaddejjin, iżda wieħed Samaritan ġietu ħniena minnu (kompassjoni), infaxxalu l-feriti, ħadu f’lukanda u ħallas biex jieħdu ħsiebu. Xtaqt nipproponi din ir-riflessjoni fuq dan il-passaġġ bibliku, mil-lenti ermenewtika tal-Enċiklika Fratelli tutti (Ilkoll aħwa), tal-maħbub predeċessur tiegħi l-Papa Franġisku, fejn il-kompassjoni u l-ħniena lejn dawk fil-bżonn ma jirriduċux ruħhom għal sempliċi sforz individwali, iżda jirrealizzaw ruħhom f’relazzjoni: mal-aħwa li huma fil-bżonn, ma’ dawk kollha li jieħdu ħsiebhom u, fl-aħħar mill-aħħar, ma’ Alla li jagħtina mħabbtu.

1. Id-don tal-laqgħa; il-ferħ tal-għotja fil-qrubija u l-preżenza

Qegħdin ngħixu mgħarrqin f’kultura traxxnata, tal-immedjat, tal-għaġla, iżda wkoll tal-iskart u tal-indifferenza, li ma tħalliniex nersqu u nieqfu matul mixjietna biex naraw il-ħtiġijiet u t-tbatijiet li aħna mdawrin bihom. Il-parabbola tirrakkonta li s-Samaritan, kif ra l-ferut, “ma baqax sejjer”, iżda wera lejh ħarsa miftuħa u attenta, il-ħarsa ta’ Ġesù, li wasslitu għal qrubija umana u solidali. Is-Samaritan “waqaf, resaq qrib tiegħu, dewwielu l-ġrieħi b’idejh stess, ħallas minn butu u ħa ħsiebu. Fuq kollox tah […] mill-ħin tiegħu”.[1] Ġesù ma jgħallimniex min huma dawk qrib tagħna, iżda kif aħna nsiru qrib tagħhom.[2] F’dan ir-rigward, nistgħu naffermaw ma’ Santu Wistin li l-Mulej ma riedx jgħallimna min kienu dawk qrib dan ir-raġel, imma lejn min hu kellu jkun qrib. Fil-fatt ħadd ma huwa qrib ta’ xi ħadd ieħor sakemm ma jersaqx lejh minn jeddu. Għalhekk sar qrib dak li kellu ħniena.[3]

L-imħabba mhix passiva, tmur biex tiltaqa’ mal-ieħor; li tkun qarib (proxxmu) ma jiddependix mill-qrubija fiżika jew soċjali, imma mid-deċiżjoni li tħobb. Għalhekk in-Nisrani jsir qarib ta’ dak li jsofri, billi jimxi fuq l-eżempju ta’ Kristu, il-veru Samaritan Divin li joqrob lejn l-umanità feruta. Dan ma jikkonsistix sempliċement f’ġesti ta’ filantropija, imma ta’ sinjali li fihom wieħed jista’ jipperċepixxi li s-sehem personali fit-tbatija tal-ieħor jimplika li tagħti lilek innifsek, ifisser li tmur lil hinn mis-sodisfazzjon tal-ħtiġijiet, biex tasal li l-persuna tagħna tkun parti mill-għotja.[4] Din il-karità hi neċessarjament sostnuta mil-laqgħa ma’ Kristu, li għall-imħabba ta lilu nnifsu għalina. San Franġisk ifissirha tant tajjeb meta hu u jitkellem mal-lebbrużi, qal: “Il-Mulej innifsu wassalni fosthom”,[5] għaliex permezz tagħhom huwa skopra l-ferħ ħelu tal-imħabba.

Id-don tal-laqgħa jinbet mir-rabta ma’ Ġesù Kristu, li nidentifikawh bħala s-Samaritan it-tajjeb li ġabilna s-saħħa eterna u li nagħmluh preżenti meta ninżlu quddiem ħuna ferut. Sant’Ambroġ qal: “Peress li ħadd ma hu hekk qrib tagħna daqs dak li fejjaq il-ġrieħi tagħna, inħobbuh bħala l-Mulej, u nħobbuh ukoll bħala proxxmu: fil-fatt xejn ma hu hekk qrib daqs ir-ras mal-membri. Inħobbu wkoll lil dak li jimita lil Kristu: inħobbu lil dak li jbati minħabba l-faqar tal-oħrajn, minħabba l-għaqda tal-ġisem”.[6] Tkun wieħed fil-Wieħed, fil-qrubija, fil-preżenza, fl-imħabba li wieħed jirċievi u jaqsam mal-oħrajn, u li tgawdi, bħal San Franġisk, mill-ħlewwa li tkun iltqajt Miegħu.

2. Il-missjoni maqsuma fil-kura tal-morda

San Luqa jkompli jgħidilna li s-Samaritan “tħassru”. Li titħassar jimplika emozzjoni profonda, li timbuttana għall-azzjoni. Huwa sentiment li joħroġ minn ġewwa u jwassal għall-impenn lejn it-tbatija tal-oħrajn. F’din il-parabbola, il-ħniena hi karatteristika distintiva tal-imħabba attiva. Mhix teorika u lanqas mhi sentimentali, imma tinbidel f’ġesti konkreti: is-Samaritan resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi, tgħabba bih u ħa ħsiebu.Imma attenti, dan ma għamlux waħdu, individwalment: “Is-Samaritan fittex lukandier li seta’ jieħu ħsieb ta’ dak ir-raġel, l-istess kif aħna msejħin nistiednu u niltaqgħu f’‘aħna’ li hu iżjed b’saħħtu mill-ġabra ta’ individwi żgħar”.[7] Jien stess innutajt, fl-esperjenza tiegħi ta’ missjunarju u isqof fil-Perù, kif ħafna persuni jaqsmu l-ħniena u l-kompassjoni bil-mod tas-Samaritan u tal-lukandier. Il-familjari, il-qraba, il-ħaddiema tas-saħħa, il-persuni li huma impenjati fil-pastorali tas-saħħa u ħafna oħrajn li jieqfu, jersqu, jieħdu ħsieb, iġorru, jakkumpanjaw u joffru dak li għandhom, jagħtu lill-ħniena dimensjoni soċjali. Din l-esperjenza, li titwettaq f’nisġa ta’ relazzjonijiet, tissupera l-impenn sempliċi individwali. Kien għalhekk li l-Eżortazzjoni appostolika Dilexi te ma għamlitx biss referenza għall-kura tal-morda bħala “parti importanti” mill-missjoni tal-Knisja, iżda bħala “azzjoni ekkleżjali” awtentika (n. 49). Fiha kkwotajt lil San Ċiprijanu biex nuri li f’dik id-dimensjoni aħna nistgħu nagħrfu s-saħħa tas-soċjetà tagħna: “Din l-epidemija, din il-pesta, li tidher orribbli u ta’ theddida, tpoġġi fil-prova l-ġustizzja ta’ kull wieħed, u teżamina s-sentimenti tar-razza umana; jekk dawk li huma f’saħħithom jaqdu lill-morda, jekk il-qraba jħobbu b’rispett lil dawk li jiġu minnhom, jekk is-sidien ikollhom ħniena mill-qaddejja li ma jifilħux, jekk it-tobba ma jabbandunawx lill-morda li jitolbu għajnuna”.[8]

Tkun wieħed fil-Wieħed ifisser li tħossok verament membru ta’ ġisem li fih inġorru, skont is-sejħa tagħna, il-ħniena tal-Mulej għat-tbatija tal-bnedmin kollha.[9] Barra minn hekk, it-tbatija li ċċaqlaqna mhix tbatija barranija, hija t-tbatija ta’ membru tal-istess ġisem tagħna li r-Ras tiegħu jikkmandana li nieħdu ħsieb xulxin għall-ġid ta’ kulħadd. F’dan is-sens tidentifika ruħha mat-tbatija ta’ Kristu u, meta offruta Kristjanament, tħaffef it-twettiq tat-talba tas-Salvatur innifsu għall-għaqda ta’ kulħadd.[10]

3. Imbuttati mill-imħabba għal Alla, biex niltaqgħu magħna nfusna u ma’ ħutna

Fil-kmandament doppju: “Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek” (Lq 10:27), nistgħu ngħarfu l-primat tal-imħabba ta’ Alla u l-konsegwenza diretta fil-mod li bih iħobb u jirrelata fid-dimensjonijiet kollha tiegħu. “L-imħabba lejn il-proxxmu turi l-prova tanġibbli tal-awtentiċità tal-imħabba lejn Alla, bħalma jgħid l-Appostlu Ġwanni: ‘Lil Alla għadu ħadd ma rah, imma jekk inħobbu ’l xulxin hu jgħammar fina, u mħabbtu ssib il-milja tagħha fina. […] Alla hu mħabba, u min jgħammar fl-imħabba jgħammar f’Alla u Alla fih’ (1 Ġw 4:12,16)”.[11] Għalkemm l-oġġett ta’ din l-imħabba huwa differenti: Alla, il-proxxmu u aħna nfusna, u f’dan is-sens nistgħu nifhmuhom bħala mħabbiet distinti, ma jistgħux jiġu mifruda minn xulxin.[12] Il-primat tal-imħabba divina jimplika li l-azzjoni tal-bniedem tkun imwettqa mingħajr interess personali u rikompensa, iżda pjuttost bħala manifestazzjoni ta’ mħabba li tittraxxendi l-liġijiet ritwali u tittraduċi ruħha f’kult awtentiku; meta taqdi lill-proxxmu tkun tħobb lil Alla bil-fatti.[13]

Din id-dimensjoni tippermettilna wkoll li niskopru dak li jfisser li nħobbu lilna nfusna. Ifisser li nbiegħdu minna l-interess li nwaqqfu l-istima tagħna nfusna jew is-sens tad-dinjità tagħna fuq sterjotipi ta’ suċċess, karriera jew nisel[14] u nirkupraw il-post tagħna quddiem Alla u ħutna. Benedittu XVI jgħid li “bħala ħliqa spiritwali, il-bniedem jirrealizza ruħu permezz ta’ relazzjonijiet interpersonali. Aktar ma jgħix dawn ir-relazzjonijiet b’mod awtentiku, aktar timmatura l-identità personali tiegħu. Il-bniedem juri kemm jiswa mhux billi jinqata’ għalih waħdu, imma billi jqiegħed lilu nnifsu f’relazzjoni mal-oħrajn u ma’ Alla”.[15]

Għeżież ħuti, “ir-rimedju veru għall-feriti tal-umanità huwa stil ta’ ħajja bbażata fuq l-imħabba fraterna, li għandha l-għeruq tagħha fl-imħabba ta’ Alla”.[16] Nixtieq bil-qawwa li l-istil tagħna fil-ħajja Kristjana ma jkun jonqsu qatt din id-dimensjoni fraterna, ‘Samaritana’, inklużiva, kuraġġuża, impenjata u solidali, li għandha l-għeruq l-iktar intimi tagħha fl-għaqda tagħna ma’ Alla, fil-fidi f’Ġesù Kristu. Imħeġġin minn din l-imħabba divina, inkunu nistgħu tassew ningħataw għall-ġid ta’ dawk kollha li jbatu, speċjalment f’ħutna l-morda, anzjani u mġarrba.

Nerfgħu talbietna lejn l-Imqaddsa Verġni Marija, Saħħa tal-morda; nitolbu l-għajnuna tagħha għal dawk kollha li qegħdin ibatu, li għandhom bżonn ta’ kompassjoni, smigħ u faraġ, u nitolbuha l-interċessjoni tagħha b’din it-talba antika, li kienet tingħad fil-familja għal dawk li kienu jgħixu fil-mard u fit-tbatija:  

Omm Ħelwa, titbegħidx minni,

twarrabx ħarstek minn fuqi.

Ejja miegħi kullimkien

u tħallini qatt waħdi.

Int li dejjem tħarisni

bħala l-Omm vera tiegħi,

agħmel li jberikni l-Missier,

l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. 

Nagħti minn qalbi l-barka appostolika tiegħi lill-morda kollha, lill-familjari tagħhom u lil dawk kollha li jassistuhom, lill-ħaddiema tas-saħħa, lill-persuni impenjati fil-pastorali tas-saħħa, u b’mod speċjali lil dawk li jieħdu sehem f’dan il-Jum Dinji tal-Morda.

Mill-Vatikan, 13 ta’ Jannar 2026

LJUN PP. XIV

Miġjub għall-Malti minn Dun Renato Borg


[1] Franġisku, Ittra enċiklika Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru 2020), 63.

[2] Ara ibid., 80-82.

[3] Ara Santu Wistin, Diskorsi, 171, 2; 179 A, 7.

[4] Ara Benedittu XVI, Ittra enċiklika Deus caritas est (25 ta’ Diċembru 2005), 34; San Ġwanni Pawlu II, Ittra appostolika Salvifici doloris (11 ta’ Frar 1984), 28.

[5] San Franġisk ta’ Assisi, Testment, 2: Fonti Francescane, 110.

[6] San Ambroġ, Trattat fuq il-Vanġelu ta’ San Luqa, VII, 84.

[7] Franġisku, Ittra enċiklika Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru 2020), 78.

[8] San Ċiprijanu, De mortalitate, 16.

[9] Ara San Ġwanni Pawlu II, Ittra appostolika Salvifici doloris (11 ta’ Frar 1984), 24.

[10] Ara ibid., 31.

[11] Eżortazzjoni appostolika Dilexi te (4 ta’ Ottubru 2025), 26.

[12] Ara ibid.

[13] Ara Franġisku, Ittra enċiklika Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru 2020), 79.

[14] Ara ibid., 101.

[15] Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 53.

[16] Franġisku, Messaġġ lill-parteċipanti fit-33 Festival internazzjonali taż-żgħażagħ (MLADIFEST), Medjugorje, 1-6 ta’ Awwissu 2022 (16 ta’ Lulju 2022).

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading