Il-Viżjoni Franġiskana tal-Paċi

DAWK LI JGĦIXU FID-DELL TAT-TRAWMA
TA’ ĦADDIEĦOR JIMMERITAW WENS,
KURA U AKKUMPANJAMENT

  • Is-Safeguarding Commission tal-Arċidjoċesi ta’ Malta f’kumment fir-rivista Il-Ħabbar ta’ Sant’Antnin

Kitba ta’ Michael Caruana

Il-vittmi sekondarji, jiġifieri dawk li jgħixu fid-dell tat-trawma ta’ min sofra abbuż, ħafna drabi jġorru l-piżijiet u l-esperjenzi tagħhom li wkoll jimmeritaw wens, kura u akkumpanjament. Dan qalitu s-Safeguarding Commission tal-Arċidjoċesi ta’ Malta f’kumment li tat lir-rivista Il-Ħabbar ta’ Sant’Antnin li fl-aħħar ħarġa ppubblikat intervista ma’ Karl Schembri awtur tar-rumanz Eħlisna mid-Deni.

Il-Kummissjoni qalet li t-temi li tqajmu fl-intervista lil Karl Schembri jirriflettu realtajiet ta’ tbatija għal ħafna individwi u familji affettwati minn abbuż. “Aħna nirrikonoxxu li l-ħsara tista’ tiżvolġi tul il-ġenerazzjonijiet u li l-impatt tal-abbuż qatt mhu limitat għal persuna waħda biss li sofriet l-abbuż b’mod dirett.

“L-impenn tas-Safeguarding Commission jibqa’ li nirrispondu b’integrità u b’kunfidenzjalità kull meta xi ħadd jitkellem u li nappoġġjaw lill-vittmi kollha indaqs, kemm dawk primarji kif ukoll dawk sekondarji, mingħajr ma nitkellmu minflokhom jew indgħajfu leħinhom”.

Din kienet l-ewwel darba li s-Safeguarding Commission intalbet tikkummenta dwar dak li qal Karl Schembri, ġurnalist u awtur, f’diversi mezzi ta’ kommumikazzjoni, dwar il-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rumanz tiegħu.            

Illum Schembri jgħix Najrobi, il-Kenja, fejn hu media advisor man-Norwegian Refugee Council għall-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar.

Hu jgħid li l-iktar pubblikazzjoni għal qalbu bħalissa hi ċertament l-aħħar waħda: ir-rumanz Eħlisna mid-Deni. Rumanz fittizju, mibni fuq l-istorja ta’ ħajtu li dejjem ħarab minnha. Ipprova jgħix ħajtu bħallikieku l-mard mentali ta’ missieru, l-imbarazzament u l-mistħija ma ġrawx. Fuq kollox ma ried lil ħadd ikun jaf. F’moħħu, iktar importanti milli li jirrakkonta l-istorja ta’ familtu, kellu s-sens ta’ ġustizzja li qatt ma saret miegħu, ma’ familtu u ma’ oħrajn vittmi ta’ abbuż. “Meta l-istat, l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet ifallu b’mod kolossali kif u fejn tista’ qatt tinkiseb xi forma ta’ ġustizzja”, jistaqsi Schembri. “L-abbuż”, isostni l-awtur, “ma jseħħx biss kontra l-individwi, imma mad-dinja kollha ta’ madwarhom u b’hekk l-inġustizzja titkattar u l-ġrieħi jaqtgħu fil-fond. F’das-sens il-kitba ta’ dan kollu hi fiha nnifsha att ta’ ġustizzja”.

F’din l-intervista Karl Schembri jgħid li jmur jaħdem bħala ġurnalist fil-Palestina kienet ħolma tiegħu li saret realtà meta kkuntattjawh minn aġenzija tal-aħbarijiet li kellhom post għal editur. Jgħid li f’daqqa waħda ġietu l-opportunità li jirrapporta dwar l-Intifada tal-2000 u l-gwerra fuq Gaża tal-2009. Mar fejn kien hemm l-iktar stejjer drammatiċi ta’ poplu mjassar. 

Mistoqsi jarax paċi bejn l-Iżrael u l-Palestina, Schembri wieġeb li l-paċi tasal biss meta ssir ġustizzja. In-nuqqas ta’ vjolenza mhux paċi għax jaħbi taħtu r-rabja t’għexieren ta’ snin ta’ inġustizzji.

Bħas-soltu r-rivista Il-Ħabbar ta’ Sant’Antnin tinkludi wkoll artikli dwar il-Franġiskani Konventwali ta’ Patri Allister M. Aquilina,Fra Ġorġ Micallef u Fra Mauro Zammit; it-tieni artiklu ta’ Patri Raymond Gatt mis-seniela dwar San Ġużepp; l-artiklu dwar l-Ambjent ta’ Professur Paul Pace, il-Viċi Chairperson tal-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent fejn jistaqsi jekk Malta hix tagħna u tal-Maltin biss; l-opinjoni ta’ Dr Klaus Vella Bardon dwar il-fidi msaħħa mir-raġuni u l-mirakli u l-paġna tal-isport ta’ Raymond Abdilla li fiha kiteb dwar kif Malta kitbet isem fil-kampjonat Ewropew tal-waterpolo.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading