Adorazzjoni – 1 Ħadd tar-Randan. Sena A

Adorazzjoni – 1 Ħadd tar-Randan (Sena A)

Mixħutin, Mulej, quddiemek,

insejħulek u nitolbuk

biex, la tiġi bħala Mħallef,

tbiegħed minna l-korla tiegħek.

Missierna, Sliema, Glorja

Bi ħtijietna nqasna ħafna

kontra t-tjieba kbira tiegħek:

iżda int, Mulej, agħdirna,

xerred fuqna grazzja w maħfra.

Missierna, Sliema, Glorja

Ftakar, Sid ħanin, li aħna

opra tiegħek, għalkemm naqgħu;

tħalli qatt ġieħ l-isem tiegħek

ikun mogħti lil ħaddieħor.

Missierna, Sliema, Glorja

Warrab il-ħażin li ġmajna,

għin it-tajjeb tagħna w kattru,

biex inkunu nogħġbu lilek

f’kulma nagħmlu, issa w dejjem.

Missierna, Sliema, Glorja

Trinità qaddiesa u mbierka,

Alla wieħed, ‘tina l-grazzja

li b’għemejjel sħaħ u tajba

niġbru frott kotran ta’ ħajja.

Missierna, Sliema, Glorja 

Silenzju       3min

Innu: ____________

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew                                             Mt 4:1-11

F’dak iż-żmien, l-Ispirtu ħa lil Ġesù fid-deżert biex ix-Xitan iġarrbu. U Ġesù baqa’ sajjem għal erbgħin jum u erbgħin lejl, u fl-aħħar ħadu l-ġuħ. U resaq it-tentatur u qallu: “Jekk inti Bin Alla, ordna li dan il-ġebel isir ħobż”. Iżda Ġesù wieġbu: “Hemm miktub: ‘Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla’”.

Imbagħad ix-Xitan ħadu miegħu fil-Belt imqaddsa, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet għal isfel; għax hemm miktub li: ‘Lill-anġli tiegħu jordnalhom jieħdu ħsiebek, u li fuq idejhom jerfgħuk, ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla’”. Qallu Ġesù: “Hemm miktub ukoll: ‘Iġġarrabx lill-Mulej, Alla tiegħek’”.

Għal darb’oħra x-Xitan ħadu miegħu fuq muntanja għolja ħafna, urieh is-saltniet kollha tad-dinja u l-glorja tagħhom, u qallu: “Dawn kollha nagħtihom lilek jekk tinxteħet tadurani”. Imbagħad qallu Ġesù: “Itlaq, Xitan! Għax hemm miktub: ‘Lill-Mulej, Alla tiegħek, għandek tadura, u lilu biss taqdi’”.

Imbagħad ix-Xitan ħallieh. U minnufih ġew xi anġli u kienu jaqduh.

Il-Kelma tal-Mulej    

Tifħir lilek Kristu

Silenzju       1min

Ġesù, għalkemm Int sirt bniedem bħalna, minn barra d-dnub; imma bħalna, Int ma kontx meħlus milli tiġi mġarrab. U għalhekk mill-bidu tal-ministeru tiegħek, sa fuq il-għuda tas-salib, Int ġejt imġarrab mix-xitan.  (3 sek pawsa)

Il-Profeta Ħoseja jgħid: “Jiena lil għarusa tiegħi neħodha fid-deżert u lil qalbha nkellem”. U hekk għamilt Int, ħriġt fid-deżert, biex tkun f’relazzjoni mal-Missier, imma wkoll biex tħejji lilek innifsek qabel ma tibda l-missjoni pubblika tiegħek. U kien f’dak il-mument, lix-xitan ipprova jwaqqak, ipprova jħajjrek biex tkun Messija, mhux skont ir-rieda tal-Missier, imma skont ir-rieda tiegħu. Għinna Mulej, għax kontinwament, aħna niġu mġarrbin biex nagħmlu dak li jogħġob lilna u mhux dak li trid minna Int.

Silenzju                 2 min

Niftakru li Ġesù għamel 40 jum fid-deżert: isum u jitlob. Huwa f’dak il-ħin, meta Int, o Ġesù, kont f’mument ta’ dugħfija fiżika, meta t-tentatur, ipprova jġarrbek. U kif għamel lilek, hekk jiġri lilna! Ix-xitan, jipprova jbegħdna milli nagħmlu r-rieda ta’ Alla f’ħajjitna.                                                                                                       (3 sek pawsa)

U għalhekk, o Maħbub, nitolbuk biex tirbotna miegħek, ħalli fil-mument tal-prova, fil-mument tat-tiġrib, aħna nitwaħħdu miegħek, u nagħmlu r-rieda ta’ Alla f’ħajjitna kif miktuba fl-Iskrittura.   

Jalla jkollna qalb miftuħa għall-Kelma ta’ Alla, biex fit-tiġrib, insibu l-qawwa.

Silenzju                 3 min

Innu: ____________

Talbiet tal-Komunitá

Il-Mulej Alla tagħna, tana lil Ibnu, biex ikun mudell għalina. Mimlijin b’fiduċja fih, nressqulu dawn it-talbiet:

Mulej Ġesù, nitolbuk tieqaf mal-Knisja tiegħek, biex ma tagħmel qatt dak li jkun jixtieq it-tentatur. Nitolbu.

Mulej Ġesù, nitolbuk għall-mexxejja tal-art, biex bi kliemhom u għemilhom juru li jħobbuk. Nitolbu

Mulej Ġesù, nitolbuk għal dawk li huma esposti kontinwament għal kull tip ta’ tentazzjoni, biex tieqaf magħhom, u tgħinnhom fid-diffikultajiet tagħhom. Nitolbu.

Mulej Ġesù, agħmel li mhux biss li nfittxu l-ikel li jgħajjixna materjalment, imma li nagħmlu ħilitna biex nersqu spiss lejn l-Ewkaristija, li taħjina spiritwalment. Nitolbu.

Mulej Ġesù, nitolbuk għall-katekumeni li se jirċievu l-Magħmudija fil-Vġili tal-Għid, biex timliehom bl-Ispirtu s-Santu, tnaddafhom minn dnubiethom, u ssaħaħhom biex jgħixu ta’ wlied id-dawl. Nitolbu.

Ejjew issa nagħmlu t-talba personali tagħna.

Tingħata l-Barka Sagramentali:

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading