QUDDIESA, TBERIK U TQEGĦID TAL-IRMIED
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Bażilika ta’ Santa Sabina
L-Erbgħa 18 ta’ Frar 2026
Għeżież ħuti,
Fil-bidu ta’ kull żmien liturġiku, niskopru mill-ġdid bil-ferħ dejjem ġdida l-grazzja li aħna Knisja, komunità miġmugħa biex tisma’ l-Kelma ta’ Alla. Il-profeta Ġoel ġie għandna bil-leħen tiegħu li joħroġ lil kull persuna mill-iżolament tagħha u jagħmel mill-konverżjoni urġenza personali daqskemm pubblika: “Iġbru l-poplu, qaddsu l-ġemgħa, għajtu x-xjuħ, iġbru t-tfal, u t-trabi tal-ħalib” (Ġoel 2:16). Isemmi l-persuni li ma jkunx diffiċli niġġustifikaw l-assenza tagħhom: dawk l-aktar dgħajfa u l-inqas adatti għal-laqgħat il-kbar. Imbagħad il-profeta jsemmi l-għarus u l-għarusa: donnu jrid isejħilhom joħorġu mill-intimità tagħhom, biex iħossuhom parti minn komunità ikbar. Għalhekk dan hu xogħol is-saċerdoti, li diġà jinsabu – kważi bi dmir – “bejn il-portiku u bejn l-altar” (v. 17); huma mistednin jibku u jsibu l-kliem it-tajjeb f’isem kulħadd: “Ħenn għall-poplu tiegħek, Mulej” (v. 17).
Ir-Randan illum ukoll hu żmien qawwi ta’ komunità: “Sejħu laqgħa mqaddsa; iġbru l-poplu” (Ġoel 2:16). Nafu kemm qed isir dejjem iżjed diffiċli niġbru lill-persuni u nħossuna poplu, mhux b’mod nazzjonalistiku u aggressiv, imma fil-komunjoni li fiha kull persuna ssib il-post tagħha. Saħansitra, hawn jissawwar poplu li jagħraf id-dnubiet tiegħu, jiġifieri li l-ħażen ma jiġix minn dawk li jaħsibhom għedewwa, imma wasal sa ġol-qlub, jinsab fil-ħajja tagħna stess u rridu naffrontawh billi bil-kuraġġ kollu nerfgħu r-responsabbiltà tagħna. Irridu nammettu li dan hu atteġġjament kontra l-kurrent, imma li, meta hu hekk naturali li niddikjaraw ruħna bla saħħa quddiem dinja li qed taqbad, din hi alternattiva vera u proprja, onesta u attraenti. Iva, il-Knisja teżisti wkoll bħala profezija ta’ komunità li tirrikonoxxi d-dnubiet tagħha.
Bla dubju, id-dnub hu personali, imma jieħu forma fl-ambjenti reali u virtwali li niffrekwentaw, fl-atteġġjamenti li bihom nikkundizzjonaw lil xulxin, mhux darba u tnejn fi ħdan “strutturi tad-dnub” veri u proprji, ta’ ordni ekonomiku, kulturali, politiku u saħansitra reliġjuż. Li niġġieldu lill-idolatrija f’isem Alla l-ħaj – tgħallimna l-Iskrittura – ifisser nissugraw il-libertà u nsibuha permezz ta’ eżodu, ta’ mixja. Mhux aktar ipparalizzati, riġidi, ċerti mill-pożizzjonijiet tagħna, imma miġbura flimkien biex nitħarrku u ninbidlu. Kemm hu rari li nsibu adulti li lesti jikkoreġu ħajjithom, persuni, intrapriżi u istituzzjonijiet li jammettu li żbaljaw!
Illum, magħna, għandna proprju din il-possibbiltà. U mhux ta’ b’xejn li għadd kbir ta’ żgħażagħ, anki f’kuntesti sekularizzati, qed iħossu iżjed minn qabel is-sejħa ta’ dan il-jum, l-Erbgħa tar-Rmied. Fil-fatt, huma ż-żgħażagħ li qed jifhmu b’mod ċar li hu possibbli mod ta’ ħajja aktar ġust u li jeżistu responsabbiltajiet għal dak li fil-Knisja u fid-dinja mhux sejjer sew. Għalhekk, jeħtieġ nibdew mnejn nistgħu u ma’ min jixtieq. “Araw, issa hu ż-żmien tajjeb; araw, issa hu jum is-salvazzjoni!” (2 Kor 6:2). Għalhekk, inħossu b’dan il-mod l-importanza missjunarja tar-Randan, ċertament mhux biex niddistraw ruħna mix-xogħol fuqna nfusna, daqskemm biex niftħuh għal tant persuni inkwetati u ta’ rieda tajba, li qed ifittxu t-toroq lejn tiġdid awtentiku tal-ħajja, fix-xefaq tas-Saltna ta’ Alla u tal-ġustizzja tiegħu.
“L-għala għandu jingħad fost il-popli: ‘Fejn hu Alla tagħhom?’” (Ġoel 2:17). Il-mistoqsija tal-profeta hi bħal daqqa ta’ sejf. Tfakkar lilna wkoll dawn il-ħsibijiet li jmissuna u li jitqanqlu fost min josserva bħal minn barra lill-poplu ta’ Alla. Ir-Randan fil-fatt iħeġġiġna għal dak id-dawrien lura – konverżjoni – li jagħmel iktar kredibbli t-tħabbira tagħna.
Sittin sena ilu, ftit ġimgħat wara l-għeluq tal-Konċilju Vatikan II, San Pawlu VI ried jiċċelebra pubblikament ir-Rit tal-irmied, u jagħmel viżibbli għal kulħadd, matul Udjenza ġenerali fil-Bażilika ta’ San Pietru, il-ġest li anki llum sejrin nagħmlu. Tkellem dwaru bħala “ċerimonja penitenzjali severa u impressjonanti” (Pawlu VI, Udjenza ġenerali, 23 ta’ Frar 1966), li turta lis-sens komun u fl-istess waqt tinterċetta l-mistoqsijiet tal-kultura. Qal: “Nistgħu nistaqsu, aħna l-moderni, jekk din il-pedagoġija għadhiex tinftiehem. Inwieġbu li iva. Għax hija pedagoġija realista. Hi tfakkira severa tal-verità. Teħodna lura għall-viżjoni t-tajba tal-eżistenza tagħna u tad-destin tagħna”.
Din il-“pedagoġija penitenzjali” – qal Pawlu VI – “tissorprendi lill-bniedem modern f’żewġ aspetti”: l-ewwel wieħed hu “dak tal-kapaċità immensa tiegħu ta’ illużjoni, ta’ awto-suġġestjoni, ta’ ingann sistematiku tiegħu nnifsu fuq ir-realtà tal-ħajja u tal-valuri tagħha”. It-tieni aspett hu “l-pessimiżmu fundamentali” li l-Papa Montini kien jilmaħ ma’ kullimkien: “Il-parti l-kbira tad-dokumentazzjoni umana offruta lilna llum mill-filosofija, mil-letteratura, mill-ispettaklu”, qal, “tasal biex tipproklama l-frugħa li bilfors hemm f’kollox, id-diqa immensa tal-ħajja, il-metafiżika tal-assurd u tax-xejn. Din id-dokumentazzjoni hi apoloġija tal-irmied”.
Aħna llum nistgħu nagħrfu l-profezija li kien fihom dawn il-kelmiet, u nħossu fl-irmied li jitqiegħed fuqna l-piż ta’ dinja li qed taqbad, ta’ bliet sħaħ imħarbta mill-gwerra: l-irmied tal-liġi internazzjonali u tal-ġustizzja fost il-popli, l-irmied ta’ ekosistemi sħaħ u tal-armonija fost il-persuni, l-irmied tal-ħsieb kritiku u ta’ tamiet qodma lokali, l-irmied ta’ dak is-sens tas-sagru li jgħammar f’kull ħlejqa.
“Fejn hu Alla tagħhom?”, jistaqsu l-popli. Iva, għeżież, dan qed tistaqsihulna l-istorja, u qabilha l-kuxjenza stess: li nsejħu lill-mewt b’isimha, inġorru fina s-sinjali tagħha, imma nagħtu xhieda tal-qawmien. Li nagħrfu d-dnubiet tagħna biex nikkonvertu, diġà hu tbassir u xhieda ta’ qawmien: fil-fatt ifisser li ma niqfux qalb l-irmied, imma nerġgħu nqumu u nerġgħu nibnu. Hekk it-Tridu tal-Għid, li niċċelebraw fil-qofol tal-mixja tar-Randan, jidher fil-ġmiel u s-sinifikat kollu tiegħu. Dan jagħmlu bis-sehem tagħna, permezz tal-penitenza, fil-mogħdija mill-mewt għall-ħajja, mill-impotenza għall-possibbiltajiet ta’ Alla.
Il-martri tal-qedem u ta’ żmienna jibbrillaw, f’dan, bħala pjunieri fil-mixja tagħna lejn l-Għid. It-tradizzjoni antika Rumana tal-istationes tar-Randan – li tagħha din tal-lum hi l-ewwel waħda – hi edukattiva: tfakkar lil kulħadd li għandu jimxi, bħala pellegrin, kif ukoll li għandu jieqaf – statio – ħdejn il-“memorji” tal-Martri, li fuqhom hemm mibnija l-bażiliċi ta’ Ruma. Forsi din mhix tħeġġiġa għalina biex nimxu fuq il-passi tax-xhieda tal-għaġeb li llum huma mxerrda mad-dinja kollha? Nagħrfu l-postijiet, il-ġrajjiet u l-ismijiet ta’ min għażel it-triq tal-Beatitudnijiet u ġarr sal-aħħar il-konsegwenzi tagħhom. Firxa wiesgħa ta’ żerriegħa li, anki meta dehret li ntilfet, midfuna fl-art ħejjiet il-ħsad kotran li issa jmiss lilna li naħsdu. Ir-Randan, kif issuġġerielna l-Vanġelu, waqt li jeħlisna milli rridu min jarana bilfors (ara Mt 6:2,5,16), jgħallimna naraw pjuttost dak li qed jitwieled, dak li qed jikber, u jimbuttana biex naqduh. Hija s-sintonija profonda li fis-satra ta’ min isum, jitlob u jħobb, tistabbilixxi ruħha ma’ Alla l-ħaj, Missier tagħna u ta’ kulħadd. Lejh nerġgħu norjentaw, b’sobrjetà u b’ferħ, dak kollu li aħna, il-qalb tagħna kollha.
Migjuba għall-Malti minn Francesco Pio Attard