VIŻTA PASTORALI
QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Parroċċa ta’ Santa Marija tal-Preżentazzjoni (Ruma)
It-III Ħadd tar-Randan, 8 ta’ Marzu 2026
Għeżież ħuti,
Bi pjaċir ninsab f’nofskom f’dan it-tielet Ħadd tar-Randan. Hija tappa importanti fil-mixja tagħna wara Ġesù, sal-Għid tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien tiegħu.
F’din il-mixja jintisġu b’mod qawwi flimkien il-qrubija ta’ Alla u l-ħajja tal-fidi tagħna: waqt li jġedded f’kull wieħed u waħda l-grazzja tal-Magħmudija, il-Mulej isejħilna nikkonvertu, proprju waqt li jsaffi l-qalb tagħna bl-imħabba tiegħu u bl-opri ta’ karità li jipproponilna nwettqu. F’dan, il-laqgħa bejn Ġesù u l-mara Samaritana tinvolvina b’intensità kbira. Fil-fatt, il-Vanġelu tal-lum, barra li jkellimna, jitkellem dwarna u jgħinna nirrevedu r-relazzjoni tagħna ma’ Alla.
L-għatx li għandha s-Samaritana għall-ħajja u għall-imħabba hu l-għatx tagħna: dak tal-Knisja u tal-umanità sħiħa, midruba mid-dnub imma li b’mod iżjed qawwi hemm tgħammar fiha x-xewqa għal Alla. Aħna nkunu nfittxuh bħall-ilma, anki meta ma nintebħux, kull darba li nistaqsu dwar is-sens tal-ġrajjiet, kull darba li nħossu kemm aħna neqsin mill-ġid li rridu għalina u għal min jinsab qrib tagħna.
F’din it-tiftixa, niltaqgħu ma’ Ġesù. Hu diġà jinsab hemm, biswit il-bir, fejn is-Samaritana ssibu waħdu, taħt ix-xemx ta’ nofsinhar, għajjien mill-vjaġġ. Il-mara tmur ħdejn il-bir f’dik is-siegħa mhux tas-soltu forsi biex tevita l-ħars tan-nisa l-oħra mimli preġudizzji. Ġesù jaqralha f’qalbha r-raġuni ta’ din l-emarġinazzjoni: iż-żwiġijiet falluti tagħha u l-konvivenza attwali tagħha jagħmluha indenja li tkun fil-kumpanija tal-ulied, tan-nisa u tal-ommijiet tar-raħal. Imma Ġesù jpoġġi ħdejn il-bir donnu qed jistennieha. Dan l-appuntament sorprendenti hu wieħed mill-modi kif, bħalma kien iħobb itenni l-Papa Franġisku, Kristu jurina lil Alla tas-sorpriżi: l-isbaħ, dawk li jibdlu l-ħajja, ikun fejn ikun li jiltaqgħu magħha jew ikun xi jkun il-mod li bih tippreżenta ruħha quddiem il-Mulej.
Dan ir-raġel iħobb lis-Samaritana b’mod li ħadd kien għadu ma għamel qabel. Waqt li hi kienet qed tfittex l-ilma ta’ kuljum, hu jrid jagħtiha dak ġdid, ħaj, li kapaċi jaqta’ kull għatx u jsikket kull tħassib, għax dan l-ilma jnixxi mill-qalb ta’ Alla, milja bla tarf ta’ kull xewqa.
L-inizjattiva ta’ Ġesù b’dan il-mod tniedi t-tiftix ta’ ġid ikbar mill-istess ilma: “Li kieku kont taf id-don ta’ Alla”, jgħid il-Mulej lill-mara. Din mhix ċanfira, imma wegħda: “Jien ninsab hawn biex inlaqqgħek ma’ Alla, li għalik qed isir don”. Iva, proprju għalik, li ma kontx tafu, li kont tħossok imbiegħda u kkundannata. Dan id-don se jibdlek: issir int stess għajn li tgelgel għall-ħajja ta’ dejjem. Flok l-għatx ta’ qabel, mimli mrar u nixfa spiritwali, l-Iben ta’ Alla joffri bħala don ħajja mġedda mill-ilma li jnixxi mill-ħniena tal-Missier. Kollox jinbidel fil-laqgħa mal-Mulej: il-mara bil-għatx issir għajn, dik li kienet imwarrba tikseb il-kunfidenza. Il-mara mdiehxa issa tfur bil-ferħ; dik li kienet muta fir-raħal issir missjunarja għan-nies kollha li jgħixu fih.
Qatt ma kienet se timmaġina li proprju hi, tant diżorjentata u mifnija mill-ħajja, setgħet jum wieħed tiggosta l-ilma frisk, don pur ta’ Alla, u ssir hi wkoll don għall-oħrajn. Kif iseħħ dan? Billi tiltaqa’ ma’ Ġesù, tiddjaloga miegħu, Verb ħaj ta’ Alla magħmul bniedem għas-salvazzjoni tagħna.
Ir-rakkont evanġeliku juri b’mod mirqum il-mixja ta’ maturazzjoni tal-mara, li ftit ftit tagħraf il-karatteristiċi fundamentali tal-identità ta’ Ġesù: bniedem, profeta, Messija u Salvatur. Aktar ma toqgħod ħdejh u tiggosta l-kumpanija tiegħu, is-Samaritana ssir min-naħa tagħha għajn ta’ verità. L-ilma ġdid tad-don ta’ Alla beda jgelgel fil-qalb, u hi tħossha minnufih imqanqla biex terġa’ lura tiġri fir-raħal tagħha, sa fl-aħħar ħielsa mill-mistħija u xewqana li tlaqqa’ ma’ kulħadd il-Ħellies tagħha, Ġesù, Dak li ppermetta dik il-meravilja kollha. Tmur tiġri proprju għand min qabel kien ikkundannaha, waqt li Alla ħafrilha, u tirrakkonta, tħabbar, tagħti xhieda. L-esiġenza tal-ilma, li kienet wasslitha biex tmur ħdejn il-bir, issa ċċedi postha għax-xewqa li hi twassal l-aħbar ġdida u tal-għaġeb li bidlitha.
Għeżież, bil-Magħmudija lkoll kemm aħna rċivejna l-grazzja ta’ ilma ġdid, li jaħsel kull ħtija u jaqta’ kull għatx. Kif ġralha l-mara Samaritana, hekk ukoll illum fir-Randan għandna żmien biex niskopru mill-ġdid id-don ta’ dan is-Sagrament li, bħal bieb, daħħalna għall-fidi u għall-ħajja Nisranija. Bħala Ragħaj tajjeb u attent, il-Mulej qed jistenniena u jseħibna dejjem, hemm fejn ngħixu u hekk kif aħna. Ifejjaq bil-ħniena l-ġrieħi tagħna u jsir għalina don, u jagħmilna kapaċi li aħna wkoll insiru don għall-aħwa.
Naf tajjeb li l-komunità parrokkjali tagħhom tgħix f’territorju b’diversi sfidi. Ma jonqsux sitwazzjonijiet ta’ marġinalità li jippreokkupawna, faqar materjali u morali. Anki l-adolexxenti u ż-żgħażagħ jirriskjaw li jikbru ingannati minn bejjiegħa tal-mewt jew diżillużi fuq il-futur. Ħafna qed jistennew dar, xogħol li jiżgura ħajja dinjituża, ambjenti siguri fejn jistgħu jiltaqgħu, jilagħbu, jippjanaw flimkien xi ħaġa sabiħa.
Bħal ħdejn il-bir tal-Vanġelu, f’din il-parroċċa jaslu rġiel u nisa midruba f’ruħhom, offiżi fid-dinjità u għatxana għat-tama. Għalikom il-ħidma, urġenti u ħelliesa, li turu l-qrubija ta’ Ġesù, ir-rieda tiegħu li jifdi l-ħajja tagħna mill-ħażen li jheddidha bi proposta ta’ ħajja ġusta, vera, sħiħa. Ibda mill-Ewkaristija, qalb li tħabbat ta’ kull komunità Nisranija, ninkuraġġikom tagħmlu mezz li l-ħidmiet parrokkjali jkunu sinjal ta’ Knisja li – bħal omm – tieħu ħsieb ta’ wliedha, bla ma tikkundannahom, anzi billi tilqagħhom, tismagħhom u tweżinhom quddiem il-periklu. Il-kelma tal-Vanġelu, li tgelgel fina bħal għajn ta’ verità, tgħin lil kull persuna tiftaħ għajnejha, biex tagħraf tiżen b’għerf dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin, u hekk issawwar kuxjenzi ħielsa u adulti.
Għeżież ħuti, ibqgħu mexjin ’il quddiem b’fiduċja! F’kull sitwazzjoni, il-Mulej jimxi magħna u jweżinna fit-triq. Il-Verġni Mqaddsa ssieħeb dejjem il-passi tagħkom fil-fidi, u tagħtikom il-ferħ li tkunu ħabbara umli u qalbiena tal-Vanġelu tiegħu.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard