Agħti widen, Mulej Alla,
nitolbuk bid-dmugħ f’għajnejna:
nersqu lejk f’daż-żmien imqaddes
tar-Randan, sogħbiena w niedma.
Missierna, Sliema, Glorja
Int li tifli l-qalb tal-bniedem,
taf kemm hi ħilitna dgħajfa;
lejk induru, biex naqilgħu
grazzja w maħfra ta’ ħtijietna.
Missierna, Sliema, Glorja
Dnibna ħafna: jisgħobbina
minn kull ħażen li għamilna;
o Mulej ħanin, f’ġieħ ismek
agħder, aħfer lil min naqsek.
Missierna, Sliema, Glorja
Għinna nrażżnu lil ġisimna
f’dawn il-jiem, b’tagħkis u ċaħda,
sabiex ruħna wkoll tissaffa
minn kull tebgħa tal-imgħoddi.
Missierna, Sliema, Glorja
Trinità qaddiesa u mbierka,
Alla wieħed, ‘tina l-grazzja
li b’għemejjel sħaħ u tajba
niġbru frott kotran ta’ ħajja.
Missierna, Sliema, Glorja
Silenzju 3min
Innu: ____________
Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann Ġw 9:1,6-9,13-17,34-38
F’dak iż-żmien, kif kien għaddej, Ġesù lemaħ raġel agħma minn twelidu; beżaq fl-art, għamel minnu qisu tajn, u dilek bih għajnejn ir-raġel agħma u qallu: “Mur inħasel fil-menqgħa ta’ Silwam”. Din tfisser “il-Mibgħut”. Mela dak mar, inħasel u ġie jara. Il-ġirien u dawk li s-soltu kienu jarawh, għax hu kien tallab, qalu: “Dan mhuwiex dak li kien joqgħod bilqiegħda jittallab?”. Xi wħud qalu: “Iva, hu”. Oħrajn qalu: “Le, imma jixbhu”. Iżda hu qalilhom: “Jiena hu”.
Lil dan il-bniedem li fl-imgħoddi kien agħma ħaduh għand il-Fariżej. Issa dakinhar li Ġesù għamel it-tajn u fetaħ għajnejn l-agħma nzerta kien is-Sibt. Il-Fariżej ukoll staqsew mill-ġdid lill-agħma kif sar jara. U hu qalilhom: “Qegħedli ftit tajn fuq għajnejja, mort ninħasel, u issa qiegħed nara”. Xi wħud mill-Fariżej qalu: “Dan il-bniedem mhuwiex ġej mingħand Alla, għax ma jħarisx is-Sibt”. Iżda oħrajn qalu: “Kif jista’ wieħed midneb jagħmel sinjali bħal dawn?”. U ma qablux bejniethom.
U reġgħu qalu lill-agħma: “Int x’jidhirlek minnu, issa li fetaħlek għajnejk?”. Qalilhom: “Dak profeta”. Imbagħad qabżu u qalulu: “Int se tgħallem lilna, int li twelidt dnubiet waħdek”. U keċċewh ’il barra.
Ġesù sama’ li keċċewh ’il barra; sabu u qallu: “Temmen inti f’Bin il-bniedem?”. Dak wieġeb u qallu: “Min hu, Mulej, biex nemmen fih?”. Qallu Ġesù: “Mhux biss rajtu, imma huwa dak stess li qiegħed ikellmek”. Qallu: “Nemmen, Mulej!”. U nxteħet għarkupptejh quddiemu.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Silenzju 1min
O Ġesù, meta lmaħt lil dan ir-raġel agħma, b’kompassjoni kbira ersaqt lejh, u tajtu d-dawl. Mhux biss id-dawl naturali, imma bil-mod il-mod wassaltu għall-isbaħ u l-aqwa dawl, li jagħraf lilek bħala l-Messija, l-Mulej, u jemmen fik.
Mulej, Inti d-Dawl tad-dinja, u b’imħabba bla qies, Inti tersaq lejna u tfejqilna l-ġrieħi tagħna, terġa’ tagħtina d-dawl spiritwali li nkunu tlifna minħabba d-dnub. U hekk kif ir-raġel agħma rċieva d-dawl fiżiku, hekk ukoll Inti toffrilna d-don tad-dawl spiritwali permezz tal-grazzja tiegħek. (10 sek pawsa)
Din l-istorja ta’ dan ir-raġel agħma minn twelidu, hija opportunità għal kull wieħed u waħda minna, biex neżaminaw kemm qed naraw ċar ħajjitna u d-dinja ta’ madwarna.
Agħtina l-grazzja o Sinjur, ħalli aħna nersqu lejn is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, fejn Inti tirrestawra l-vista spiritwali tagħna, u tippermettilna lid-Dawl tiegħek idawwal dak kollu li niltaqgħu miegħu fil-ħajja tagħna.
Silenzju 2 min
Imma wara li l-għama kiseb id-dawl, beda għalih inkwiet ieħor. Għaliex ħadd ma ried jemmen illi hu rċieva d-don tad-dawl. Il-qraba u l-ħbieb tiegħu li kienu jafuh bħala tallab għama, ma setgħux jemmnu li dan il-bniedem qiegħed jara; anzi ħasbuħ persuna oħra.
Ħaduh għand il-Fariżej, li dawn staqsewh kemm-il darba kif ġie jara, u ma emmnux fil-fejqan tiegħu. Saħansittra ġabu lil ġenituri tiegħu, biex jistaqsu lilhom. Saqsewh kemm-il darba x’jidhirlu minn dan il-bniedem li fejqu. U dan stqarr min kien dak li tah id-dawl, li saħansittra stqarru li kien Profeta, u li ġej mingħand Alla, “għax kieku ma kienx ikollu l-ħila jfejjaqni”. U minħabba l-istqarrija sabiħa li ta fuq Ġesù, spiċċa mkeċċi il-barra. (5 sek pawsa)
Mulej, aħna wkoll imsejjħin biex inkunu xhieda tiegħek fid-dinja tal-lum. Int tistedinna biex aħna naqsmu dak kollu li tagħmel magħna. U meta nagħmlu dan, ħa jkun hemm mumenti meta ma niġux mifhuma; ħa jkun hemm anke min jicħadna u jwarrbana wkoll. Agħtina l-qawwa, o Sinjur, biex qatt ma naqtgħu qalbna li nkunu xhud tal-imħabba, tal-ħniena, u tal-grazzja tiegħek kullimkien.
Silenzju 3 min
Innu: ____________
Salm Responsorjali (Salm 23)
Bil-qima kollha nagħtu ġieħ lil Ġesù, is-Sultan u r-Ragħaj ta’ ruħna. Għalhekk flimkien ngħidu: Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.
Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,
xejn ma jonqosni;
f’mergħat kollha ħdura jqegħedni.
Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;
hemm hu jrejjaqni. R/.
Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.
Imexxini fit-triq tas-sewwa
minħabba l-isem tiegħu.
Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,
ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.
Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek,
huma jwennsuni. R/.
Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.
Int tħejji mejda għalija
quddiem l-għedewwa tiegħi.
Biż-żejt tidlikli rasi,
u l-kalċi tiegħi tfawwarli. R/.
Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.
Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena
l-jiem kollha ta’ ħajti.
U ngħammar f’dar il-Mulej
sakemm indum ħaj! R/.
Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.
Skiet
Tingħata l-Barka Sagramentali: