Sehem in-Nisa fil-ħajja u t-tmexxija tal-Knisja

Is-Segretarjat Ġenerali tas-Sinodu llum ippubblika r-Rapport Finali tal-Grupp ta’ Studju Nru. 5 dwar il-parteċipazzjoni tan-Nisa fil-ħajja u t-tmexxija tal-Knisja.

“Meta nitkellmu dwar ir-rwol tan-nisa fil-ħajja tal-Knisja, irridu nkunu konxji li l-ewwel u qabel kollox hija kwistjoni ta’ ordni kulturali,” iddikjara l-Kardinal Mario Grech, Segretarju Ġenerali tas-Sinodu. Huwa kompla: “F’ħafna partijiet tad-dinja, fil-fatt hemm sfidi kulturali profondi li jridu jiġu rikonoxxuti u indirizzati. Ħafna drabi, il-mod kif tiġi mgħixa l-fidi huwa aktar determinat minn ċerti aspetti kulturali milli mill-valuri tal-Vanġelu. Il-missjoni mġedda tagħna hija li nagħmlu l-Knisja forza li tinkorpora l-Vanġelu fil-kulturi. Dan tagħmlu billi tippromwovi r-rispett għad-drittijiet ta’ kulħadd u l-ko-responsabbiltà skont il-vokazzjoni ta’ kull persuna. Dan jeħtieġ kuraġġ, akkumpanjament u paċenzja fl-introduzzjoni ta’ bidliet gradwali sabiex tiġi ppreservata l-komunjoni ekkleżjali, tiġi eliminata d-diskriminazzjoni u jinbnew komunitajiet fejn id-doni u l-kariżmi ta’ kull persuna, kemm irġiel kif ukoll nisa, huma stmati.”

Ir-Rapport
Ir-Rapport Finali huwa magħmul minn tliet partijiet. L-ewwel waħda toffri rikostruzzjoni qasira tal-istorja tal-Grupp ta’ Studju Nru. 5 u l-metodu ta’ ħidma tiegħu. It-tieni parti tippreżenta sinteżi raġunata tat-temi li ħarġu mill-istudju sinodali. Din it-taqsima hija l-frott tas-smigħ tal-konsulenti nisa tad-Dikasteru, tax-xogħol imwettaq mid-diversi korpi tiegħu (Uffiċċju Dottrinali, Kungress, Feria IV), tal-qari tal-kontribuzzjonijiet li rċevew, u ta’ bosta xhieda li kienu mitluba mid-Dikasteru nnifsu.

Din it-taqsima tippreżenta riflessjoni li tibda “minn isfel,” billi tisma’ l-esperjenzi u l-kontribuzzjonijiet tan-nisa li għandhom pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà fil-Knisja, sabiex tiddixxerni dak li l-Ispirtu s-Santu qed iwettaq u jispira. Fost it-temi ewlenin hemm:

  • ir-rikonoxximent li l-“kwistjoni tan-nisa” tikkostitwixxi sinjal ġenwin taż-żminijiet, li permezz tiegħu l-Ispirtu s-Santu nnifsu qed jindirizza lill-Knisja kollha;
  • attenzjoni sinodali għall-Knejjes lokali, bil-kulturi tagħhom u l-kuntesti diversi u konkreti tagħhom;
  • approċċ relazzjonali li jenfasizza d-dimensjoni kariżmatika tal-preżenza tan-nisa fil-ħajja ekkleżjali;
  • u analiżi tad-deċiżjonijiet konkreti li ħadu l-Papiet Franġisku u Ljun XIV, li l-għażla tagħhom li jafdaw lin-nisa karigi ta’ governanza fil-Kurja Rumana tirrappreżenta mudell li fuqu l-Knisja kollha hija msejħa tirrifletti.

Fl-aħħar nett, fit-tielet parti hemm appendiċi estensiva li tiġbor fiha ammont konsiderevoli ta’ materjal li rċieva u ġabar id-Dikasteru. Dan huwa maqsum f’sitt taqsimiet li ninkludu …

1) Figuri femminili fit-Testment il-Qadim u t-Tesment il-Ġdid.

2) Figuri femminili sinifikanti fl-istorja tal-Knisja.

3) Testimonjanzi kontemporanji ta’ nisa li jipparteċipaw fit-tmexxija tal-Knisja.

4) Il-Prinċipju Marjan u l-Prinċipju Petrin: perspettiva kritika.

5) Potestas ekkleżjali. (Spiss din imsejħa wkoll potestas sacra jew poter sagru. Tirreferi għall-awtorità mogħtija minn Kristu lill-Knisja biex twettaq il-missjoni tagħha, li teżerċitata f’ismu minn ministri ordnati. Hija l-poter ġuridika, istituzzjonali u normattiv li tippermetti lill-Knisja tiffunzjona b’ordni, responsabbiltajiet definiti, u tiggverna l-membri tagħha bbażati fuq mandat divin.)

6) Il-kontribut tal-Papa Franġisku u l-Papa Ljun XIV dwar ir-rwol tan-nisa fil-ħajja u t-tmexxija tal-Knisja.

Fittex fis-sit uffiċjali tas-Sinodu … https://www.synod.va/en/the-synod.html

Aktar dwar is-Sinodu fil-Laikos … https://www.laikos.org/sinodu/

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading