Kitba ta’ Joe Galea
Kostantinu kien bniedem prattiku fejn tidħol ir-reliġjon, ma kienx xi teologu u ftit li xejn kien jidħol f’irqaqat dwar il-fidi. Tull ħajtu minkejja l-influwenza ta’ personaġġi Insara bħall-Isqof Hossius ta’ Cordoba, xorta kien żamm ħbiberiji ma’ nies pagani. Iżda l-preferenzi lejn l-Insara kienu, aktar ma beda jgħaddi ż-żmien, aktar qed isiru ċari. Dawn jidru f’erba’ aspetti:

- L-ogħti ta’ bini biex jintużaw bħala knejjes – Kostantinu ta numru ta’ Basiliki (bini li kien jintuża’bħala suq fejn isir in-negozju u post fejn jiltaqgħu n-nies) biex jintużaw bħala postijiet ta’ qimà għal-Insara.
Binjiet mibnija mir-Rumani
- Żamm qrib tiegħu mexxejja nsara – Nafu li kienu bosta dawk l-għorrief Insara li kienu privileġġjati min Kostantinu, fosthom insemmu lil Hossius ta’ Cordoba u lill-prelat Lactanzju.
- Protettur tal-Insara – Kostantinu ħassu fid-dmir li jħares lil Insara mhux biss fl-artijiet li kien jaħkem iżda anke aktar il-bogħod. Dan jidher ċar sew meta Liċinju kien għadu jaħkem fuq il-Lvant u sew meta l-Imperatur tal-Persja beda jippersegwità lill-Insara li kienu sudditi tiegħu.
- L-ereżiji – Kostantinu prova jżomm l-għaqda fil-Knisja billi jikkontrolla l-firxa tal-ereżiji. Iżda hu stess kien konxju tal-fatt li ma kienx daqshekk imħarreġ li jikkontribwixi f’dibattiti intelletwali. Għalhekk ħalla f’idejn il-mexxejja tal-knisja d-definizzjonijiet li kellhom jittieħdu.
Dan jidher ċar fil-Konċilju ta’ Niċea waqt li l-knisja kienet qed tiffaċja l-kriżi maħluqa minn Arju. L-istess kontra d-Donatisti fl-Afrika ta’ Fuq, Kostantinu prova jgħamel pressjoni biex tinsab il-paċi u tinżamm l-ordni, għalkemm bi ftit suċċess. Tajjeb li ngħidu li d-definizzjonijiet li ħarġu mill-Konċilju ta’ Niċea, li hu pronunċja, kienu dawk li l-Isqfijiet miġbura min qabel u li kienu qablu fuqhom u li mhux ħoloq listà ta’ kotba koniċi fl-Iskrittura kif ġieli ġie allegat. In-nuqqas ta’ formazzjoni duttrinali ta’ Kostantinu tidher mill-fatt li l-Isqof li għammdu ftit qabel miet kien Ewsebju ta’ Nikomedija, semi-Arjan.
(Donatisti: Bdew bħala reazzjoni kontra l-isqfijiet li kienu kkunsidrati bħala traditores (dawk li taw il-Kotba Mqaddsa f’idejn ir-Rumani waqt il-persekuzzjoni. Sostnew li l-Knisja għandha tkun magħmula minn qaddisin biss, u li l-kleru għandu jkun bla tebgħa għall-ministeru tagħhom. Il-moviment iffjorixxa fl-Afrika Rumana (l-aktar it-Tuneżija u l-Alġerija tal-lum.
Il-Knisja Nisranija, partikolarment permezz ta’ Santu Wistin ta’ Ippona, opponiet din il-fehma, billi argumentat li s-sagramenti huma validi grazzi għall-qawwa ta’ Kristu u mhux minħabba l-qdusija tal-qassis. Id-Donatisti ġġieldu għal sekli sħaħ iżda gradwalment naqsu wara li l-awtoritajiet Rumani pprojbixxew il-grupp u wkoll bil-wasla tal-Vandali u l-Għarab.)
Kostantinopli u l-mewt ta’ Kostantinu
Fis-sena 332 wK, il-belt qadima ta’ Biżanzju li tinsab fuq il-Bosforus, inbidlet u saret Kostantinopli, il-Belt ta’ Kostantinu, il-kapitali l-ġdida tal-Imperu. X’wassal għal din il-bidla? Għal bosta snin kollhox kien qed jindika li l-importanza politika ta’ Ruma naqset sew. Bosta kienu l-Imperaturi li ma baqgħux imexxu minn dik il-Belt. Għal Kostantinu, din il-belt ġdida kienet tinsab f’pożizzjoni li minnha seta’ jmexxi aħjar l-artijiet tal-imperu.
Kostantinpli (illum Istanbul) tinsab eżatt fejn l-Asja u l-Ewropa jiltaqgħu, għalhekk l-Imperatur seta’ jkun qrib l-aktar postijiet sensittivi u importanti tal-Imperu, il-provinċji fl-Asja u dawk qrib id-Danubju. Fl-istess waqt Kostantinu beda jagħti karatteristika lil din il-belt li baqgħet magħha sal-invażjoni tat-Torok, jiġifieri belt fejn il-kultura Griega, il-Liġijiet Rumani u l-Fidi Nisranija tħalltu u ħolqu ċ-ċivilta’ Greco-Biżantina li tant kellha tkun (u għada) importanti fl-istorja.
Kien fil-Lvant li Kostantinu qatta l-aħħar snin ta’ ħajtu hekk kif it-tensjoni mall-Persja kompliet tikber u spiċċat fil-bidu ta’ gwerra bejn iż-żewġ imperi. Kien waqt li kien qed jipprepara għal din il-gwerra li Kostantinu, aktarx kif ra li saħtu kienet sejra lura tgħammed f’ Nikomedja, kien li ftit wara huwa miet. Iżda nistgħu ngħidu li l-bidla fil-politika u fir-reliġjon fi żmien il-ħakma ta’ Kostantinu baqgħu jgħixu warajh hekk kif min ħidmietu twieldet ċiviltà ġdida mibnija fuq il-Kristjaneżmu.