V… Il-Missier tant ħabb lid-dinja li tana lill-Iben il-Waħdieni tiegħu biex isalvana. Inressqulu t-talb tagħna u nitolbuh jagħtina qalb ġdida li tkun kapaċi tgħix il-misteru tal-Għid bil-fidi u b’ħafna karità. Nitolbu flimkien: Missier twajjeb, ismagħna.
1. Għall-Papa, għall-isqfijiet u s-saċerdoti kollha biex, fuq l-eżempju ta’ Ġesù Kristu, jingħataw bl-aktar mod sħiħ għas-servizz ta’ ħuthom u jmexxu bl-għerf il-poplu afdat f’idejhom. Nitolbu
2. Għall-mexxejja tad-dinja biex, fi żminijiet ta’ firda u kunflitt, jaħdmu għall-għaqda fost il-popli li qegħdin imexxu u jkunu strument ta’ rikonċiljazzjoni bejn in-nazzjonijiet. Nitolbu
3. Sabiex l-Ewkaristija ssaħħaħ l-għaqda tal-Knisja u tal-Insara kollha, billi tegħleb kull diviżjoni li għadha preżenti fost l-Insara. Nitolbu
4. Għalina lkoll li qegħdin nieħdu sehem f’din l-Ewkaristija biex, fuq l-eżempju ta’ Ġesù, nikbru fil-karità reċiproka. Nitolbu
V… Isma’ Mulej, it-talb tagħna f’dan il-bidu solenni tal-festa tal-Għid, u agħtina l-grazzja li nitgħallmu naqsmu mhux biss il-ħobż ewkaristiku imma wkoll il-ġid materjali bi spirtu fratern u b’sens ta’ ġustizzja. Bi Kristu Sidna.