‘Iva’ mġedda lil dak li jħobbna. Omelija tal-Isqof Anton Teuma

Ħamis ix-Xirka, 2 ta’ April 2026: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fit-Tberik taż-Żjut u t-Tiġdid tal-Wegħdiet Saċerdotali. Katidral tal-Assunta, Victoria.

Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

Qabel ir-riflessjoni tiegħi fuq il-Qari tal-lum, nixtieq irrodd ħajr minn qalbi lilkom ilkoll, għeżież saċerdoti. Aħna qegħdin hawn biex nirringrazzjaw lil Alla, imma naħseb li jixraq illum nirringrazzjaw ħafna lil xulxin. Nirringrazzjakom jien, l-ewwel u qabel kollox, għax kieku m’intomx intom, kieku l-ħidma tagħna kollha kemm hi ma tistax issir. Għalhekk grazzi mill-qalb lilkom tal-ħidma tagħkom, tat-tbatija tagħkom, tas-sagrifiċċji tagħkom, tal-inkwiet tagħkom li ġġorru minħabba l-ħidma pastorali. U grazzi lill-familjari tagħkom li jieħdu ħsiebkom. Grazzi lil dawk li jikkurawkom, kemm fiżikament u kemm spiritwalment.

Bi ħsiebni naqra dak li ppreparajt, biex il-messaġġ jasal kif għandu jasal.

***

Għeżież ħuti Saċerdoti,

għeżież ħuti Nsara,

Illum, fil-qalba ta’ Ħamis ix-Xirka – il-Jum Fondanti tal-Identità Saċerdotali tagħna – il-Knisja tiġborna madwar l-altar biex nikkontemplaw il-misteru ta’ Kristu Saċerdot u biex inġeddu, b’umiltà u b’verità, il-wegħdiet saċerdotali tagħna. Il-bewsa tal-altar li jien flimkien ma’ xi saċerdoti oħra għamilna, il-bewsa li lkoll għamilna spiritwalment, mhix għajr it-tqegħid tar-ras tagħna f’ħoġor Ġesù, bħad-dixxiplu li Ġesù kien iħobb fl-Aħħar Ikla, il-ġuf li minnu tnissilna u li minnu għadna nieħdu l-ħajja.

Nerġgħu lura lejn dan il-ġuf mhux biss biex infakkru dak li seħħ fina bl-Ordinazzjoni tagħna fil-passat, imma biex nirrealizzaw u niċċelebraw dak li jseħħ fina matul ħajjitna kollha, anki fil-preżent. Hija din ir-relazzjoni ombelikali, li bi grazzja tikkomunikalna d-doni tal-ministeru u tas-sejħa tagħna. U dan indipendentement minn kif nistgħu nħossuna aħna, jew kif ngħixu aħna s-saċerdozju. Aħna konna hemm, fil-pjan etern tal-Missier, mal-Inkarnazzjoni tal-Iben. Huwa mument tassew sabiħ, imma wkoll wieħed li jitlob minna ħafna, għax ipoġġina quddiem il-verità tas-sejħa u tal-ħajja tagħna.

Il-Qari li smajna (Iż 61:1-3a,6a,8b,9; Apok 1:5-8; Lq 4:16-21) jdawwal dan il-mument b’mod qawwi ħafna.

Il-profeta Iżaija tana kliem li nafuh ilkoll: “L-Ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi, għax il-Mulej ikkonsagrani” bid-dilka.

Dan il-kliem ma jitkellimx biss dwar Kristu, il-Midluk: jitkellem ukoll dwarna. Jitkellem dwar l-identità l-aktar profonda tagħna. Ma’ Ġesù u fih, dan il-kliem qalu minn qabel il-Missier għalina, għal kull wieħed minna. Aħna rġiel ikkonsagrati, midlukin, mibgħutin. Aħna mibgħutin biex “inwasslu l-bxara t-tajba lill-fqajrin”, biex “indewwu l-qalb miksura”, biex “inħabbru l-ħelsien lill-imjassrin… u lill-ħabsin”, biex “inniedu s-sena tal-grazzja tal-Mulej”, biex “infarrġu lill-imnikktin”, biex “inferrħu lil dawk li jibku”. Il-profeta Iżaija juża’ dawn is-seba’ azzjonijiet.

U madankollu, jekk inkunu sinċieri, illum dan jista’ jkun diffiċli biex inħossuh u ngħixuh bis-sħiħ. Għax flimkien mas-sbuħija tas-sejħa, aħna nistgħu nġorru ġewwa fina sentimenti ta’ għeja, nuqqas ta’ fiduċja fina nfusna u fl-oħrajn, biża’, dgħufija umana, morali u spiritwali. Xi drabi nħossu l-piż tas-solitudni, id-distanza, in-nuqqas ta’ fehim, jew anki r-rifjut min-naħa ta’ dawk li aħna msejħin naqdu. Kultant nistaqsu lilna nfusna: “Aħna għadna aċċettati? Għadna rilevanti? Il-ministeru tagħna għadu jinftiehem? Dak li qed nagħmlu fih sens?”.

Il-Kelma ta’ Alla ma tinjorax dawn is-sentimenti tagħna. Anzi, tagħti kas tagħhom ilkoll. U wara li naċċettaw li dan kollu jnissel fina uġigħ u rabja, ejjew noqogħdu fis-skiet biex nisimgħu lil Ġesù jkellimna permezz ta’ dak li ngħaddu minnu.

Fl-Evanġelju, Ġesù jidħol fis-sinagoga ta’ Nazaret, jaqra proprju din is-silta ta’ Iżaija u jgħid: “Din il-Kitba seħħet illum”. Imma minnufih jiġi rrifjutat. Dawk li kienu jafuh, dawk li fosthom trabba, dawk li kien mibgħut għalihom, ma jilqgħuhx. Anzi, jaslu sal-punt li jridu jeqirduh.

Hija xena tassew f’saħħitha: Ġesù, il-Midluk, il-Mibgħut ta’ Alla, dak li jġib l-Aħbar it-tajba lill-foqra… ma jiġix aċċettat.

U minn hawn, ħuti, joħroġ dawl kbir għalina. Ir-rifjut, it-taħbit, in-nuqqas ta’ fehim, il-ġudizzji, l-akkużi, il-kritika, huma mumenti ta’ grazzja għalina. U dan minħabba żewġ raġunijiet: 1. Meta l-kritika tirrifletti l-verità, b’umilà u b’sinċerità rridu nħalluha tgħinna nagħmlu eżami awtentiku tal-kuxjenza, tgħinna nieħdu b’aktar serjetà l-missjoni tagħna ta’ qadi lin-nies, speċjalment lill-foqra, lill-batuti, lill-imjassra ta’ żmienna. Tgħinna nwettqu aħjar il-missjoni tagħna. 2. Meta mhix vera, bħal fil-każ ta’ Ġesù, irridu noqogħdu attenti biex ma nħalluhiex twaqqafna. Il-kritika mhix dejjem sinjal li żbaljajna f’xi ħaġa jew li żbaljajna kollox! Ġesù ma jiqafx ikun saċerdot għax jiġi kkritikat jew irrifjutat! Ma jiqafx iħobb għax ma jiġix milqugħ! Ma jirtirax id-don tiegħu nnifsu meta ma jiġix aċċettat!

F’dan is-sens, kull tip ta’ diżapprovazzjoni li tiġi mingħand l-oħrajn lejn il-ministeru tagħna hija grazzja, hija don. Il-ġudizzji tal-oħrajn isejħilna biex nagħrfu li l-oħrajn jimpurtahom minn Ġesù u mill-Vanġelu tiegħu, anki meta jgħidu li ma jemmnux jew li huma kontra l-Knisja. Il-ġudizzji tal-oħrajn juruna li hemm xewqa għat-tajjeb, għas-sabiħ u għall-veru, fil-qalb tal-bnedmin kollha, b’mod speċjali f’dawk li jikkritikaw b’mod aħrax.

Jekk hemm x’nirranġaw u x’nagħmlu aħjar, il-kummenti tal-oħrajn jgħinuna nikkonvertu biex insiru dejjem aktar nixbhu lil Ġesù, il-Midluk waħdieni, u biex ngħixu skont il-ħsieb li Alla kellu għalina sa mill-bidu. Jekk il-ġudizzji tal-oħrajn huma mingħajr bażi, għandhom iservuna biex nikbru fl-imħabba gratuwita, fl-imħabba b’xejn lejn dawk li jippersegwitawna jew jgħidu kull deni fuqna minħabba fiH (ara Mt 5:11).

Inkunu boloh jekk il-grazzja tal-kritika tal-oħrajn narmuha, billi sempliċement ma nagħtux kasha, nirribellaw, jew agħar u agħar inwieġbu b’rabja jew mibegħda. Il-kritika, il-ġudizzju tal-oħrajn, b’mod misterjuż, huma l-post ipprivileġġjat tar-rabta tagħna ma’ Kristu.

U proprju hawn tidher il-qalba tas-saċerdozju: imħabba li tibqa’, don li ma jiġix irtirat, fedeltà li tmur lil hinn mill-approvazzjoni tal-oħrajn.

Il-ktieb tal-Apokalissi jfakkarna bi kliem qawwi: Kristu “jħobbna u ħelisna minn dnubietna bis-saħħa ta’ demmu”. Ma jgħidx: ħabbna għax ħabbejnieh, jew meta aċċettajnieh. Jgħid sempliċement: iħobbna. Dejjem. Din hija l-identità l-aktar profonda tagħna: li nkunu sehem minn din l-imħabba dejjiema.

Għeżież saċerdoti, illum se nġeddu l-wegħdiet tagħna mhux għax aħna perfetti, mhux għax dejjem imħeġġa, mhux għax dejjem inħossuna kapaċi. Se nġedduhom fil-verità tagħna, fil-fraġilità vera tagħna, fil-feriti li nġorru, u anki fid-diżappunti tagħna. Meta ftit ieħor ngħidu mill-ġdid l-‘iva’ tagħna, żgur li mhux se tkun l-‘iva’ perfetta u idealista ta’ min għandu kollox f’postu jew taħt kontroll. Se tkun ‘iva’ li hija sempliċement l-eku ta’ ‘iva’ oħra aktar kbira, l-‘iva’ tal-Missier li ntqalet fuqna u għalina, li ntqalet qabilna, li għadha tissemma’ u tibqa’ tissemma’ warajna. L-‘iva’ tal-fedeltà u tal-imħabba tiegħu lejna. L-‘iva’ tagħna hija risposta għal ‘iva’ ta’ min jafdaha.

It-tberik taż-Żjut tal-Katekumeni u tal-Morda, u b’mod speċjali l-konsagrazzjoni taż-Żejt tal-Griżma, huma simbolu u sinjal tal-preżenza u tal-fedeltà tal-Ispirtu ta’ Alla, huma memorjal tal-‘iva’ ta’ Alla fuq is-Saċerdozju tagħna, ‘iva’ li kient qabilna, ‘iva’ li tgħattina u ‘iva’ li tibqa’ warajna, u li permezz tal-istess dilka tagħna, tidlek lil dawk li magħhom naħdmu. Ta’ min, forsi b’vuċi aktar umli minn snin oħra, imma aktar vera, ngħidulu: “Mulej, int taf kollox. Int taf li nħobbok” (Ġw 21:17).

U f’din l-‘iva’ hemm ukoll fejqan. Għax il-Mulej ma jitlobniex inkunu apprezzati minn kulħadd, imma li nkunu awtentiċi. Ma jitlobniex inkunu perfetti, imma sinċieri. Ma jitlobniex li nagħmlu suċċessi, imma li naqdu. Ma jitlobniex li dejjem niġu mifhuma, imma li nippruvaw nifhmu.

Fi żmienna, aktar milli fl-imgħoddi, aħna msejħin nerġgħu niskopru l-essenza tal-ministeru tagħna: mhux mibni fuq il-pożizzjoni, ir-rikonoxximent, l-approvazzjoni, is-suċċessi tal-inizjattivi soċjali, kulturali jew reliġjużi li nagħmlu fil-parroċċi tagħna, imma mibni fuq ir-relazzjoni tagħna ma’ Kristu, fuq l-imħabba li nirċievu mingħandu u li mbagħad ngħaddu lill-oħrajn. Aħna mibgħutin biex “inwasslu l-bxara t-tajba lill-fqajrin”, biex “indewwu l-qalb miksura”, biex “inħabbru l-ħelsien lill-imjassrin… u lill-ħabsin”, biex “inniedu s-sena tal-grazzja tal-Mulej”, biex “infarrġu lill-imnikktin”, biex “inferrħu lil dawk li jibku”.

Ħuti, nerġgħu lura hemm! Nerġgħu lura għall-bidu! Nerġgħu lura għal dak il-mument fondanti meta ħassejna li l-Mulej riedna miegħu.

Quddiem il-poplu ta’ Alla, ejjew inġeddu l-wegħdiet tagħna bħala rġiel li nafu li aħna maħbubin, anki meta nħossuna fraġli; bħala rġiel li nagħżlu li nħobbu, anki meta ma nħossuniex milqugħa.

Jalla din l-Ewkaristija ġġedded fina l-ferħ tas-saċerdozju, ta’ din ir-rabta speċjali ma’ Kristu Saċerdot. Mhux ferħ superfiċjali, imma dak profond li jiġi mill-għarfien li, minkejja kollox, Kristu mwaħħad magħna.

U Marija, Omm is-saċerdoti, takkumpanjana f’din l-‘iva’ fraġli u mġedda.

Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading