Studenti minn skejjel tal-Knisja jiddiskutu s-sejħa biex inġeddu ‘d-dar komuni tagħna’
minn Michael Caruana
Il-ħarġa ta’ Marzu/April tar-rivista Il-Ħabbar ta’ Sant’Antnin, maħruġa kull xahrejn mill-patrijiet Franġiskani Konventwali, tagħti importanza ż-żjara f’Malta tar-relikwa ta’ San Franġisk u b’mod partikolari l-14-il summit ta’ Ekoskola li kien parti mill-programm ta’ din iż-żjara.

Fi tmiem is-summit, l-istudenti minn skejjel primarji u sekondarji tal-Knisja preżenti qablu ma’ dikjarazzjoni li fiha qalu li huma diġà qed jagħmlu l-parti tagħhom fl-iskola u d-dar biex jieħdu ħsieb id-dar komuni u lil kulmin jgħix fiha u jemmnu li mill-kliem il-pajjiż issa jrid jgħaddi għall-azzjoni.
Matul dan is-summit l-istudenti kienu indirizzati minn Patri Allister Aquilina OFM Conv, l-Assistant Direttur għall-Identità u l-Kura Pastorali fis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika, minn Patri Paul Darmanin, il-Vigarju Provinċjali tal-Ordni Franġiskan Konventwali u minn Professur Paul Pace, il-Viċi Chairperson tal-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent.
Wara l-istudenti nqassmu f’żewġ gruppi u ddiskutaw it-tema tas-summit Sejħa biex inġeddu d-dar komuni tagħna: il-viżjoni ta’ San Franġisk.
Fra George Micallef OFM Conv jagħti tagħrif l-attivitajiet li saru fl-okkażjoni taż-żjara f’Malta tar-relikwa ta’ San Franġisk u jgħid li kull fejn ittieħdet ġibdet lejha ħafna nies li marru jitolbu quddiemha.
L-editorjal ta’ din il-ħarġa ta’ Il-Ħabbar ta’ Sant’Antnin hu dwar l-Ittri Pastorali tal-Isqfijiet għar-Randan li sejħu id-donazzjoni tal-organi mħabba ġeneruża. L-editorjal isemmi li r-Randan kien proprju ż-żmien li l-Isqfijiet jniedu dan l-appell ta’ imħabba ġeneruża għall-għoti ta’ organi u jsosnti li issa hu ż-żmien li nwessgħu dan l-appell u li nitkellmu aktar dwar dan il-ġest nobbli.
Artikli oħra huma ta’ Fra Mauro Zammit li jistaqsi jeżistix il-paċi, ta’ Professur Paul Pace li jsostni li l-pjagi li rċieva San Franġisk saru strumenti ta’ fejqan u ta’ tama u Dr Klaus Vella Bardon li jikteb dwar it-tiġdid spiritwali. L-intervista f’din il-ħarġa hi ma’ Monsinjur Professur Hector Scerri.