TALBA TAR-RUŻARJU MQADDES B’INVOKAZZJONI GĦAD-DON TAL-PAĊI
VELJA TA’ TALB
IPPRESEDUTA MILL-QDUSIJA TIEGĦJU LJUN XIV
Bażilika ta’ San Pietru
Is-Sibt 11 ta’ April 2026
Tislima tal-Qdusija Tiegħu l-Papa fuq is-sagrat tal-Bażilika qabel il-Velja lill-fidili preżenti fi Pjazza San Pietru
Għeżież ħuti, il-lejla t-tajba! Merħba!
Tislija tassew fraterna u kbira ħafna lilkom ilkoll. Grazzi tal-preżenza tagħkom, li għoġobkom twieġbu għal din is-sejħa, għal din l-istedina biex tingħaqdu lkoll mal-vuċi tagħna, mal-qlub tagħna, mal-ħajja tagħna biex titolbu għall-paċi. Il-paċi hi għal qalbna lkoll. Ħa ssaltan tassew il-paċi fid-dinja kollha u ħa nkunu aħna li nwasslu dan il-messaġġ.
Alla jismagħna, Alla jakkumpanjana! Ġesù qalilna li fejn hemm tnejn jew tlieta miġbura f’ismu, hu jkun hemm magħhom. F’dawn il-jiem tal-Ottava tal-Għid aħna nemmnu bil-qawwa fil-preżenza ta’ Ġesù rxoxt f’nofsna.
Issa, magħqudin fit-talba tar-Rużarju, aħna u nitolbu l-interċessjoni ta’ Ommna Marija, irridu ngħidu lid-dinja kollha li huwa possibbli li nibnu l-paċi, paċi ġdida; li hu possibbli li ngħixu flimkien mal-popli kollha tar-reliġjonijiet kollha, tar-razez kollha; li aħna rridu nkunu dixxipli ta’ Ġesù Kristu magħqudin bħala aħwa, magħqudin ilkoll f’dinja ta’ paċi.
Itolbu għalina! Grazzi tal-preżenza tagħkom! Ħa jsieħeb Alla lilkom u lill-għeżież tagħkom illum u dejjem.
Minn hawn se nagħtikom il-barka tiegħi, imbagħad nitolbu flimkien mill-Bażilika u tistgħu ssegwu minn fuq l-iskrins. Grazzi mill-ġdid tal-preżenza tagħkom.
[Barka]
Grazzi lil kulħadd, u ejjew nitolbu mill-qalb.
____________________
Riflessjoni tal-Qdusija Tiegħu Ljun XIV fil-Velja ta’ talb għall-paċi
Għeżież ħuti,
It-talba tagħkom hi espressjoni ta’ dik il-fidi li, skont il-kelma ta’ Ġesù, iċċaqlaq il-muntanji (ara Mt 17:20). Grazzi li lqajtu din l-istedina, u nġbartu hawn, qrib il-qabar ta’ San Pietru, u f’tant postijiet oħra tad-dinja biex titolbu għall-paċi. Il-gwerra tifred, it-tama tgħaqqad. Il-prepotenza tgħaffeġ, l-imħabba terfa’. L-idolatrija tagħmi, Alla l-ħaj idawwal. Biżżejjed ftit fidi, xrara ta’ fidi, għeżież, biex nistgħu naffrontaw flimkien, bħala umanità u b’umanità, din is-siegħa traġika tal-istorja. Fil-fatt, it-talb mhuwiex kenn biex naħarbu mir-responsabbiltajiet tagħna, mhux xi anestetiku biex nevitaw l-uġigħ li jitqanqal minn tant inġustizzja. Anzi, hu l-aktar tweġiba b’xejn, universali u qawwija għall-mewt: aħna poplu li diġà rxoxta! F’kull wieħed u waħda minna, f’kull bniedem, l-Imgħallem interjuri fil-fatt jgħallimna l-paċi, iqanqalna għal-laqgħa, inebbaħna għall-invokazzjoni. Ejjew mela nerfgħu ħarsitna! Inqumu minn qalb it-tifrik! Xejn ma jista’ jagħlaqna f’destin diġà miktub, lanqas f’din id-dinja li fiha donnu ma hemmx biżżejjed oqbra, għax qed inkomplu nsallbu, neqirdu l-ħajja, mingħajr jedd u mingħajr ħniena.
San Ġwanni Pawlu II, xhud bla waqfien tal-paċi, b’kommozzjoni kien qal hekk fil-kuntest tal-kriżi Iraqqina tal-2003: “Jiena ġej minn dik il-ġenerazzjoni li għexet it-Tieni Gwerra Dinjija u baqgħet ħajja. Inħossni fid-dmir li ngħid liż-żgħażagħ kollha, lil dawk kollha iżgħar minni, li ma kellhomx din l-esperjenza: ‘Qatt aktar il-gwerra!’, kif qal Pawlu VI fl-ewwel żjara tiegħu lill-Ġnus Magħquda. Għandna nagħmlu kulma hu possibbli! Nafu tajjeb li mhijiex possibbli l-paċi jkun xi jkun il-prezz. Imma lkoll nafu kemm hi kbira din ir-responsabbiltà” (Angelus, 16 ta’ Marzu 2003). Illejla nagħmel tiegħi din is-sejħa, tant attwali.
It-talb jedukana biex naġixxu. Il-possibbiltajiet limitati umani jingħaqdu fit-talb mal-possibbiltajiet infiniti ta’ Alla. Allura, il-ħsibijiet, il-kelmiet u l-opri jfarrku l-katina mxajtna tal-ħażen u jaqdu lis-Saltna ta’ Alla: Saltna li fiha ma hemmx xabla, jew drones, jew vendetta, jew banalizzazzjoni tal-ħażen, u lanqas profitt inġust, imma biss dinjità, komprensjoni, maħfra. Hawn għandna kenn minn dak id-delirju ta’ omnipotenza li madwarna qed issir dejjem iżjed imprevedibbli u aggressiva. L-ekwilibriji fil-familja umana qed jiġu gravament destabbilizzati. Jiġi mkaxkar fid-diskorsi tal-mewt imqar l-Isem qaddis ta’ Alla, Alla tal-ħajja. Hawn tgħib dinja tal-aħwa b’Missier wieħed fis-smewwiet u, bħal f’ħolma kerha billejl, ir-realtà timtela bl-għedewwa. Kullimkien inħossu li hemm it-theddid, flok sejħat għas-smigħ u għal-laqgħa. Ħuti, min jitlob, jaf bil-limitazzjonijiet tiegħu, ma joqtolx u ma jheddidx bil-mewt. Madankollu, il-mewt ikun jafferma min ta dahru lil Alla l-ħaj, biex jagħmel minnu nnifsu u mill-poter tiegħu l-idolu mutu, għami u trux (ara Salm 115:4-8), li għalih jissagrifika kull valur u jippretendi li d-dinja kollha tinżel għarkupptejha quddiemu.
Daqshekk idolatrija tagħna nfusna u tal-flus! Daqshekk esebizzjoni ta’ forza! Biżżejjed gwerra! Il-vera qawwa tidher f’min hu qaddej tal-ħajja. San Ġwanni XXIII, b’sempliċità evanġelika, kiteb: “Mill-paċi kulħadd vantaġġi jikseb: individwi, familji, popli, il-familja umana kollha”. U huwa u jirrepeti l-kelmiet diretti ta’ Piju XII, żied jgħid: “Xejn ma hu mitluf bil-paċi. Kollox jista’ jinitlef bil-gwerra” (Ittra enċiklika Pacem in terris, 62).
Mela ejjew inxierku l-enerġiji morali u spiritwali ta’ miljuni, biljuni ta’ rġiel u nisa, ta’ anzjani u ta’ żgħażagħ li llum jemmnu fil-paċi, li llum jagħżlu l-paċi, li jikkuraw il-ġrieħi u jsewwu l-ħsarat li tħalli l-bluha tal-gwerra. Nirċievi tant ittri ta’ tfal miż-żoni ta’ kunflitt: meta wieħed jaqrahom, iħoss, bil-verità tal-innoċenza, l-orrur u d-diżumanità kollha ta’ azzjonijiet li xi adulti jiftaħru mkabbra bihom. Ejjew nagħtu widen għall-vuċi tat-tfal!
Għeżież ħuti, ċertament hemm responsabbiltajiet inderogabbli ta’ mexxejja li jiggvernaw in-Nazzjonijiet. Lilhom ngħajtu: ieqfu! Wasal iż-żmien tal-paċi! Poġġu bilqiegħda mal-imwejjed tad-djalogu u tal-medjazzjoni, mhux mal-imwejjed fejn tippjanaw kif ħa żżidu l-armi u tagħmlu azzjonijiet ta’ mewt! Imma hemm ukoll, mhux b’inqas kbira, ir-responsabbiltà tagħna lkoll, irġiel u nisa ta’ tant pajjiżi differenti: għadd bla qies ta’ nies li jirrifjutaw il-gwerra, bil-fatti, mhux bil-kliem biss. It-talb jimpenjana nikkonvertu dak li fadal vjolenti fi qlubna u f’moħħna: nikkonvertu għal Saltna ta’ paċi li tinbena jum wara l-ieħor, fid-djar, fl-iskejjel, fil-postijiet fejn ngħixu, fil-komunitajiet ċivili u reliġjużi, u flok il-polemika u r-rassenjazzjoni nwasslu għall-ħbiberija u l-kultura tal-laqgħa. Nerġgħu nibdew nemmnu fl-imħabba, fil-moderazzjoni, fil-politika t-tajba. Niffurmaw ruħna u nfittxu dan l-ewwel aħna, billi kull wieħed iwieġeb għall-vokazzjoni tiegħu. Kulħadd għandu postu fil-mużajk tal-paċi!
Ir-Rużarju, bħal xejriet oħra antiki ħafna ta’ talb, ġabarna hawn illejla fir-ritmu regolari tiegħu, b’impostazzjoni fuq ir-ripetizzjoni: il-paċi hekk nagħmlulha l-wisa’, kelma wara kelma, ġest wara ġest, bħal blata li titħaffer ġebla ġebla, l-istess kif l-insiġ isir b’ċaqliqa wara l-oħra. Dawn huma ż-żminijiet twal tal-ħajja, sinjal tal-paċenzja ta’ Alla. Ma rridux inħallu tkaxkarna l-aċċelerazzjoni ta’ dinja li ma tafx wara xiex qed tiġri, biex nerġgħu lura u naqdu lir-ritmu tal-ħajja, l-armonija tal-ħolqien, u nikkuraw il-feriti tiegħu. Kif għallimna l-Papa Franġisku, “hemm bżonn ta’ bennejja tal-paċi li lesti jniedu proċessi ta’ fejqan u ta’ laqgħa mġedda b’ħila u qlubija” (Ittra enċiklika Fratelli tutti, 225). Fil-fatt hemm “‘arkitettura’ tal-paċi, li fiha jintervienu d-diversi istituzzjonijiet tas-soċjetà, kull waħda skont il-kompetenza tagħha, imma hemm ukoll ‘artiġjanat’ tal-paċi li fih ilkoll aħna involuti” (ibid., 231).
Għeżież ħuti, ejjew immorru lura d-dar b’dan l-impenn li nitolbu dejjem, bla ma negħjew, u ta’ konverżjoni profonda tal-qalb. Il-Knisja hi poplu kbir għas-servizz tar-rikonċiljazzjoni u tal-paċi, li timxi mingħajr ma toqgħod titlajja, imqar meta r-rifjut tal-loġika tal-gwerra jista’ jiswielha inkomprensjoni u disprezz. Hi tħabbar il-Vanġelu tal-paċi u tedukana kif nobdu lil Alla pjuttost milli lill-bnedmin, speċjalment meta hemm fin-nofs id-dinjità infinita ta’ essri umani oħra, li tispiċċa fil-periklu minħabba l-vjolazzjonijiet kontinwi tal-liġi internazzjonali. “Hi xewqa u tama li fid-dinja kollha ‘kull komunità ssir dar tal-paċi’ fejn bid-djalogu l-bniedem jitgħallem jelimina l-ostilità, fejn titħaddem il-ġustizzja u ssaltan il-maħfra. Illum, aktar minn qatt qabel, fil-fatt, hemm bżonn nuru li l-paċi mhix utopija” (Messaġġ għad-LIX Jum Dinji tal-Paċi, 1 ta’ Jannar 2026).
Ħuti ta’ kull ilsien, poplu u ġens: aħna familja waħda li tibki, li tittama u li terġa’ tqum. “Qatt aktar il-gwerra, avventura bla ritorn, qatt aktar il-gwerra, ċirku vizzjuż ta’ lutti u ta’ vjolenza” (San Ġwanni Pawlu II, Talba għall-paċi, 2 ta’ Frar 1991).
Għeżież, il-paċi magħkom! Din hija l-paċi ta’ Kristu Rxoxt, frott tas-sagrifiċċju ta’ mħabbtu fuq is-salib. Għalhekk lilu nagħmlu t-talba tagħna:
Mulej Ġesù,
int irbaħt fuq il-mewt bla armi jew vjolenza:
xejjint is-setgħa tagħha bil-qawwa tal-paċi.
Agħtina l-paċi tiegħek,
kif għamilt man-nisa ħosbiena fl-għodwa tal-Għid,
kif għamilt mad-dixxipli moħbija u mbeżżgħa.
Ibgħat l-Ispirtu tiegħek,
nifs li jagħti l-ħajja, li jirrikonċilja,
li lill-avversarji u għedewwa jagħmilhom aħwa.
Nebbaħna bil-fiduċja ta’ Marija, omm tiegħek,
li b’qalbha mċarrta kienet taħt is-salib tiegħek,
sħiħa fil-fidi li int għad terġa’ tqum.
Ħa tintemm il-bluha tal-gwerra
u l-Art tkun ikkurata u kkultivata minn min għadu
jaf inissel, jaf iħares, jaf iħobb il-ħajja.
Sid il-ħajja, ismagħna!
Miġjuba għall-Malti minn Francesco Pio Attard