VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-PAPA LJUN XIV
FL-ALĠERIJA, FIL-CAMEROON, F’ANGOLA U FIL-GUINEA EKWATORJALI
(13–23 ta’ April, 2026)
KONFERENZA STAMPA WAQT IT-TITJIRA MINN MALABO GĦAL RUMA
Il-Ħamis, 23 ta’ April, 2026
Matteo Bruni
L-għodwa t-tajba lil kulħadd, l-għodwa t-tajba Santità, grazzi ta’ dawn il-ġranet ta’ vjaġġ, grazzi għal kulma għidt f’dawn il-ġranet. Żgur kien vjaġġ imħawwar, kellu ħafna aspetti imma kien mimli, rikk b’ħafna immaġni u diskorsi. Illum int għidt li sejrin lura b’teżor ta’ fidi, tama u karità. U grazzi għal dak kollu li għidt tul dawn il-jiem, għal dak li indirizzajt lilna wkoll, li għenna biex fosi ninqatgħu mill-attwalità dejqa u nagħtu daqqa t’għajn lejn l-istorja ta’ dawn il-pajjiżi, ta’ dawn il-popli, ftit aktar fil-fond, daqqa t’għajn lejn il-futur ta’ dawn il-popli, imsoqqi, mibxux mill-Evanġelju, xi ftit jew wisq bħalma xxarabna aħna b’dal-jumejn ta’ xita.
Abbord hawn ġurnalista mill-Guinea Ekwatorjali, l-aħħar tappa tal-vjaġġ tagħna. Se nistaqsik jien jekk tixtieqx tibda int u ttina l-impressjonijiet tiegħek dwar din l-aħħar tappa..
Il-Papa
L-għodwa t-tajba lil kulħadd! Nittama lilkoll tinsabu tajbin, lesti għal vjaġġ ieħor, bil-batteriji ċċarġjati! Tajjeb. Meta nagħmel vjaġġ – qed nitkellem għalija, però illum bħala Papa, Isqof ta’ Ruma – fuq kollox ikun vjaġġ appostoliku, pastorali, biex niltaqa’, nakkumpanja u nsir naf il-poplu t’Alla. Ħafna drabi l-interess ikun aktar politiku: x’qed jgħid il-Papa dwar xi suġġett jew ieħor? Għaliex ma jgħaddi ebda ġudizzju dwar il-gvern ta’ xi pajjiż jew ieħor? Naturalment hemm ħafna x’wieħed jgħid: tkellimt dwar il-ġustizzja u hemm suġġetti oħra… Imma dik mhix l-ewwel kelma. L-interpretazzjon tal-vjaġġ hi fuq kollox espressjoni tar-rieda li jitħabbar l-Evanġelju, li nersqu lejn il-poplu fil-ferħ tiegħu, fil-fond tal-fidi tiegħu, iżda wkoll fis-sofferenzi tiegħu. Dwar dan, iva, ċertament jeħtieġ tgħaddi kummenti u tassumi r-responsabbiltà għall-ħajja tiegħu. Importanti titkellem mal-Kapijiet tal-Istat biex forsi tinkoraġġixxi bidla fil-metalità, ftuħ akbar lejn il-ġid tal-poplu, possibbiltà li teżamina kwistjonijiet bħalma hu t-tqassim tal-ġid tal-pajjiż. Fid-diskussjonijiet tkellimna ftit jew wisq dwar kollox. Però l-missjoni hi fuq kollox li tara, tiltaqa’ mal-poplu b’dan l-entużjażmu. Kuntent ħafna bil-vjaġġ kollu, imma li għext, akkumpanjajt u mxejt mal-poplu tal-Guinea Ekwatorjali kienet verament barka…imxarrba bl-ilma! Kienu jidhru kuntenti fix-xita l-bieraħtlura! Imma fuq kollox b’das-sinjal li bħala Knisja universali naqsmu dak li niċċelebraw bil-fidi tagħna.
Matteo Bruni
Geazzi, Santità, grazzi li tajtna ħjiel dwar kif naqraw dal-vjaġġ u l-vjaġġi l-oħra b’mod ġenerali. Hawn xi mistoqsijiet mill-ġurnalisti, l-ewwel se jibda Ignazio Ingrao tat-TG1.
Ignazio Ingrao, RAI Tg1
Grazzi, Santità. Din hi mistoqsija f’isem il-kollegi tal-lingwa Taljana. Qabel kollox grazzi għad-disponibbiltà tiegħek li twieġeb il-mistoqsijiet tagħna, grazzi għal dal-vjaġġ li kien mimli laqgħat, stejjer u wċuħ. Waqt il-meeting għall-paċi f’Bamenda, fil-Cameroon, int għidt li d-dinja tinsab rasha ‘l isfel, fejn grupp żgħir, erba’ tiranni, qed jirriskjaw li jeqirdu l-pjaneta. Għidt: “Il-paċi ma nivvintawhiex, irridu nilqgħuha”. Allura se nieħu spunt minn dan u nixtieq insaqsik: in-negozjati biex jieqaf il-kunflitt fl-Iran jinsabu f’kaos li qed iħalli effetti koroħ fuq l-ekonomija. Allura nixtieq insaqsik, qabel kollox: Inti tittama li jkun hemm bidla tar-reġim fl-Iran, ladarba anki s-soċjetà ċivili u l-istudenti niżlu fil-pjazez fix-xhur li għaddew? U hemm tħassib madwar id-dinja minħabba l-ġirja għall-bomba atomika. U fuq kollox nixtieq insaqsik: x’appell se tagħmel lill-Istati Uniti, lill-Iran, lil Iżrael biex joħorġu mill-impasse u jwaqqfu l-escalation?” U n-Nato u l-Ewropa għandhom jinvolvu ruħhom aktar?
Papa
Nixtieq nibda billi ngħid: hemm bżonn ninsistu dwar atteġġjament ġdid, kultura għall-paċi. Bosta drabi, meta nevalwaw ċerti sitwazzjonijiet, minnufih it-tweġiba lesta tkun: hemm bżonn nidħlu bil-vjolenza, bil-gwerra, nattakkaw. B’dak li rajna tilfu ħajjithom bosta persuni innoċenti. Għadni kif rajt ittra, li forsi rajtuha intom ukoll, ta’ xi familji ta’ tfal li mietu fl-ewwel ġurnata tal-attakk. Huma jgħidu li issa lil uliedhom tifluhom, subjien u bniet issa mietu. Jien ngħid: mhix kwistjoni ta’ bidla fir-reġim, mhux il-bidla tar-reġim… il-kwistjoni kollha hi kif se nippromwovu l-valuri li nemmnu fihom bla ma jinqatlu tant innoċenti. Hu ċar li l-kwistjoni tal-Iran hi kumplikata ħafna. Fit-trattattivi li għaddejjin, ġurnata l-Iran jgħid “iva”, l-Istati Uniti jgħidu “le” u l-maqlub, bla ma nafu fejn sejrin. Imbagħad hemm ukoll il-popolazzjoni kollha tal-Iran, persuni innoċenti li qed ibatu minħabba dil-gwerra. Jekk il-bidla tar-reġim isseħħx jew le… mhux ċar liema hu r-reġim bħalissa, wara l-ewwel jiem tal-attakki ta’ Iżrael u l-Istati Uniti fuq l-Iran. Irrid pjuttost, nikoraġġixxi li jkompli d-djalogu għall-paċi: li l-partijiet jieħdu sehem fihom, ifittxu, jagħmlu ħilithom kollha biex jippromwovu l-paċi. Quddiem it-theddida tal-gwerra ngħid: għandu jkun rispettat id-dritt internazzjonali. Importanti ħafna li l-innoċenti jkunu mħarsa għax mhux hekk ġara f’ħafna postijiet. Għandi miegħi ritratt ta’ tifel Musluman li waqt iż-żjara fil-Libanu kien qiegħed hemm jistenn b’poster f’idu: “Merħba Papa Ljun!”, u issa, dan l-aħħar spiċċa maqtul hu. Hemm bosta sitwazzjonijiet umani u jidhrili li għandna nibdlu l-ħsieb biex nibdew nirraġunaw mod ieħor. Bħala Knisja u bħala Ragħaj intenni: ma nistax inkun favur il-gwerra u nixtieq nagħmel kuraġġ lil kulħadd biex jagħmel ħiltu kollha ħalli jinstabu tweġibiet imnisslin minn kultura ta’ paċi u mhux mill-mibegħda u l-firda.
Matteo Bruni
Grazzi, Santità, grazzi Ignazio. It-tieni mistoqsija hi minng Eva Fernández di Cope. Jekk jogħġbok.
Eva Fernández, Radio Cope
Għadna kif żorna kontinent li fih bosta persuni jixtiequ u joħolmu li jmorru l-Ewropa. Il-vjaġġ li jmiss tagħmel se jkun fi Spanja, fejn il-kwistjoni migratorja hi importanti, fuq kollox fil-Gżejjer Kanarji. Santità, int taf tajjeb li s-suġġett tal-immigrazzjoni fi Spanja jqajjem ħafna dibattitu u hemm polarizzazzjoni kbira. Saħansitra bejn l-istess Kattoliċi mhemmx pożizzjoni ċara rigward dan. X’tista’ tgħidilna lilna l-Ispanjoli, partikolarment lill-Kattoliċi, dwar l-imigrazzjoni? U ppermettili ngħidlek: il-vjaġġ li jmiss se jkun fi Spanja, nafu li int tixtieq u għandek f’moħħok li tmur il-Perù, forsi l-Arġentina u l-Uruguay, imma l-mistoqsija tagħna hi wkoll: għandek xewqa li ssellem lill-Verġni ta’ Guadalupe?
Il-Papa
It-tema tal-immigrazzjoni hi kumplikata u tolqot bosta pajjiżi, mhux lil Spanja biss, mhux biss lill-Ewropa u l-Istati Uniti: hi fenomenu dinji! Għalhekk it-tweġiba tiegħi tibda b’mistoqsija: x’qed tagħmel it-tramuntana tad-dinja biex tgħin lin-naħa tan-nofsinhar tad-dinja jew lil dawk il-pajjiżi li fihom illum iż-żgħażagħ m’għandhomx futur, u għalhekk jgħixu f’ħolma il jmorru lejn it-tramuntana, fejn spiss mhemmx tweġiba dwar x’possibbiltajiet toffrilhom? Ħafna qed ibatu. It-tema tat-traffikar tal-persuni umani, it-trafficking, hija wkoll parti mill-migrazzjoni. Personalment nemmen li Stat għandu dritt jistabbilixxi regoli dwar il-fruntieri tiegħu. Mhux qed ngħid li kulħadd għandu dritt jidħol bla kontroll fejn xikultant fil-postijiet fejn imorru joħolqu sitwazzjonijiet aktar inġusti minn dawk li jkunu ħallew warajhom. Imma, wara li għidt dan, insasqsi: x’qed nagħmlu fil-pajjiżi l-aktar għonja biex nibdlu s-sitwazzjoni fil-pajjiżi l-foqra? Għala ma nippruvawx – kemm bl-għajnuna statali u wkoll bl-investimenti minn kumpaniji kbar u sinjuri, mill-kumpaniji multinazzjonali – biex nibdlu s-sitwazzjoni f’pajjiżi bħal dawk li għandna kif żorna f’dal-vjaġġ? Ħafna jqisu l-Afrika post fejn jistgħu jmorru biex ifittxu l-minerali jew biex jaħtfu r-rikkezzi tagħhom ħalli jistagħana ħaddieħor, f’pajjiżi oħra. Forsi fuq livell dinji hemm bżonn impenn akbar biex nippromwovu ġustizzja aħjar, ugwaljanza u żvilupp f’dawn il-pajjiżi Afrikani, sabiex ma jkollhomx għalfejn jemigraw lejn pajjiżi oħra, fi Spanja u oħrajn. U l-punt l-ieħor li rrid immiss, f’kull każ, huma bnedmin u għandna nittrattawhom b’mod uman, mhux agħar mill-annimali kif jiġri spiss. Hi sfida kbira: pajjiż jista’ jgħid li ma jistax jilqa’ aktar nies, imma meta jaslu, dawk huma bnedmin u jixirqilhom ir-rispett li għandu jkollu kull bniedem minħabba d-dinjità tiegħu.
U l-vjaġġi li jmiss?
Nixtieq ħafna nżur diversi pajjiżi fl-Amerika Latina. Għalissa mhemm xejn konfermat, naraw. Nittamaw.
Arthur Herlin, Paris Match
Santità, grazzi ħafna, f’isem il-kollegi Franċiżi kollha ngħidlek grazzi għal dal-vjaġġ meraviljuż. Santità, tul dal-vjaġġ int iltqajt ma’ mexxejja fost l-aktar awtoritarji fid-dinja, veru? Kif tista’ tevita li l-preżenza tiegħek ma tkunx staffa għall-awtorità morali ta’ dawn ir-reġimi? Mhijiex tip ta’, ngħidu aħna, “ħasilni l-Papa”?
Il-Papa
Grazzi tal-mistoqsija. Ċertament, il-preżenza tal-Papa ma’ kull Kap ta’ Stat tista’ tiġi interpretata b’modi differenti. Tista’ tkun interpretata, kif ġara minn xi wħud: “Ah, il-papa jew il-Knisja qed ittihom il-barka biex jgħixu b’dak il-mod”. U oħrajn jistgħu jaraw l-affarijiet b’mod differenti. Se nfakkar dak li għidt fil-bidu dwar kemm hu importanti nifhmu l-għan tal-vjaġġi tiegħi, tal-vjaġġi li jagħmel il-Papa, i.e. li nitaqa’ man-nies u l-valur kbir li s-sistema li titmexxa mis-Santa Sede – kultant b’sagrifiċċju kbir – hi li żomm ħajjin ir-relazzjonijiet diplomatiċi mal-pajjiżi ta’ madwar id-dinja. Xi drabi jkollna relazzjonijiet diplomatiċi ma’ pajjiżi li għandhom mexxejja awtoritarji. Ittina l-opportunità li nitkellmu magħhom fuq livell diplomatiku, fuq livell formali. Mhux dejjem nagħmlu xi dikjarazzjonijiet kbar: nikkritikaw, niġġudikaw jew nikkundannaw. Imma hemm xogħol kbir li jsir minn wara l-kwinti biex nippromwovu l-ġustizzja, il-każi umanitarji, fejn xi kultant infittxu fejn jista’ jkun hemm priġunieri politiċi biex naraw kif b’xi mod kif jistgħu jinħelsu. Sitwazzjonijiet ta’ ġuħ, mard eċċ. Għal dir-raġuni, is-Santa Sede hi u żżomm in-newtralità u tfittex modi kif tkompli r-relazzjoni diplomatika pożittiva ma’ tant pajjiżi differenti, fil-fatt inkunu qed nippruvaw insibu mod kif napplikaw il-Vanġelu għal sitwazzjonijiet konkreti sabiex il-ħajja tan-nies tkun tista’ titjieb. Kulħadd jista’ jinterpreta l-bqija kif jidhirlu imma fil-fehma tiegħi l-importanti hu li nfittxu l-aħjar mod kif nistgħu ngħinu lill-popli ta’ kull pajjiż.
Verena Stefanie Shälter, Ard Rundfunk
Santità, nifraħlek għal dan l-ewwel vjaġġ papali tiegħek fin-naħa t’isfel tad-dinja. Rajna ħafna entużjażmu u wkoll ewforija; nimmaġina li dan emozzjona lilek ukoll. Nixtieq inkun naf kif tivvaluta d-deċiżjoni tal-Kardinal Reinhard Marx, Arċisqof ta’ Munich u Freising, li ta permess biex fid-djoċesi tiegħu tingħata l-barka lill-koppji tal-istess sess, u fid-dawl ta’ perspettivi kulturali u teoloġiċi differenti, speċjalment fl-Afrika, kif bi ħsiebek tippreserva l-għaqda tal-Knisja globali fuq din il-kwistjoni partikolari?
Il-Papa
L-ewwel u qabel kollox, jidhrili li hu importanti ħafna nifhmu li l-għaqda jew il-firda tal-Knisja m’għandhiex tkun iddettata minn kwistjonijiet tas-sess. Għandna t-tendenza naħsbu li meta l-Knisja titkellem dwar il-moralità, l-unika kwistjoni hija s-sess. U fil-verità, nemmen li hemm kwistjonijiet ferm aktar importanti bħalma huma l-ġustizzja, l-ugwaljanza, il-libertà tal-bniedem, il-libertà reliġjuża, li kollha huma prijoritarji għal dil-kwistjoni partikolari. Is-Santa Sede diġà tkellemt mal-Isqfijiet Ġermaniżi. Is-Santa Sede għamlitha ċara li ma taqbilx mat-tberik formali, f’dal-każ ta’ koppji omosesswali, kif saqsejt int, jew ta’ koppji f’sitwazzjonijiet irregolari lil hinn minn dak li kien speċifikament permess mill-Papa Franġisku meta qal li n-nies kollha jirċievu l-barka. Meta saċerdot jagħti l-barka fi tmiem il-Quddiesa, meta l-Papa jagħti l-barka fi tmiem ċelebrazzjoni kbira bħal dik li kellna llum, ikunu barkiet għan-nies kollha. L-espressjoni magħrufa sew ta’ Franġisku “Tutti, tutti, tutti” (kulħadd, kulħadd, kulħadd), hija espressjoni tat-twemmin tal-Knisja li kulħadd huwa milqugħ; kulħadd huwa mistieden; kulħadd huwa mistieden jimxi wara Ġesù, u kulħadd huwa mistieden ifittex il-konverżjoni f’ħajtu. Biex illum inħarsu aktar ‘il quddiem, fil-fehma tiegħi dan hu suġġett li aktar jista’ joħloq firda milli għaqda. Aħna għandna nfittxu modi kif nibnu l-għaqda f’Ġesù Kristu u fuq dak li għallem Hu. Din hi r-risposta tiegħi għal dil-mistoqsija.
Anneliese Taggart, Newsmax TV
Santità, grazzi ħafna. Tul dal-vjaġġ semmejt ħafna drabi kemm il-bnedmin għandhom ġuħ u għatx għall-ġustizzja. Dalgħodu smajna li l-Iran reġgħu taw il-forka lil wieħed mill-membri tal-oppożizzjoni, u dan jiżdied, kif intqal, mal-fatt li r-reġim għallaq pubblikament bosta nies oħra, kif ukoll eluf ta’ Iranjani ħuthom. Dawn l-azzjonijiet tikkundannahom” Għandek xi messaġġ għar-reġim Iranjan?
Il-Papa
Jien nikkundanna kull azzjoni inġusta. Nikkundanna t-teħid ta’ ħajjet in-nies. Nikkundanna l-piena kapitali. Nemmen fir-rispett lejn il-ħajja umana u li l-bnedmin kollha – mit-tnissil sal-mewt naturali – għandhom dritt għar-rispett u l-protezzjoni. Għalhekk, meta reġim, meta xi pajjiż, jieħu deċiżjoni li biha inġustament titneħħa l-ħajja ta’ bnedmin oħra, allura hu ovvju li hemm xi ħaġa kundannabbli.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber