Kien il-jum tal-Erbgħa. Bħal kważi kull nhar ta’ Erbgħa oħra, il-Papa Ġwanni Pawlu II, l-istess kif kienu għamlu l-aħħar papiet ta’ qalblu u dawk kollha ta’ warajh, kien qed jilqa’ l-folla, li tinġabar għall-Udjenza Ġenerali.
Għal ħabta ta’ nofsinhar, meta huwa fil-Pope Mobile kien qed idur mal-folla fi Pjazza San Pietru, u jsellmilha, wieħed raġel Tork, Mehmet Ali Ağca sparalu erba’ tiri, u ħallieh ferut serjament f’diversi partijiet ta’ ġismu. Tilef ħafna demm, iżda minkejja dan, wara operazzjoni ta’ emerġenza huwa baqa’ ħaj, tant li kompla bid-doveri tiegħu ta’ mexxej tal-Knisja Kattolika għal kważi 24 sena oħra.
Dakinhar tal-attentat, kien it-13 ta’ Mejju 1981, festa tal-Madonna ta’ Fatima.
Ma kienetx kumbinazzjoni
Ġwanni Pawlu II nnifsu dejjem emmen li kienet il-Madonna li dakinhar salvatlu ħajtu, “Id waħda sparat it-tir, u oħra, dik tal-Verġni Marija] iggwidatha.” Eżattament sena wara huwa żar is-Santwaju tal-Madonna ta’ Fatima u offra dak il-bullet li laqtu biex jitpoġġa fil-kuruna tal-istatwa tal-Madonna. Kien ċert li s-sopravivenza tiegħu ma kienetx xi kumbinazzjoni, iżda fiha lemaħ b’mod ċar l-idejn ta’ Alla, u l-interċessjoni tal-Madonna. Fil-fatt, minbarra ż-żjara ta-13 ta’ Mejju 1982, huwa mar mill-ġdid fl-1991 u kif ukoll fis-sena 2000.
Il-maħfra kienet il-qofol nisrani tal-ġrajja
Iżda bosta persuni jemmnu, li l-ħarsien mirakuluż ta’ ħajjet il-papa ma kienx il-qofol tal-ġrajja, iżda ferm aktar sinifikanti minn dan kienet il-maħfra ġenwina li huwa ta minn qalbu lill-agressur tiegħu, maħfra li stqarra huwa stess lil dak li sparalu, meta fis-27 ta’ Diċembru 1983, żaru personalment fil-ħabs fejn kien miżmjum.

Illum, eżattament 45 sena wara l-attentat ta’ assassinju u aktar minn 40 sena miż-żjara fil-ħabs, is-sinifikat tal-avveniment inbidel minn wieħed titlu xokkanti fil-ġurnali u l-bulettini tal-aħbarijiet għal bażi ta’ wirt morali u reliġjuż. Ir-ritratti tal-Papa, illum dikjarat qaddis, b’rasu baxxuta f’ċella ta’ ħabs biex ikellem lil dak li pprova joqtu, jibqgħu fost l-aktar xbihat qawwija ta’ rikonċiljazzjoni fi żmienna; azzjoni aktar milli paroli.
Barra minn hekk, għalina l-Kattoliċi, din il-ġrajja hija ċertament marbut mat-tielet sigriet ta’ Fatima dwar l-Isqof liebes l-abjad, sigriet li kien żvelat mill-Vatikan dsatax-il sena wara, eżattament fis-sena 2000.
Wara ż-żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu II fil-ħabs fl-1983, wara wkoll il-maħfra li ta lill-agressur tieghu, l-attitudni ta’ Ağca bdiet tinbidel, sakemm fit-13 ta’ Mejju 2007, eżattament 26 sena wara l-attentat ta’ assassinju, huwa ħabbar formalment il-konverżjoni tiegħu għall-Kristjaneżmu.