
IX-XAHAR TA’ MEJJU
Mense Maio
ENĊIKLIKA TAL-PAPA PAWLU VI
DWAR IT-TALB GĦALL-PAĊI
FIX-XAHAR TA’ MEJJU
APRIL 29, 1965
Lill-Venerabbli Aħwa Patrijarki, Primati, Arċisqfijiet, Isqfijiet u Ordinarji Lokali oħra li huma fil-Paċi u f’Komunjoni mas-Sede Appostolika
Lill-Venerabbli Aħwa Patrijarki, Primati, Arċisqfijiet, Isqfijiet u Ordinarji Lokali oħra li huma fil-Paċi u f’Komunjoni mas-Sede Appostolika
Venerabbli Ħuti, Saħħa u Barka Appostolika
Ix-xahar ta’ Mejju kważi magħna, xahar li fiħ il-pjetà tal-fidili ilha żmien li ddedikatu lil Marija, Omm Alla. Qalbna tifraħ għall-ħsieb tal-qima ħerqana ta’ fidi u mħabba li dalwaqt se tingħata lis-Sultana tas-Sema f’kull rokna tad-dinja. Għax dan hu x-xahar li tulu l-Insara, fil-knejjes tagħhom u fil-familji, joffru lill-Verġni Omm atti ta’ omaġġ u qima aktar ferventi u ta’ mħabba; u huwa x-xahar li fih id-doni tal-ħniena t’Alla jinżlu fuqna mit-tron ta’ Ommna b’abbundanza akbar.
2. Din id-drawwa marbuta max-xahar ta’ Mejju tferraħna u tfarraġna, drawwa li taghti ġieħ lill-Verġni Mqaddsa u li ġġib tant benefiċċji lill-poplu Nisrani. Ġaladarba Marija, bix-xieraq, hi meqjusa bħala t-triq li twassalna għand Kristu, il-persuna li tiltaqa’ ma’ Marija ma tistax tevita li tiltaqa’ wkoll ma’ Kristu. Għal liema raġuni oħra nduru kontinwament lejn Marija jekk mhux biex f’dirgħajha, fiha, għaliha u magħha nfittxu lil Kristu, is-Salvatur tagħna, hi li hi r-rifuġju tal-bnedmin fit-tfixkil u l-perikli ta’ hawnhekk, li l-bnedmin bla heda jħossu l-ħtieġa li jduru lejha bħala port tas-salvazzjoni u għajn traxxendentali ta’ ħajja?
3. Peress li x-xahar ta’ Mejju huwa inċentiv qawwi għal talb aktar frekwenti u ħerqan, u peress li fil-qalb ħanina tagħha s-suppliki tagħna jaslu faċilment, kienet drawwa favorita tal-predeċessuri tagħna li jagħżlu dan ix-xahar, iddedikat lil Marija, biex iħeġġu lill-poplu Nisrani joffri talb pubbliku kull meta l-bżonnijiet tal-Knisja kienu jirrikjedu dan jew inkella meta xi kriżi gravi kienet thedded ir-razza umana. Dis-sena, Venerabbli Ħuti, min-naħa tagħna nħossuna obbligati li nħeġġu għat-talb lid-dinja Kattolika kollha. Meta nħarsu lejn il-bżonnijiet preżenti tal-Knisja u s-sitwazzjoni tal-paċi fid-dinja, għandna raġunijiet validi biex nemmnu li s-siegħa preżenti hija partikolarment gravi u li appell għal talb min-naħa tal-Insara magħqudin ilkoll flimkien hi prijorità ewlenija.
4. L-ewwel raġuni għal dn l-appell hi marbuta mas-sitwazzjoni storika li għaddejja minnha l-ħajja tal-Knisja: iċ-ċelebrazzjoni tal-Konċilju Vatikan II. Din il-ġrajja importanti tqiegħed proposta serja quddiem il-Knisja: li tadatta ruħha, b’mod xieraq, skont il-bżonnijiet ta’ żmienna. Il-futur tal-għarusa ta’ Kristu u d-destin tal-erwieħ għaż-żmien li ġej, jiddependi mis-suċċess ta’ l-isforzi tagħna. Dan hu tassew mument qawwi li Alla rifed bih il-ħajja tal-Knisja u l-istorja tad-dinja.
5. Għalkemm diġà sar ħafna xogħol, għad fadlilkom ħafna x’tagħmlu, Venerabbli Ħuti, fis-sessjoni li jmiss li se tkun ukoll l-aħħar waħda. Iż-żmien ta’ wara dik is-sessjoni mhux se jkun anqas fl-importanza. Minn dakinhar ‘il quddiem, jibdew jiġu implimentati d-deċiżjonijiet tal-Konċilju. Is-saċerdoti u l-poplu se jkunu msejħa biex jgħaqqdu l-isforzi tagħhom sabiex iż-żerriegħa miżrugħa matul il-Konċilju tagħti frott konkret u fejjiedi. Għalhekk, biex niksbu d-dawl u l-barkiet divini meħtieġa għat-tlestija ta’ dan l-opra kbira, inpoġġu t-tama tagħna f’Dik li ddikjarajna bil-ferħ Omm il-Knisja fi tmiem l-aħħar sessjoni. Mill-bidu nett tal-Konċilju tatna l-għajnuna tagħha b’imħabba, u żgur li se tibqa’ magħna sakemm dak li għandu jsir jitlesta.
6. Is-sitwazzjoni internazzjonali preżenti hi t-tieni raġuni għall-appell tagħna, sitwzzjoni li, kif tafu tajjeb, Ħuti Venerabbli, hi inkwetanti u inċerta għall-aħħar. Il-benefiċċju suprem tal-paċi reġa’ jinsab fil-periklu. Illum naraw li t-tensjoni bejn in-nazzjonijiet f’ċerti nħawi tad-dinja qed taggrava serjament, qiesu li mill-esperjenzi qarsa taż-żewġ gwerer dinjija li kkawżaw tant tixrid ta’ demm fl-ewwel nofs ta’ dan is-seklu, ma tgħallimna ebda lezzjoni. Għal darb’oħra qed naraw lill-bnedmin jirriskjaw u jirrikorru għall-armi minflok ma jinnegozjaw biex isolvu t-tilwim bejn fehmiet opposti. Hekk, l-abitanti ta’ nazzjonijiet sħaħ huma suġġetti għal tbatijiet indescrivibbli kkawżati minn irvellijiet, gwerer sigrieti u qarrieqa, u battalji. Dawn il-ġrajja qed isiru aktar frekwenti u aktar morri kuljum, u ħin bla waqt jistgħu iqanqlu gwerra terribbli ġdida.
7. Konxji minn dawn il-perikli gravi li qed jheddu lill-umanità, u konxji mid-dmir tagħna bħala Ragħaj Suprem, inqisu li jeħtiġilna nesprimu t-tħassib serju tagħna u l-biża’ tagħna li dawn it-tensjonijiet jistgħu jiddeġeneraw fi gwerra mdemmija. Nitolbu lil dawk kollha li għandhom ir-responsabbiltà tal-awtorità pubblika biex ma jinjorawx ix-xewqat unanimi tal-umanità li tikseb il-paċi. Ħa jagħmlu minn kollox biex jippreservaw il-paċi li bħalissa tinsab mhedda. Ħalli ma jieqfux jippromwovu diskussjonijiet u negozjati f’kull okkażjoni possibbli u bejn persuni ta’ kull grad, sabiex jilqgħu minn qabel u ma jkunx hemm għalfejn jirrikorru għall-użu perikoluż tal-armi u l-ħerba terribbli li jħallu fil-valuri temporali, spiritwali u morali. Waqt li jimxu fit-toroq iddettati mil-liġijiet, ħa jippruvaw jiddixxernu kull tfittxija sinċiera għall-ġustizzja u l-paċi; ħa jinkoraġġixxu t-tifitxa twila u diffiċli u jagħmluha suċċess; ħa jqiegħdu l-fiduċja f’kull sinjal sinċier ta’ rieda tajba, sabiex il-kawża tal-ordni, li ta’ min ifaħħarha, tirbaħ fuq dak kollu li jikkawża d-diżordni u l-qerda.
8. Sfortunatament, f’din is-sitwazzjoni ta’ wġigħ irridu ninnutaw b’imrar kbir li ħafna drabi r-rispett għan-natura sagra u invjolabbli tal-ħajja umana jintesa, u jsir rikors għal sistemi u attitudnijiet li huma f’kuntrast miftuħ mas-sens morali u d-drawwiet ta’ poplu ċivilizzat. Rigward dan ma nistgħux ma nsemmgħux leħinna biex niddefendu d-dinjità tal-bniedem u ċ-ċiviltà Nisranija; nikkundannaw gwerer sigrieti u qarrieqa, attivitajiet terroristiċi, il-ħtif ta’ ostaġġi, u rappriżalja selvaġġa ta’ nies diżarmati. Dawn huma delitti li jdgħajfu l-għarfien tal-bniedem dwar x’inhu ġust u uman, u jkomplu jżidu l-għadab fil-qlub tal-ġellieda. Dawn id-delitti jistgħu jagħlqu t-toroq li għadhom miftuħa għar-rieda tajba reċiproka; jew jistgħu joħolqu aktar diffikultajiet fin-negozjati waqt li jekk jitmexxew b’sinċerità u onestà, jistgħu jwasslu għal ftehim raġonevoli.
9. Kif tafu, Venerabbli Ħuti, it-tħassib kbir tagħna dwar din is-sitwazzjoni mhux iddettat minn xi interess personali. L-unika xewqa tagħna hi li nipproteġu lil min hu milqut minn din l-isfortuna u nippromwovu l-veru ġid tal-popli kollha. U aħna nittamaw li l-għarfien tar-reponsabbiltajiet li jġorru quddiem Alla u quddiem il-bnedmin ikun biżżejjed biex il-mexxejja tal-gvernijiet iżidu l-isforz ġeneruż tagħhom biex iżommu l-paċi; nittamaw li jagħmlu ħilithom kollha ħalli, safejn jistgħu, jilqgħu minn qabel biex jitneħħa kull ostaklu għal ftehim serju u sinċier iddettat mill-kors ta’ ġrajjiet jew mill-attitudnijiet umani.
10. Iżda l-paċi, Venerabbli Ħuti, mhix biss xogħol il-bniedem. Primarjament hi wkoll rigal minn Alla. Il-paċi tiġi mis-sema. Issaltan żgur fost il-bnedmin meta saflaħħar nuru li aħna denji li nirċievu dar-rigal mingħand Alla li jista’ kollox. Bħalma l-hena u d-destin tan-nazzjonijiet huma taħt is-setgħa tiegħu, hekk ukoll huma qlub il-bnedmin. U għalhekk dal-benefiċċju nirċevuh bit-talb lil Alla; bit-talb mishar u kostanti, kif il-Knisja mdorrija tagħmel sa mill-bidunett tagħha; billi nitolbu, b’mod partikolari, l-interċessjoni tal-Imqaddsa Verġni Marija, ir-Reġina tal-Paċi.
11. Għalhekk, Venerabbli Ħuti, matul dax-xahar ta’ Mejju, ejjew noffru t-talb tagħna lil Omm Alla b’devozzjoni u fiduċja akbar sabiex tiffavorina bil-barkiet tagħha. Minkejja li d-dnubiet gravi tal-bniedem jistħoqqilhom il-kastigi ħorox tiegħu, m’għandniex ninsew li “Hu missier il-ħniena u Alla ta’ kull faraġ” (1), li ħatar lil Marija l-aktar qaddisa bħala amminstratriċi tad-doni tal-ħniena tiegħu.
12. Jalla hi, li ġarrbet it-tajjeb u l-iebes tal-ħajja, l-għejja tar-rutina ta’ kuljum, l-iebes u l-provi tal-faqar u n-niket tal-Kalvarju, tkun għajnuna għall-ħtiġijiet tal-Knisja u tar-razza umana. Jalla bil-ġentilezza tagħha tagħti widen għat-talb devot ta’ dawk kollha li fid-dinja jitkarrbulha għall-paċi. Jalla ddawwal l-imħuħ tal-mexxejja tan-nazzjonijiet. U fl-aħħarnett, jalla tipperswadi lil Alla, li jmexxi r-riħ u t-tempesti, biex jikkalma t-tempesti fil-qlub imħabbta tal-bnedmin u jagħtina l-paċi fi żmienna Aħna qed infittxu paċi mibnija fuq il-blat samm tal-ġustizzja u l-imħabba – ġustizzja li tagħraf id-drittijiet leġittimi tad-dgħajjef kif ukoll ta’ min hu qawwi; imħabba li lill-bniedem iżżommu bogħod mill-iżball li jkun moħħu biss fl-interessi personali. B’hekk ikunu mħarsa d-drittijiet bla ma jitwarrbu jew jinkisru d-drittijiet tal-oħrajn.
13. Nitolbukom, Venerabbi Ħuti, li dawn ix-xewqat tagħna u l-karba urġenti tagħna ittarrfuhom lill-fidili li għandkom fil-kura tagħkom, bl-aħjar mod li jidhrilkom xieraq. Nitolbukom ukoll tfasslu talb speċjali f’kull djoċesi u parroċċa matul ix-xahar ta’ Mejju; partikolarment talb pubbliku solenni fil-festa ta’ Marija Reġina, skont l-intenzjonijiet li semmejna.
14. Għandkom tkunu tafu li aħna qed nistrieħu b’mod partikolari fuq it-talb tat-tfal u ta’ dawk li qed isofru, għax it-talb tagħhom għandu qawwa speċjali biex jirfed is-sema u jtaffi l-ġustizzja ta’ Alla. Billi dan hu żmien xieraq, tinsewx tagħmlu enfasi dwar ir-reċita tar-Rużarju, it-talba li tant togħġob lill-Madonna u li l-Papiet irrakkomndawha kemm-il darba. Lill-fidili toffrilhom mezz eċċellenti biex ikunu konformi b’mod effettiv u pjaċevoli mal-kmand tal-Imgħallem divin tagħna: ” Itolbu, u jingħatalkom; fittxu, u ssibu; ħabbtu, u jiftħulkom” (2).
15. B’dawn is-sentimenti u bit-tama li kulħadd iwieġeb fil-pront u bil-ħlewwa għal din l-eżortazzjoni tagħna, lilkom, Venerabbli Ħuti, u lill-fidili kollha tagħkom nagħtu minn qalbna l-Barka Appostolika.
Mogħti minn Ruma, minn San Pietru
29 ta’ April, 1965
It-tieni sena tal-pontifikat tagħna
PAWLU VI
NOTES
LATIN TEXT: Acta Apostolicae Sedis, 57 (1965), 353-58.
ENGLISH TRANSLATION: The Pope Speaks, 10 (Spring, 1965), 220-24.
REFERENCES:
12. (1) Cf. 2 Cor. 1.3.
13. (2) Mt. 7.7.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber