IL-PAPA LJUN XIV
REGINA CAELI
Pjazza San Pietru
Il-V Ħadd tal-Għid, 3 ta’ Mejju, 2026
Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
Fiż-żmien tal-Għid, bħall-Knisja li kienet qed titwieled, nerġgħu lura għall-kliem ta’ Ġesù li jikxef it-tifsira sħiħa tiegħu fid-dawl tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu mill-imwiet. Dak li qabel id-dixxipli ma kinux jifhmu jew li kien jinkwetahom issa jerġa’ jitfaċċa mill-ġdid fil-memorja, isaħħan il-qalb u jagħti t-tama.
L-Evanġelju ta’ dal-Ħadd (Ġw 14, 1-12) jintroduċi d-djalogu tal-Imgħallem mad-dixxipli tiegħu waqt l-Aħħar Ikla. Nisimgħu partikolarment wegħda li minn issa ’l quddiem iddaħħalna fil-misteru tal-qawmien tiegħu mill-imwiet. Ġesù jgħid: “Meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll: (v. 3). Hekk, l-Appostli jiskopru li f’Alla hemm post għal kulħadd. Tnejn minnhom kienu diġà ġarrbu dan sa mill-ewwel laqgħa ma’ Ġesù qrib ix-xmara Ġordan meta Hu nduna li kienu qed isegwuh u stedinhom biex dak il-waranofsinhar jibqgħu miegħu fejn kien joqgħod (cfr Ġw 1,39). Issa wkoll, quddiem il-mewt, Ġesù jitkellem dwar dar, din id-darba kbira ħafna: hi d-dar ta’ Missieru u Missierna fejn hemm post għal kulħadd. L-Iben jiddeskrivi lilu nnifsu bħala l-qaddej li jħejji l-kmamar, biex kull meta jaslu l-aħwa, isibuhom lesti waqt li jħossuhom dejjem mistennija u fl-aħħar iħossuhom misjubin mill-ġdid.
Għeżież, fid-dinja tal-qedem li fiha aħna għadna nterrqu, il-postijiet esklussivi kienu jiġbdu l-attenzjoni, l-esperjenzi kienu l-privileġġ tal-ftit, il-privileġġ li wieħed jidħol fejn kien magħluq għall-bqija l-oħra kollha. Iżda fid-dinja l-ġdida li fiha jeħodna l-Irxoxt, dak li l-aktar jiswa’ hu miftuħ għal kulħadd. B’daqshekk ma jitlifx l-attrazzjoni tiegħu. Bil-maqlub, dak li issa hu miftuħ għal kulħadd jagħti l-ferħ: il-gratitudni tieħu post il-kompetizzjoni,
il-merħba telimina l-esklużjoni; l-abbundanza ma tibqax tfisser inugwaljanza. Fuq kollox mhemmx differenza bejn dak u l-ieħor, ħadd mhu mitluf. Il-mewt thedded li tħassar l-ismijiet u l-memorji, imma f’Alla, kulħadd, finalment, jibqa’ hu nnifsu. Fil-verità, dan huwa l-post li aħna nfittxu matul ħajjitna, xi kultant inkunu lesti li nagħmlu minn kollox biex sempliċiment niksbu ftit attenzjoni u rikonoxximent.
“Emmnu fija”, jgħidilna Ġesù. Dan hu s-sigriet! “Emmnu f’Alla u emmnu fija wkoll” (Ġw 14,1). Propju fidi bħal din teħles lil qalbna mill-ansjetà li qatt m’għandna xaba u dejjem irridu aktar, mill-ingann li niġru wara post ta’ prestiġju biex inkunu niswew xi ħaġa. Ilkoll diġà għandna valur infinit fil-misteru ta’ Alla li hu r-realtà vera. Inħobbu lil xulxin bħalma ħabbna Ġesù, dan l-għarfien nirregalawh lilna nfusna. Hu l-kmandament il-ġdid: b’hekk inkunu nantiċipaw il-ġenna f’din l-art, nuru lil kulħadd li d-destin tagħna hu l-fraternità u l-paċi. Infatti, fl-imħabba, fost il-moltitudni tal-aħwa, kull wieħed u waħda minnha niskopru li aħna uniċi.
Għalhekk, nitolbu lil Marija Santissma, Omm il-Knisja, sabiex kull komunità nisranija tkun dar miftuħa għal kulħadd, attenta għal kulħadd.
Wara r-Regina Caeli
Għeżież ħuti,
beda x-xahar ta’ Mejju: fil-Knisja kollha jiġġedded il-ferħ li ninġabru f’isem Marija, l-Omm tagħna, speċjalment biex ngħidu r-Rużarju flimkien. Nerġgħu ngħixu l-esperjenza tal-jiem bejn it-Tlugħ fis-Sema ta’ Ġesù u l-Pentekoste, meta d-dixxipli kienu miġburin flimkien fiċ-Ċenaklu jinvokaw l-Ispirtu s-Santu: L-Imqaddsa Marija kienet fosthom u f’qalbha kienet tkennen in-nar tat-talb imħeġġeġ ta’ kulħadd. Nafdalha f’idejha l-intenzjonijiet tiegħi, partikolarment il-komunjoni fil-Knisja u l-paċi fid-dinja.
Illum hu l-Jum Dinji tal-Libertà tal-Istampa, taħt il-patroċinju tal-UNESCO. Sfortunatement, dan id-dritt spiss jiġi miksur, kultant apertament, drabi oħra bil-moħbi. Niftakru fl-għadd kbir ta’ ġurnalisti u reporters vittmi tal-gwerer u tal-vjolenza.
Insellem b’għożża lilkom ilkoll, fidili minn Ruma u pellegrini minn bosta pajjiżi!
Nagħti merħba lill-għalliema – reliġjużi u lajċi – tal-Escuelas de las Hermanas Franciscanas de los Sagrados Corazones; kif ukoll lill-fidili minn Madrid u Granada, minn Minneapolis u lil dawk mill-Malasja; lill-peruvjani li f’Ruma huma membri tal-Assoċjazzjoni Virgen de Chapi de Arequipa.
Insellem lill-membri tal-Assoċjazzjoni “Meter” li minn tletin sena ‘l hawn, bil-kollaborazzjoni tal-komunità ekkleżjali u dik ċivili, huma impenjati biex jiddefendu lill-minuri mill-abbużi, billi jedukaw u jkunu qrib il-vittmi u għall-impenn tagħhom ukoll fil-prevenzjoni. Grazzi tas-servizz tagħkom!
Hieni nilqa’ lill-fidili minn Padova, lill-“Grupp Giovani Valdaso” u “l-Punto Giovani” tal-Komunità Camilliana minn Piossasco, l-Azzjoni Kattolika mil-Vikarjat ta’ Noale, lill-adoloxxenti minn Verolanuova u Cadignano, lill-Kor ġovanili minn Cordeo-Predaia u lill-istudenti tal-Liċeo Fardella -Ximenes, minn Trapani.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber