VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-PAPA LJUN XIV
FL-ALĠERIJA, FIL-CAMEROON, F’ANGOLA U FIL-GUINEA EKWATORJALI
(13–23 ta’ April, 2026)
ŻJARA FL-ORFANATROFJU NGU ZAMBA
MESSAĠĠ TA’ MERĦBA MILL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Orfanatrofju Ngul Zamba (Yaoundé)
L-Erbgħa, 15 ta’ April, 2026
Għeżieħ tfal, għeżież ħbieb,
Jien kuntent ħafna li qed inżur dan l-orfanatrofju, li sar id-dar tagħkom. Hawnhekk, fuq kollox, hu Missierna tas-Sema li qed jilqagħkom bl-imħabba bħala wliedu. Irid jurikom it-tenerezza tiegħu u jiġbidkom lejn qalbu. F’ismu jien nixtieq nagħmel l-istess. Filfatt intom hawnhekk tiffurmaw familja ta’ aħwa u lkoll għandkom storja simili ttimbrata bit-tbatija. F’dil-familja, ħukom il-kbir hu Ġesù! Intom titqawwew għax, miġburin madwaru, tagħrfu ġġorru l-piżijiet tal-ħajja f’komunità li tgħinkom iġġarrbu l-ferħ veru.
F’dinja spiss immarkata mill-indifferenza u l-egoiżmu, din id-dar tfakkarna li jmiss lilna nieħdu ħsieb ħutna, u li, fil-familja kbira ta’ Alla, ħadd qatt mhu barrani jew minsi, ikun kemm ikun żgħir.
Għeżież tfal, jien naf li ħafna minnkom għaddew minn provi ferm diffiċli. Uħud minnkom sofrew in-niket tal-mewt tal-ġenituri jew ta’ persuni għeżież. Oħrajn għaddew mill-biża’, sfaw irrifjutati, abbandunati, neqsin mill-meħtieġ u sofrew l-inċertezza. Madankollu intom imsejħin għal futur akbar mill-ġrieħi tagħkom. Intom ħabbara ta’ wegħda. Għax kull fejn hemm il-miżerja, it-tbatija jew l-inġustizzja, Alla hu preżenti; Hu jaf il-wiċċ tagħkom kollha u hu qrib ħafna tagħkom. L-Evanġelju jfakkarna li Ġesù jimpurtah speċjalment minn tfal bħalkom, u spiss kien ipoġġihom fiċ-ċentru. Kunu afu li llum iħares lejn kull wieħed u waħda minnkom bl-istess għożża.
Nixtieq ukoll insellem bi gratitudni lil dawk kollha li jieħdu ħsieb dawn it-tfal: id-diretturi, l-edukaturi, l-impjegati, il-volontiera u, mhemmx għalfejn ngħidu, is-Sorijiet. Id-dedikazzjoni sħiħa tagħkom hi xhieda sabiħa ta’ mħabba. Intom u tieħdu ħsieb dawn it-tfal qed idduqu minn qabel il-ferħ li l-Mulej wiegħed lil dawk li jservu liċ-ċkejknin (cfr Mt 25,40). Il-paċenzja tagħkom hi mera tal-ħniena divina. Bil-paċenzja u d-dedikazzjoni tagħkom intom toffru ferm aktar minn sempliċi sapport materjali: lil dawn it-tfal toffrulhom preżenza, widna li tisma’, familja, futur. Permezz tagħkom timmanifesta ruħha t-tenerezza t’Alla – tenerezza kostanti li ma tninx maż-żmien u ma tiddiżappunta qatt. Irroddilkom ħajr għal dak kollu li tagħmlu u nħeġġiġkom biex tipperseveraw bil-kuraġġ f’dil-ħidma sabiħa li dħaltu għaliha.
Waqt li minn qalbi ntikom il-barka tiegħi, inqegħedkom ilkoll taħt il-protezzjoni tal-Beata Verġni Marija, Ommna. Jalla tkompli tħariskom, tfarraġkom fil-waqtiet ta’ swied il-qalb u tgħinkom tikbru bħala ħbieb veri ta’ Binha, Ġesù.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber