Adorazzjoni. 6 Ħadd tal-Għid. Sena A

Grazzi, o Ġesù, tal-preżenza tiegħek hawn fostna. (5 sek pawsa) Int, ma tieqaf qatt turina li “Alla hu Mħabba”. (5 sek pawsa) U dan jidher fid-don tal-Ewkaristija, li huwa d-don totali tiegħek innifsek, mibgħut mill-Missier fil-ħniena tenera tiegħu; “biex idawwal lil dawk li jinsabu fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, u ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem”. (5 sek pawsa)

M’hemm l-ebda sinjal ikbar tal-imħabba tal-Missier, u ta’ kemm jimpurtah minna, milli jkompli jagħtina lilek, o Ġesù, fl-Ewkaristija Mqaddsa; biex tfejjaq lil dawk ta’ qalbhom maqsuma, permezz tal-imħabba ta’ fejqan f’dan is-Sagrament Imqaddes.

Żommna qribek Mulej; fejjaq il-ġrieħi tagħna, u mliena bl-imħabba tiegħek, ħalli nkunu nistgħu verament inħobbu lil xulxin mingħajr kundizzjoni.       

Silenzju/background music   1min

Agħmel, o Ġesù, lil qalb tiegħi tkun imwaħħda ma’ tiegħek, biex nasal inħobb lill-oħrajn kif ħabbejtni Int. (5 sek pawsa)Bil-qawwa tal-Qalb Ewkaristika tiegħek, u bħalma n-nar jitrasforma kollox fih innifsu, agħmel li aħna nkunu lkoll ħaġa waħda fl-imħabba tiegħek, ħalli permezz ta’ kull wieħed u kull waħda minna, Int tiġbed l-bnedmin kollha lejk.                                                                                                                                       (5 sek pawsa)

Int, il-Ħaruf tal-Għid, offrut għad-dnubiet tagħna l-bnedmin; li, fis-Sagrament Imqaddes, tiddi bħal qawsalla spiritwali. F’dan il-patt il-ġdid u ta’ dejjem, Int turina, il-kontinwazzjoni tas-sagrifiċċju perfett Tiegħek fuq is-salib, sagrifiċċju li tant jogħġob lill-Missier, li jagħtina dak kollu, li aħna nitolbu f’ismek.

Silenzju          3min

Innu: ____________

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann                                                     Ġw 14:15-21

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi. U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem, l-Ispirtu tal-verità, li d-dinja ma tistax tirċevih, għax hija la tarah u lanqas tagħrfu. Iżda intom tagħrfuh, għaliex jgħammar magħkom, u huwa fikom. Ma nħallikomx iltiema. Nerġa’ niġi għandkom. Ftit ieħor, u d-dinja ma taranix aktar. Iżda intom għad tarawni, għax jiena ngħix, u intom ukoll għad tgħixu. F’dak il-jum intom tagħrfu li jiena f’Missieri, u intom fija u jiena fikom. Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni; u min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi”.

Il-Kelma tal-Mulej           Tifħir lilek Kristu

Silenzju          1min

Qegħdin ngħixu fi żmien fejn kulħadd irid jgħid il-fehma tiegħu. Imma qegħdin ngħixu wkoll f’dinja, fejn kulħadd jitkellem fuq l-imħabba: mħabba fil-kanzunetti, mħabba fid-diskors tagħna, mħabba f’kull ċirkustanza tal-ħajja tagħna. Imma kemm huwa veru dan id-diskors, li spiss nisimgħu, jew nagħmlu aħna stess fuq l-imħabba?     (10 sek pawsa)

Hija mħabba vera, mlaqqma fil-fedeltà, fis-sagrifiċċju, fil-perseveranza, jew hi mħabba tal-mument, li tgawdiha għal ftit minuti, mbagħad tisparixxi daqs li kieku duħħan. (5 sek pawsa)

Mulej, f’din is-siltà ċkejkna, Int tkellimna mill-imħabba: “Min iħobbni jħares il-kmandamenti tiegħi”. Imma int, o Sinjur, tkompli tenfasizza: “Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni”; U mhux biss iħobb lilek, imma, “jħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi”.

 Imma kemm verament qegħdin nisimgħu u nħarsu l-kmandament tal-imħabba li qed jitlob minna l-Mulej Ġesú?  (10 sek pawsa)

F’dan iż-żmien partikolari, qiegħed ngħix din l-imħabba? Kif nitkellem jien fuq ħaddieħor li ma jaqbilx miegħi? X’qiegħed nikteb fuq il-midja soċjali?

Silenzju                      3 min

Int, O Ġesú, tajtna eżempju ta’ kif wieħed għandu jħobb, billi  ħabbejtna sal-aħħar, Int tajtna lilek innifsek, għotja sħiħa fuq is-salib, biex tagħtina ħajja ġdida. Mhux lilna biss, imma dawk li jemmnu fik. L-imħabba tiegħek, hi waħda perfetta, mlaqqma fit-tbatija. L-imħabba li tagħtina Int, hi mħabba bla kundizzjonijiet, imħabba li tagħder u li toħloq il-maħfra; mħabba sal-aħħar qatra ta’ Demmek, imħabba tal-ġenn kieku ngħidu llum. Huwa proprju din l-imħabba, li Int qiegħed titlob minna, bil-prova tagħha tkun, li nħarsu l-Kelma tiegħek, il-kmandamenti tiegħek. Jiġifieri, li nħobbu kif ħabbejtna Int. (3 sek pawsa)

Dan huwa possibli? Umanament mhux possibli. Għaliex biex tħobb sal-aħħar qatra demmek bla kundizzjonijiet, mhux faċli. Imma Int, o Ġesú, tgħamlilna kuraġġ, u twegħdna l-qawwa Divina tiegħek: “Jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur, l-Ispirtu s-Santu, biex jibqa’ magħkom għal dejjem”. (5 sek pawsa)

Ejjew niftħu qalbna għall-Ispirtu ta’ Ġesú, li ċertament hu Spirtu ta’ mħabba, u ta’ mħabba vera.

Silenzju                      3 min

Innu: ____________

Talbiet tal-Komunitá

Il-Mulej Ġesú qalilna li se jibqa magħna, u wriena lil Alla l-Missier li jħobb lil uliedu. Inressqu b’fiduċja quddiemhu t-talb tagħna.

Nitolbu għall-Qdusija Tiegħu l-Papa Ljun, biex ikun messaġġier ta’ mħabba, ta’ rikonċiljazzjoni, u ta’ paċi fid-dinja kollha. Nitolbu.

Nitolbuk għall-mexxejja politiċi, biex bi kliemhom u bl-azzjonijiet tagħhom, ikunu xhieda tal-imħabba tiegħek. Nitolbu.

Nitolbuk Mulej, dawwal lil dawk li bħalissa jħossuhom imwarrba minn kulħadd. Nitolbu

Nitolbu għall-ommijiet kollha tagħna, ħajjin u mejtin, biex il-Mulej ikun il-ħlas tal-imħabba tagħhom. Nitolbu.

Nitolbu għalina, biex qatt ma naqtgħu qalbna mill-ħniena ta’ Alla, u nifhmu li l-Mulej huwa l-aqwa Difensur u Avukat tagħna. Nitolbu.

Ejjew fis-skiet ta’ qalbna nagħmlu t-talba personali tagħna.

Tingħata l-Barka Sagramentali:

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading