Il-Papa Ljun XIV jkompli l-katekeżi dwar il-Lumen Gentium

LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 6 ta’ Mejju 2026

Id-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II. Il-Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium. 8. Il-Knisja, pellegrina fl-istorja lejn pajjiżna tas-Sema

Ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!

Illum ejjew nieqfu fuq parti mill-kapitlu VII tal-Kostituzzjoni tal-Konċilju Vatikan II fuq il-Knisja, u nimmeditaw fuq karatteristika li tikkwalifikah: id-dimensjoni eskatoloġika. Fil-fatt, il-Knisja timxi f’din l-istorja fuq din l-art dejjem orjentata lejn id-destinazzjoni finali, li hi s-Sema pajjiżna. Hi dimensjoni essenzjali li, madankollu, spiss nittraskurawha jew nimminizzawha, għax aħna wisq ikkonċentrati fuq dak li hu immedjatament viżibbli jew fuq id-dinamiċi l-aktar konkreti tal-ħajja tal-komunità Nisranija.

Il-Knisja hija l-poplu ta’ Alla li jimxi fl-istorja, li għandu bħala fini tal-aġir kollu tiegħu s-Saltna ta’ Alla (ara LG, 9). Ġesù ta bidu għall-Knisja proprju billi ħabbar din is-Saltna ta’ mħabba, ta’ ġustizzja u ta’ paċi (ara LG, 5). Għalhekk aħna msejħin inqisu d-dimensjoni komunitarja u kożmika tas-salvazzjoni fi Kristu u nixħtu ħarsitna fuq dan ix-xefaq finali, biex inqisu u niżnu kollox f’din il-perspettiva.

Il-Knisja tgħix fl-istorja għas-servizz tal-miġja tas-Saltna ta’ Alla fid-dinja. Hi xxandar lil kulħadd u dejjem il-kelmiet ta’ din il-wegħda, tirċievi rahan tagħha fiċ-ċelebrazzjoni tas-Sagramenti, b’mod partikulari tal-Ewkaristija, u tattwa u tesperimenta l-loġika tagħha fir-relazzjonijiet ta’ mħabba u ta’ qadi. Barra minn hekk, hi taf li hi post u mezz fejn l-għaqda ma’ Kristu sseħħ “iżjed bis-sħiħ” (LG, 48), waqt li fl-istess ħin tagħraf li s-salvazzjoni tista’ tingħata minn Alla fl-Ispirtu s-Santu anki ’l barra mill-konfini viżibbli tagħha.

Dwar dan, il-Kostituzzjoni Lumen gentium tagħmel affermazzjoni importanti: il-Knisja hi “sagrament tas-salvazzjoni għal kulħadd” (LG, 48), jiġifieri sinjal u strument ta’ dik il-milja ta’ ħajja u ta’ paċi mwiegħda minn Alla. Dan ifisser li hi ma tidentifikax ruħha perfettament mas-Saltna ta’ Alla, imma hi ż-żerriegħa u l-bidu tagħha, għax it-twettiq sħiħ għad jingħata lill-umanità u lill-kożmu biss fl-aħħar. Għalhekk, dawk li jemmnu fi Kristu jimxu f’din l-istorja fuq din l-art, immarkata mill-maturazzjoni tat-tajjeb imma anki mill-wegħda li jirċievu minn “Dak li jġedded kollox” (Apok 21:5). Għalhekk, il-Knisja twettaq il-missjoni tagħha bejn id-“diġà” tal-bidu tas-Saltna ta’ Alla f’Ġesù, u l-“mhux għalissa” tal-milja mwiegħda u mistennija. Ħarriesa ta’ tama li ddawwal il-mixja, hija mlibbsa wkoll mill-missjoni li tlissen kliem ċar biex tirrifjuta dak kollu li jissagrifika l-ħajja u ma jħallihiex tiżviluppa u tieħu pożizzjoni favur il-foqra, l-isfruttati, il-vittmi tal-vjolenza u tal-gwerra, u dawk kollha li jbatu, fil-ġisem u fl-ispirtu (ara Kompendju tad-duttrina soċjali tal-Knisja, n. 159).

Sinjal u sagrament tas-Saltna, il-Knisja hija l-poplu ta’ Alla pellegrin fuq l-art li, ibda proprju mill-wegħda finali, taqra u tinterpreta ibda mill-Vanġelu d-dinamiżmi tal-istorja, hija u tikkundanna l-ħażen fix-xejriet kollha tiegħu u tħabbar, bil-kliem u bl-opri, is-salvazzjoni li Kristu jrid iwettaq għall-umanità kollha u s-Saltna tiegħu ta’ ġustizzja, ta’ mħabba u ta’ paċi. Għalhekk, il-Knisja ma tħabbarx lilha nfisha; bil-maqlub, fiha kollox irid jeħodna għas-salvazzjoni ta’ Kristu.

F’din il-perspettiva, il-Knisja hi msejħa tagħraf umilment id-dgħufija umana tal-istituzzjonijiet tagħha, li għandhom tmiem, u li, imqar jekk huma għas-servizz tas-Saltna ta’ Alla, iġorru fihom il-bixra li tgħaddi ta’ din id-dinja (ara LG, 48). Ebda istituzzjoni ekkleżjali ma tista’ tiġi assolutizzata, anzi, billi dawn jgħixu fl-istorja u fiż-żmien, huma msejħa għal konverżjoni kontinwa, għat-tiġdid tal-forom u għar-riforma tal-istrutturi, għar-riġenerazzjoni kontinwa tar-relazzjonijiet, hekk li jistgħu tassew jikkorrispondu mal-missjoni tagħhom.

Fix-xefaq tas-Saltna ta’ Alla rridu nifhmu wkoll ir-relazzjoni bejn l-Insara li llum qed iwettqu l-missjoni tagħhom u dawk li diġà temmew il-ħajja tagħhom fuq din l-art u jinsabu fi stadju ta’ purifikazzjoni jew ta’ hena. Fil-fatt, il-Lumen gentium tafferma li l-Insara kollha jsawru Knisja waħda, li hemm komunjoni u komparteċipazzjoni tal-ġid spiritwali msejsa fuq l-għaqda ta’ dawk kollha li jemmnu ma’ Kristu, fraterna sollicitudo bejn Knisja fuq din l-art u Knisja tas-Sema: dik il-komunjoni tal-qaddisin li nesperimentawha b’mod partikulari fil-liturġija (ara LG, 49-51). Aħna u nitolbu għall-mejtin u nimxu fuq il-passi ta’ dawk li diġà għexu bħala dixxipli ta’ Ġesù, aħna mwieżna wkoll fil-mixja u nseddqu l-qima tagħna lejn Alla: immarkati mill-Ispirtu wieħed u magħquda fil-liturġija waħda, flimkien ma’ dawk li ġew qabilna fil-fidi, inweġġħu u nagħtu glorja lit-Trinità Qaddisa.

Inħossuna grati lejn il-Missirijiet konċiljari li reġgħu fakkruna f’din id-dimensjoni hekk importanti u hekk sabiħa li aħna Nsara, u nfittxu li nikkultivawha fil-ħajja tagħna.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading