Ġwanni Pawlu II f’Maracaibo, Venezuela

VJAĠĠ APPOSTOLIKU FIL-VENEZUELA,
ECUADOR, PERÙ, TRINIDAD-TOBAGO
QUDDIESA F’MARACAIBO
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 27 ta’ Jannar 1985

“Triqatek, Mulej, għarrafni / il-mogħdijiet tiegħek għallimni. / Mexxini fis-sewwa tiegħek / u għallimni għax inti Alla tas-salvazzjoni tiegħi” (Sal 25, 4-5).

Sinjur arċisqof, ħuti fl-episkopat, awtoritajiet, għeżież ħuti tal-Venezuela.

1. Bil-kliem tas-salm li għadna kemm smajna, nirrendi b’mod profond ħajr lil Alla, lil Alla wieħed u tlieta, għaliex l-abitanti ta’ dawn l-artijiet taz-Zulia u tal-Venezuela kollha laqgħu l-kelma tal-fidi miġjuba kważi ħames sekli ilu mill-messaġġiera tal-Vanġelu, għaliex segwew it-toroq tal-Mulej, u għaliex jagħrfu fi Kristu l-Alla u Salvatur tagħhom.

Ir-ringrazzjament tagħna lill-Iktar Għoli jiġġedded bil-preżenza amorevoli fostkom ta’ Omm Kristu, il-Verġni Mqaddsa ta’ Chiquinquirá, patruna taz-Zulia, li intom abitanti ta’ din iż-żona ssejħu bi mħabba kbira “la Chinita”. Ix-xbiha meqjuma tagħha, bil-fattizzi tal-popolazzjoni indiġena, tippresiedi l-laqgħa tagħna. Hija tgħallimna dwar il-mogħdijiet tal-Mulej (cf. Sal 25, 4).

Imħarrġin minn Marija, dik dejjem ħelwa għal leħen il-Missier, il-Qaddejja tal-Mulej (cf. Lq 1, 38), se nisimgħu f’din il-liturġija l-kelma rivelata, li tgħinna nimxu b’lealtà l mit-toroq ta’ Alla tagħna (cf. Sal 25, 5).

F’dan l-ispirtu ta’ disponibiltà għas-smigħ tat-tagħlim mill-għoli, nsellem b’imħabba lir-ragħaj ta’ din is-sedja ta’Maracaibo, l-arċisqof metropolitan, lr-rgħajja u lill-fidili tad-dijoċesijiet viċini ta’ Cabimas, Machiques u Coro, u lil dawk li ġew mill-Colombia, mill-Honduras u mill-Antille; u bi mħabba partikolari nibgħat it-tgħanniqa tiegħi ta’ paċi, minħabba s-sitwazzjoni li għaddejjin minnha il-Knejjes ta’ El Salvador u ta’ Nicaragua, lir-rgħajja tagħhom hawn preżenti, insellem ukoll lilkom ilkoll hawn preżenti li ġejtu minn Zulia u minn partijiet oħra tal-Venezuela. Tislima li testendi għall-awtoritajiet kollha, għar-responsabbli u għall-membri tal-università ta’ Maracaibo, li fil-“campus” tagħhom ninsabu.

2. Illum, hawn fuq ix-xatt tal-għadira ta’ Maracaibo, magħqudin mas-suċċessur tas-sajjied tal-Galilea, ejjew nisimghu l-kelma ta’ Ġesù ta’ Nazzaret, l-Lmgħallem tal-għadira ta’ Tiberiade. Dan huwa l-kliem li bih inawgura il-missjoni messjanika tiegħu fil-Galilea: “Iż-żmien huwa mitmum, is-saltna ta’ Alla waslet: indmu u emmnu fl-Evanġelju” (Mk 1, 15).

Dan il-kliem sa ċertu punt jiġbor fih il-program sħiħ, “edukattiv” u “kateketiku” li l-Mulej Ġesù jiżvolġi tul il-ħajja pubblika tiegħu. Il-program li l-Knisja se tirċievi mingħandu bħala wirt, u li se jkollha tkompli sal-aħħar tas-sekli. Għal tali skop, Kristu jirrikorri għall-ministeru tal-appostli tiegħu u tas-suċċessuri tagħhom. Għażel għalhekk lit-tnax u ffurmhom b’attenzjoni fl-iskola tiegħu tul it-tliet snin. Fil-qari ta’ din il-quddiesa l-evanġelista San Mark ifakkar s-sejħa tal-ewwel tnejn, is-sajjieda Xmun u ħuh Indri, li jsejjaħ għall-apostolat: “Ejjew warajja u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin. U minnufih, telqu x-xbieki, u marru warajh” (Mk 1, 17-18). Minnufih wara hemm is-sejħa ta’ żewġ aħwa oħra, Ġakbu u Ġwanni: Sejħilhom. U huma, ħallew lil missierhom Żebedew fuq id-dgħajsa mal-lavranti, u marru warajh” (Mk 1, 19-20).

Ġesù ta’ Nażżaret ifittex sa mill-bidu l-bnedmin, li xi darba kellu jafdalhom il-Vanġelu tiegħu. Huma ftit ftit daħlu fil-misteru ta’ Kristu fehmu li ż-żmien kien wasal, li s-saltna ta’ Alla kienet fil-qrib, u ddedikaw ruħhom għall-opra l-kbira tal-evanġelizzazzjoni, l-opra tal-edukazzjoni u tal-katekeżi fil-fidi. Imħarrġin minn Ġesù saru mgħallmin għas-servizz ta Kristu l-imgħallem.

3. Din l-opra hija għaqda, sa mill-bidu u fl-istess bażi tagħha, għall-kovreżjoni tal-bniedem lejn Alla tiegħu. Il-preċett ta’ Kristu: “Ikkonvertu”, jesiġi min-naħa tas-suġġett bidla profonda tal-moħħ u tar-rieda biex jimbotta l-ħażin imwettaq u ritorn sinċier għal-liġi tal-Mulej.

Alla ried li l-bnedmin jieħdu sehem fis-saltna tiegħu; għalhekk impona esiġenzi determinanti. Xhieda elokwenti ta’ dan insibuha fl-ewwel qari tallum meħud mit-Trstment il-Qadim. Joffriha l-profeta Ġona. Alls jibagħtu Ninive, il-belt il-kbira mgħaddsa fid-dnub. Ġona jxandar b’leħen għoli, tul il-jum kollu, it-theddida tal-Mulej: “Erbgħin jum ieħor u Ninive ssir ħerba” (Ġn 3, 4). Din it-theddida ta’ Alla tintlaqa bħala sejħa għall-konverżjoni. U l-belt ma kinitx insensibli għal-leħen minn l-għoli: “Iċ-ċittadini ta’ Ninive emmnu f’Alla u nedew sawma, libsu x-xkejjer mill-kbir saż-żgħir” (Ġn 3, 5). Quddiem tali penitenza, il-frott tas-salvazzjoni ma ħallihomx jistennew: “U Alla reġà bdielu mid-deni li qal li kien se jagħmlilhom, u ma għamlux” (Ġn 3, 10).

4. Fidi u konverżjoni huma magħqudin intimament, kif naraw fit-test tal-profeta Ġona u kif jindikalna l-Vanġelu ta’ San Mark li għadna kemm smajna.

Permezz tal-qari tal-liturġija tallum, fil-kwadru tas-sagrifiċċju ewkaristiku, illum irridu nieqfu fuq it-tema hekk important tal-edukazzjoni u tal-katekeżi, li jikkorrispodu bi bżonn u funzjoni essenzjali tal-Knisja fil-Venezuela.

Effettivament, fil-kelma rivelata tinsab il-ħajja divina inkarnata fil-Verb tal-Missier, fi Kristu. Il-messaġġ tiegħu huwa l-oġġett tal-fidi tagħna, ir-raġuni tat-tama tagħna u l-iskop tal-imħabba tagħna.

L-essenza tal-missjoni tal-edukazzjoni reliġjuża u tal-katekeżi tinsab f’din il-kapaċità, u f’dan id-dmir, li nilqgħu fiċ-ċentru tiegħu il-messaġġ integrali ta’ Ġesù.

Il-fidi fil-Vanġelu u, permezz tal-Vanġelu, fi Kristu li xandru, iġġib magħha għarfien li jiżboq bil-bosta l-orizzont tax-xjenza, imma mingħajr ma joħloq qasma magħha. Minn dan jikseb l-influss tiegħu fil-kamp edukattiv, sal-punt li edukazzjoni magħluqa għall-Vanġelu ma tkunx integrali fil-programmi tagħha, kif ukoll ma tikkonċepix Vanġelu nieqes minn valur edukattiv.

Dan ir-rifless tal-Vanġelu fil-proċess edukattiv ma jirrigwardax biss l-istudent, imma jestendi wkoll għall-katekista, bħala għalliem, edukatur tal-fidi. Infatti Marku, li jiftaħ r-rakkont  evanġeliku tiegħu bil-preċett: “Emmnu l-Evanġelju”, jagħlaq il-ktieb tiegħu b’imperattiv ieħor simmetriku: “Morru fid-dinja kollha u ppridkaw il-Vanġelu lil kull krejatura” (Mk 16, 15).

Għalhekk irridu nirriflettu, hawn f’Maracaibo, fuq l-impenji prattiċi li jwasslu magħhom dawn iż-żewġ kmandamenti tal-Mulej. Dawn jindikawlna l-effetti kbar tal-evanġelizzazzjoni dwar il-futur tal-proċess edukattiv fil-Venezuela, sabiex l-irġiel u n-nisa ta’ dan il-Pajjiż jimxu tassew mill-mpgħdijiet tal-Mulej u jsegwuhom b’lejaltà (cf. Sal 25, 4-5).

5. Hemm ukoll rabta profonda bejn edukazzjoni u Vanġelu. Dawn isejħu u jintegraw ma’ xulxin b’mod reċiproku. Is-Salmista dan jurih fis-salm responsorjali meta jitlob: “Għallimni”, “edukani”, “għarrafni triqatek”, il-“mogħdijiet tiegħek” (Sal 25, 4-5). Din hija talba li titlob l-“evanġwlizzazzjoni edukattiva” jew inkella l-“edukazzjoni evanġelika”.

Din hija realtà ta’ interess suprem, li fil-Venezuela, fil-kuntest latinamerikan, jippossiedi isem u program: l-edukazzjoni evanġelizzatriċi (cf. Puebla, 1024), f’relazzjoni intima mal-katekeżi edukatriċi tal-ħajja, tal-aspetti kollha tal-ħajja. Għalhekk, fl-eżortazzjoni apostolika Evangelii nuntiandi, Pawlu VI ġibed b’mod ġust l-attenzjoni li “bejn evanġelizzazzjoni u promozzjoni umana – żvilupp u liberazzjoni – jeżisti rbit profond” (Pawlu VI, Evangelii nuntiandi, 31). Għaliex il-Vanġelu minkejja t-traxxendenza tiegħu, ifittex il-perfezzjoni tad-dimensjonijiet kollha tal-bniedem, mingħajr ma jittraskura s-sitwazzjoni konkreta tiegħu fid-dinja u fl-istorja.

 L-edukazzjoni evanġelizzatriċi li, applikata b’mod konkret għaż-żgħażagħ, kienet waħda mill-għażliet kbar ta’ Puebla, hija msejħa biex iġġedded, fl-ambjent skolastiku, it-tagħlim tal-verità rivelata, u, fil-qasam tal-katekeżi, l-esperjenza ta’ ħajja divina, speċjalment sagramentali, fil-parroċċa. U mhemmx għalfejn ngħidu li l-edukazzjoni evangelizzatriċi għandha tibda fil-familja, li hija l-iskola ta’ bażi u knisja domestika  .

Din l-edukazzjoni evanġelizzatriċi ssib l-ambjent tagħha ideali fl-iskola kattolika, fejn l-għalliem jistà jgħix f’fedeltà perfetta d-dmir professjonali tiegħu u l-vokazzjoni apostolika. Hawn għandhom dmir important r-reliġjużi kkonsagrati għall-missjoni edukattiva,  missjoni li ma tilfitx l-attwalità tagħha, kif ukoll isibu spazju providenzjali l-lajċi għax-xhieda speċifika tagħhom ta’ ħajja evanġelika u ta’ ħarrieġa fil-fidi.

Imma l-edukazzjoni evanġelizzatriċi m’għandhiex tkun limitata għall-ambjent tal-iskola konfessjonali. Għandha tkun preżenti fl-iskejjel kollha bla distinzjoni. Għalhekk l-eżortazzjoni apostolika  Catechesi tradendae tesprimi t-tama li, taħt d-drittijiet inaljenabli tal-persuna umana u tal-familji, il-poteri pubbliċi jħallu spazju suffiċjenti, sabiex “l-istudenti kattoliċi jistgħu javanzaw fil-formazzjoni tagħhom spiritwali  bl-għajnuna tat-tagħlim reliġjuż li jiddependi mill-Knisja” (Ġwanni Pawlu II, Catechesi tradendae, 69).

Lanqa mhemm bżonn ngħidu li l-edukazzjoni evanġelizzatriċi għandha tkun imwassla lid-dinja tal-komunikazzjoni soċjali, li hija skola parallela mmensa, tant iffrekwentata miż-żgħażagħ. U mhux dejjem b’garaziji edukattivi biżżejjed fil-qasam uman u reliġjuż.

L-isforz ta’ formazzjoni fil-fidi jimponi miżuri konkreti għaliex mhix irrapreżentata minn deċiżjoni li tistà tkun providenzjali: tevanġelizza l-kultura.  Twassal il-Vanġelu lill-forom kollha tal-edukazzjoni ġovanili tfisser iżżid b’mod nisrani ċ-ċelluli ġerminali kollha tad-dinja u tal-Knisja tal-futur. Tfisser ukoll, fil-livelli kollha, tiftaħ possibiltajiet kbar ta’ penetrazzjoni tal-verità, u tqiegħed il-qawwiet diriġenti tas-soċjetà għas-servizz tal-Vanġelu u tal-kawża tal-bniedem.

Nistà nħabbar dan f’“kampus” universitarju, għaliex fl-università hemm bżonn li jsir spazju għall-penetrazzjoni tal-Vanġelu. Il-Mulej qal: “Morru ppridkaw lill-ġnus kollha”. U dan għandu japplika wkoll għall-università, Din hija ferm important. Jiena nixtieq relazzjoni tajba max-xjenzi kollha – “Universitas scientiarum et nationum” – imma hemm bżonn nagħmluha fid-dawl tal-fidi.

Għlhekk hemm bżonn napprofittaw mill-possibiltajiet kollha li huma offruti lill-Knisja fil-kamp tal-edukazzjoni u tal-katekeżi, li għandhom tant irbit komuni. Infatti, il-katekeżi nfisha hija edukazzjoni “lejn il-fidi”, biex imbagħad teduka lill-bniedem “fil-fidi” u twasslu għall-kejl tal-milja fi Kristu, biex tmexxi lil dan il-bniedem “permezz tal-fidi” għall-ħajja nisranija, għall-ħajja “skont il-fidi”, għall-ħajja denja tal-bniedem, li fiha jimxi b’lejalta mill-mogħdijiet tal-Mulej (cf. Sal 25, 5).

6. Il-kwalità evanġelika tal-edukazzjoni għandha tkun garantita billi nħarsu lejn l-eżempju suprem, dak tal-Iben ta’ Alla, li fi ħdan il-familja ta’ Nazzaret kiber fl-età, fil-għerf u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.

Minn naħa oħra, għeżież ħuti, aħna nafu li l-frott tal-edukazzjoni evanġelizzatriċi jiddependi b’kejl kbir mill-kwalità tal-edukaturi. Għalhekk huwa mpost fuqna li nżidu l-isforz vokazjonali u nieħdu ħsieb bi preferenza l-formazzjoni adegwata tal-edukaturi sabiex jirċievu l-fidi bi ħlewwa umli u jittrażmettuha fedelment, bħala d-don kbir tat-tjieba ta’ Alla li titlob bla taqtà il-mixja retta: “Ftakar fija fil-ħniena tiegħek, għat-tjubija tiegħek, Mulej. Tajjeb u sewwa l-Mulej, Għalhekk juri triqtu lill-ħatja” (Sal 25, 6-8). Dan jitlob komverżjoni kostanti. Għaliex l-edukazzjoni titlob il-bidla tal-bniedem il-qadim u li jħaddem it-talenti li l-bniedem jirċievi min=natura tal-grazzja. Dan ifakkarhulna s-salmista fit-test ta’ din il-quddiesa: “Mulej, il-ħlewwa tiegħek u l-ħniena tiegħek huma eterni”, Il-Mulej jgħallem it-triq lill-midimbin; imexxi lill-umli skont il-ġustizzja” (Sal 25, 6.8.9; cf. S. Giovanni Crisostomo, In Matth. hom., 14, 2).

7. Il-liturġija tallum, ħuti Marabini u Venużwelani, tqiegħed b’mod opportun fuq xuftejna t-talba ts-salmista. U wkoll it-talba tagħna li titlob mingħand Alla, fl-ewwel post, il-verità. “Mulej, mexxini fis-sewwa tiegħek, u għallimni għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi” (Sal 25, 5). Il-liturġija titlob ukoll lil Alla li jgħin lill-bniedem, lilna, biex negħlbu d-dnub permezz tal-grazzja: “Ftakar, Mulej, fl-imħabba tal-fedeltà tiegħek li hi minn dejjem. La tiftakarx fil-ħtijiet u d-dnubiet ta’ żgħożiti; ftakar fija skont it-tjieba tiegħek” (Sal 25, 6-7).

Alla mela jrid jedukana bit-tjieba, bl-imħabba. Dan l-aspett tal-edukazzjoni jirrivela ruħu bħala program għall-katekeżi. Dan il-program għandu jkun radikat sewwa fil-missjoni tal-Knisja f’din l-art Venużwelana, sabiex tkun tistà tagħti l-frott tagħha. Din hija  intrapriża tal-Knisja kollha. Huwa indispensabbli għal dan li norbtu fuq il-komtribut ta’ kulħadd, kull-wieħed u waħda skont il-possibiltà u r-responsabiltà ekkleżjali propji.

8. “Tajjeb u sewwa l-Mulej, għalhekk juri triqtu lill-ħatja. Imexxi l-imsejkna fis-sewwa, jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu” (Sal 25, 8-9). Ġesù Kristu. L-Iben ta’ All u Mulej tas-salvazzjoni tagħna, ilu ħames sekli jgħallem “it-triq” lill-abitanti ta’ din l-art. Dan għamlu permezz tal-missjunarji, is-saċerdoti, ir-reliġjużi irġiel u nisa ta’ tant ordnijiet u kongregazzjonijiet; dan għamlu permezz tal-familja, li fid-dawl tal-Vanġelu saret b’mod progressiv nisranija. F’dan ix-xogħol, l-edukazzjoni u l-katekeżi mxew flimkien.

Illum fuq l-għatba tal-ħames ċentinarju tal-evanġelizzazzjoni l-Knisja tal-Venezuela, trid timpenja ruħha f’din l-opra salvatriċi, bħala xogħol fundamentali tal-missjoni tagħha. Dan trid tagħmlu fid-29 dijoċesi  u l-vikarjati tagħha, fost il-16-il miljun Venezwelan, fir-reġjonijiet il-kbar taċ-ċentru, tal-Lvant u tal-Punent, mal-20 Stat tagħha – billi tibda minn dawn ta’ Zulia – fiż-żewġ territorji federali, fid-Distrett federali u fid-Dipendenzi federali mat-72 gżira tagħhom tal-Karajbi. Trid tagħmlu fuq ix-xtut, fuq l-Andi, f’din id-dipressjoni tal-għadira ta’ Marakajbo, fil-Pjanuri (Llanos); fil-Gran Sabana, fil-foresta; fost id-dixxendenti tal-aboriġni arwakos jew karibes u l-bqija tal-popolazzjoni, fost dawn il-ħaddiema tal-agrikoltura, tal-artiġjanat, fis-servizzi tal-industrija jew fl-isfruttament petroliferu. Trid tagħmlu fi ħdan is-soċjetà moderna, li tisperimenta trasformazzjonijiet umani u professjonali kbar.  Dawn wasslu mill-attivitajiet antiki tal-agrikoltura, tal-kaċċa u tas-sajd għall-attivitajiet attwali tal-industrija petrolifera li weħedhom jikkontribwixxu għal 90 fil-mija tal-bilanċ nazzjonali. Dan kollu jippreżenta mhux ftit sfidi, li l-Knisja trid tiġbor mar-reviżjoni u t-tiġdid tal-Metodi edukattivi u kateketiċi tagħha.

Il-Knisja tal-Vebezuela għandha ċ-ċertezza li l-Mulej “huwa tajjeb u rett”, għalhekk ‘jgħallem it-triq” lill-midimbin. Din hija t-triq tal-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu. Għalhekk il-Knisja kollha – isqfijiet, saċerdoti, familji reliġjużi, lajċi – tixtieq tikkonverti f’komunità waħda kbira li tikkatekizza u fl-istess ħin hija katekizzata   (cf. Giovanni Paolo II, Catechesi tradendae, 45), li teduka u hija edukata.

Missjoni kbira dik li teduka l-bniedem! Iġġibu jara t-toroq li minnhom jistà jwettaq lilu nnifsu fil-verità u fl-imħabba, li huma t-toroq ta’ Kristu.

Mhux ta’ b’xejn li il-Kriżostmu kien jgħid: “Mhemmx arti superjuri għal din. Infatti, x’tistà tqabbel mal-opra ta’ dak li jifforma r-ruħ u  jiffigura l-intelliġenza u l-ispirtu ta’ żagħżugħ? Dak li jipprofessa din ix-xjenza jrid  jipproċedi b’iktar skrupolożità ta’ kwalunkwè pittur jew kittieb fl-opra tiegħu” (S. Giovanni Crisostomo, In Matth. hom., 59, 7).

Flimkien magħkom, għeżież ħuti, irrid inqiegħed din il-missjoni kbira, li minnha jiddependi l-futur etern ta’ kull wieħed u waħda u ta’ kulħadd, f’idejn Marija, l-Omm u Sinjura Chiquinquirá.

“Iż-żmien huwa mitmum u s-saltna ta’ Alla waslet: ikkonvertu u emmnu fil-Vanġelu”. Emmnu. U wettqu l-fidi tagħkom fil-ħajja ta’ kuljum. Amen.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading