Ġwanni Pawlu II f’Merida, Venezuela

VJAĠĠ APPOSTOLIKU FIL-VENEZUELA,
ECUADOR, PERÙ, TRINIDAD-TOBAGO
QUDDIESA GĦALL-EVANĠELIZZAZZJONI TAL-POPLI F’MERIDA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
It-Tnejn, 28 ta’ Jannar 1985

“Ikun  imbierek Alla, Misier Sidna Ġesù Kristu”.

1. Maħbubin ħuti, niżżi ħajr lill-Providenza divina li tippermettili li nżur dawn l-artijiet maħbubin tal-Andi Venezwalani, Din il-laqgħa qiegħda ssir fil-kwadru tal-belt storika ta’ Merida, dik tal-“ħames ajkli bojod” li minn żewġ sekli ilha l-kapitali spiritwali tar-reġġjun Andin.  Jiena grat li nista nqim it-tradizzjonijiet nobbli nsara ta’ din l-art: u nirrikonoxxi l-merti kbar li l-kleru u l-ulied ta’ din l-arċidijoċesi akkwistaw fit-tixrid tal-fidi. Infatti jiena ntiż li din il-Knisja hija fonti ta’ vokazzjonijiet numerużi saċerdotali u reliġjużi li llum jaħdmu f’ħafna partijiet oħra tal-Venezwela. Wieħed jistà jgħid b’ċertu mod li dawn il-komunitajiet Andini jikkostitwixxu r-“riserva spiritwali” tan-nazzjon. Waslu biex jagħlqu mitejn sena mill-wasla tal-ewwel isqof, fra Juan Ramos de Lora, fundatur tas-seminarju li minnu tnisslet l-università tal-Andi.

Glorja brillanti ta’ din il-Knisja kien ukoll l-Isqof Rafael Lasso de la Vega li wettaq ir-restawr tal-ġerarkija ekkleżjastika wara l-ġrieħi dolorużi tal-gwerra tal-indipendenza. Kien hu li għamel l-ewwel passi għar-restawr tar-relazzjonijiet bejn ir-republiki l-ġodda u s-Santa Sede.

Insellem b’imħabba fraterna lis-sinjur arċisqof ta’ din id-dijoċesi, lill-isqof awżiljarju, kif ukoll lill-isqfijiet l-oħra kollha preżenti; insellem l-ill-awtoritajiet, lill-kleru, lir-reliġjużi rġiel u nisa, lis-seminaristi, lil-lajċi mpenjati. Nindirizza t-tislima tiegħi ukoll liż-żgħażagħ li ltaqgħu hawn, lill-bdiewa, lill-edukaturi tar-reġġjun Andin, kif ukoll lill-awtoritajiet u lill-professuri tal-università tal-Andi, fil-biċentinarju tal-fondazzjoni tagħha.

2. Bħala l-Isqof ta’ Ruma u suċċessur ta’San Pietru nħoss ferħ  profondissmu li Nista nesprimi f’dan il-waqt, quddiemkom. Il-fidi tal-Appostlu, billi nirreferi għall-ittra li huwa kiteb lill-ewwel komunità tax-xhieda ta’ Kristu u li ftit ilu, f’parti sinifikattiva tagħha, inqrat fl-assembleja liturġika tagħna. Infatti kien Pietru dak li, f’waqt deċisiv, għaraf jgħid lil Kristu: “Mulej, għand min  inmorru?  Int għandek il-kelma tal-ħajja eterna; aħna emminna u għarafna li int il-qaddis ta’ Alla” Ġw 6, 68-69).

Ħa tkun l-istess fidi ta’ Pietru li tkellem lill-komunità hawn imlaqqa biex tagħti, wara għoxrin seklu, ix-xhieda li pperseverat fi Kristu, il-qaddis ta’ Alla.

“Ikun imbierek Alla, Missier Sidna Ġesù Kristu” (1 Pt 1, 3). B’dan il-kliem tal-Appostlu Pietru insellem lilkom ilkoll hawn miġbura b’Fidi tal-Knisja.

3. Il-Knisja fl-Amerika Latina, il-Knisja tal-Venezwela, terġa lura bil-ħsieb, fil-korsa ta’ dawn id-disà snin ta’ tħejjija, għall-bidunett tal-fidi fil-kontinent kollu.

Dan il-bidu – nofs millennju ilu – għandu għeruqu fil-ġrajja mfakkra mill-Vanġelu tallum. Il-ħdax-l Appostlu (wara t-tradiment ta’ Ġuda Iskarjota kienu ħdax) marru “fil-Galilea, fuq il-muntanja” għal-laqgħa ma’ Kristu rxuxtat. Din kienet l-aħħar laqgħa qabel ma Ġesù telà minn din l-art għal għand il-Missier. Kien mela propju hemm li Ġesù għaddilhom il-milja tal-verità dwar Alla li huwa Missier, Iben u Spirtu Santu, u ddefinixxa l-missjoni tal-Knisja li huma, l-appostli, kellhom jiżviluppaw, bħala għalqa tad-dwieli tal-Mulej, fuq l-art kollha.

Ġesù tkellem b’dan il-kliem:  “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28, 18-20).

4. Il-fidi li tul is-sekli u l-ġenerazzjonijiet, infirxet fost il-bnedmin ta’ lingwi, nazzjonijiet u razez differenti, għandha l-bidu tagħha fit-tagħlim apostoliku. “Issa, kif nistgħu nsejħulu mingħajr ma l-ewwel emminna fih?” jistaqsi San Pawl (Rm 10, 14).

Ukoll il-fidi tagħkom, insara tal-Venezuela, tiltaqà mal-ewwel bidu tagħha. Ma’ l-istess missjoni li l-appostli rċivew mingħand Kristu fil-“Galilea, fuq il-muntanja”, waslu sa għandkom ħames sekli ilu, bħala suċċessuri tagħhom, billi xandrulkom il-Bxara t-Tajba. Kien mingħandhom li antenati tagħkom semgħu il-kelma ta’ Alla l-ħaj, hawn, f’din l-art. Mill-kelma u mill-grazzja tal-Ispirtu Santu twildet fi qlubhom il-fidi. Twildet u kibret. Hekk kien minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni. U hekk hu wkoll fil-jiem tagħna.

5. ls-salm tal-liturġija tallum jirrivela quddiem għajnejna xenarju meraviljuż. “Is-smewwiet ixandru l-glorja ta’Alla, għemil idejh iħabbar il-firxa tas-sema” (Sal 19, 2).

Dan hu bħal “innu kożmiku” manifiku u ma jaqta qatt li, quddiem għajnejn il-bniedem u għall-moħħ uman, jirrivela l-verità dwar il-Ħallieq inviżibli.“Jum lil ieħor jagħti l-aħbar, lejl lil ieħor iwassal it-tagħrif” (Sal 19, 3).

Dan l-“Innu Kożmiku” dwar Alla, ix-xhieda tal-ħolqien, kienet bla dubju mifhuma mill-antenati tagħkom f’din l-art,  ukoll qabel ma ġew ix-xhieda tal-Vanġelu ta’ Kristu. Ukoll wara l-wasla tagħhom, din ix-xhieda tal-ħolqien ma tieqfax tkellem lill-bniedem, billi ssib fil-Vanġelu ratifikazzjoni tagħha u fl-istess ħin manifestazjzoni ġdida. Infatti, is- salm jgħid: “Ma hemmx aħbar u anqas kliem, ma hemmx leħen li ma jinstemax. / Mal-art kollha jasal leħenhom / mad-dinja kollha jixtered kliemhom” (Sal 19, 4-5).

6. Fil-kuntest ta’ dan l-innu kożmiku tal-ħolqien lejn il-Ħallieq inviżibli, is-salmista jattribwixxi rwol partikolari lix-xemx: “Lix-xemx għamlilha għarix fihom; u hi, bħal għarus ħiereġ minn kamartu, ferħana bħal ġgant għall-ġirja tagħha, minn truf is-smewwiet hi toħroġ sat-truf l-oħra d-dawran tagħha; xejn ma jinħeba mis-sħana tagħha” (Sal 19, 6-7).

Fuq l-isfond tax-xhieda tal-ħolqien tidher ix-xemx tal-ġustizzja, l-għarus tal-Knisja u ta’ kull ruħ immortali, ir-Redentur tad-dinja u tal-bniedem f’din id-dinja:  Ġesù Kristu. Ħadd ma jwarrab mis-sħana ta’ mħabbtu.

L-appostli rċivew mingħand l-Imgħallem tagħhom il-missjoni li jittrażmettu l-fidi bil-kelma u bis-sagramenti, kienu l-ewwel li sperimenraw is-sħana ta’ din l-imħabba fl-intimità ma’ Ġesù ta’ Nazzaret, imma b’mod speċjali mis-salib u mill-qawmien mill-imwiet tiegħu. Għalhekk San Pietru jikteb fl-ewwel ittra tiegħu li Alla “fil-ħniena kbira tiegħu reġa wellidna għal tama ħajja bil-qawmien ta’ Ġesù Kristu mill-imwiet, għal wirt li la jitħassar, la jittabba u linqas jinxef. Dan il-wirt huwa merfugħ għalikom fis-smewwiet” (1 Pt 1, 3-4).

7. Għalhekk, xinhi l-fidi?  Il-fidi hija l-bidu tal-ħajja l-ġdida f’Alla. Ladarba grazzi lilha ninsabu f’Ġesù Kristu werrieta tas-sema: koeredi tal-ħajja divina. U għal dan – ikompli San Pietru – “mill-qawwa ta’ Alla  intom imħarsa  permezz tal-fidi tagħkom li twassal għas-salvazzjoni li lesta biex tidher fl-aħħar taż-żminijiet” (1 Pt 1, 5). B’dan il-mod il fidi tagħti wkoll sinifikat ġdid u definittiv lil ħajjitna fuq din l-art. Hija tagħtina dimensjoni ġdida u soprannaturali.

Dan is-sinifikat ġdid, din id-dimensjoni soprannaturali tal-fidi twassalna biex  naraw il-ħajja terrena bħala prova, li permezz tagħha l-bniedem jidħol fil-prospettiva tal-ħajja eterna: bħad-deheb li “jgħaddi mill-prova tan-nar.” (1 Pt 1, 7).

Minħabba dan il-fidi tippermettilna niffaċċjaw, saħansitra b’serenità il-provi differenti tal-ħajja, b’mod partikolari it-tbatijiet. “Għalhekk għandkom biex tifirħu – jikteb l-appostlu – imqar jekk issa għal ftit żmien ieħor jeħtiġilkom  titnikktu taħt ħafna provi: hekk il-fidi tagħkom – ippruvata sewwa iktar mid-deheb, li, għalkemm iddestinat biex jintemm, bdanakollu jiġi ppruvat bin-nar – tirritorna għat-tifħir tagħkom  . . .” (1 Pt 1, 6-7).

8. San Pietru kien kiteb dan il-kliem lill-ewwel insara, li l-fidi tagħhom  kienet  ġarrbet il-prova tal-persekuzzjoni, spiss imdemma. Minn liema provi tgħaddi l-fidi tal-insara kontempoanji? Liema huma l-provi li f’nofshom din trid timmatura u tikber hawn, fil-Venezuela” Kif trid tkun din il-fidi sabiex il-wirt apostoliku jwieġeb verament għall-wirt tas-sekli?

Jiena kuntent li naf li fl-aħħar xhur wettaqtu Missjoni nazzjonali bil-għan li ġġeddu u ssaħħu l-fidi tagħkom; din il-fidi “li hi iktar prezzjuża mid-deheb” u li hija wirt kbir ta’ ħames sekli ta’ evanġelizzazzjoni. Din il-fidi, li ġarrbet u ġġarrab l-attakki tal-lajċiżmu u tas=sekolariżmu, trid tkun imġedda. Iġġedded il-fidi jfisser tapprofondixxi l-għarfien tad-duttrina kattolika; tagħmel esperjenza vitali tal-imħabba lil Alla u lill-aħwa; jiġifieri xxandar lill-oħrajn il-Vanġelu. Din il-fidi mġedda biss tkun kapaċi tmexxi lejn il-fedeltà: fedeltà lejn Ġesù Kristu, lejn il-Knisja, lejn il-bniedem.

L-ewwelnett, fedeltà lejn Ġesù Kristu. Din hija korrispondenza ġusta lil min huwa “x-xhud fidil” (Ap 1, 5). Fedeltà li trid tkun il-frott tal-imħabba. Għal tali skop qal l-appostlu San Pietru fl-ewwel ittra tiegħu: “Lil Ġesù Kristu tħobbuh alavolja ma rajtuhx; u issa bla ma tarawh temmnu fih” (1 Pt 1, 8). Din il-fedeltà lejn Ġesù Kristu hija inseparabli mill-fedeltà lejn il-Vanġelu bl-esiġenzi kollha tiegħu.

Fedeltà wkoll lejn il-Knisja. Tkun fidil lejha jfisser tħobbha bħala ommna, kif hi. Hi tagħtina lil Kristu, tagħtina l-grazzja u l-kelma tiegħu, issostnina fil-mixja tagħna, tibqà ħdejna fil-ferħ u fid-dwejjaq, tgħallimna fiċ-ċentri tagħha ta’ edukazzjoni, tgħolli leħinha kontra l-inġustizzja u tiftħilna l-prospettivi ta’ feliċità eterna.

Inkunu fidili lejn il-Knisja hija wkoll ngħixu f’komunjoni ntima mar-rgħajja maħtura mill-Ispirtu Santu biex jiggwidaw il-poplu ta’ Alla; u li naċċettaw bi ħlewwa l-maġisteru tiegħu; u li nxerrdu t-tagħlim tiegħu. Inkunu fidili lejn il-Knisja jfisser li ma nħallux lilna nfusna nkunu mkaxkra minn duttrini jew idejoloġiji kuntrarji għad-domma kattolika, bħalma jridu diversi gruppi ta’ ispirazzjoni materjalista jew ta’ kontenut reliġjuż dubjuż.

L-istess fidi mġedda trid tiġbed magħha l-fedeltà lejn il-bniedem. Il-fidi tgħallimna li l-bniedem huwa xbiha u xebħ ta’ Alla, li jfisser li l-bniedem huwa mżejjen b’dinjità. Dan il-bniedem, bin Alla. irridu nilqgħuh, inħobbuh u ngħinuh. Il-fedeltà lejn il-bniedem titlob minna li naċċettaw u li nirrispettaw  it-tradizzjonijiet u l-kultura tiegu, ngħinuh biex jippromwovi lilu nnifsu, biex jiddefendi d-drittijiet tiegħu u biex infakkruh dmirijietu.

Din il-fedeltà tripla lejn Ġesù Kristu, lejn il-Knisja u lejn il-bniedem trid tkun sfida tassew quddiem il-futur, biex tkabbar fil-fond il-fidi tal-poplu Venezwelan. Din l-opra ta’ tkabbir fil-fidi titlob l-impenn profond tar-rgħajja, tal-operaturi tal-pastorali, tal-lajkat impenjat, taż-żgħażagħ, tal-irġiel u tan-nisa nsara, tad-dinja tal-kultura. Hekk biss  ikunu miksuba raġel u mara Venezwelani mġedda nternament, wara  li jkunu laħqu maturità ta’ milja fi Kristu. Għalhekk mela għad jonqoskom program għall- post-missjoni li tibda issa.

Jekk Alla jrid dan it-tkabbir fil-fidi jittraduċi ruħu f’komunitajiet insara iktar kuxjenti u apostoliċi, f’katekeżi solida, speċjalment tal-familja – billi tinsisti fi tħejjija għaż-żwieġ iktar tajba –, f’vitalità ġdida tal-lajkat, f’qawmien ġdid ta’ vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi abbundanti.

9. It-tmin jum wara l-qawmien mill-imwiet Sidna Ġesù ippreżenta ruħu mill-ġdid lill-appostli, miġbura fiċ-Ċenaklu. Allura Tumas, li qabel ma riedx jemmen lill-appostli li xehdu dwar il-Mulej irxuxtat, fl-aħħar emmen: u mixħut f’riġlejn Kristu stqarr: Mulej tiegħi u Alla tiegħi”. Kien f’dak il-waqt li huwa semà l-kliem sinifikattiv tal-Irxoxt: “Għaliex rajtni emmint, imberkin dawk li jemmnu mingħajr ma jaraw” (Ġw 20, 28-29).

L-appostlu Pietru jirrepeti din il-beatitudni fl-ewwel ittra tiegħu. Din tirreferi għall-ġenerazzjonijiet kollha tal-konfessuri ta’ Kristu, li permezz tal-kelma tal-Bxara t-Tajba emmnu fih: f’din il-fidi kibru, fiha għaddew ħajjithom terrena, bit-tama li jipparteċipaw fl-eternità ta’ Alla nnifsu.

Ukoll intom ilkoll, maħbubin ħuti, tappartienu lil din il-ġenerazzjoni. Il-fidi tagħkom “hija ppruvata bin-nar” tal-esperjenzi kontemporanji, biex tasal biex “tkun tifħir, glorja u unur meta juri ruħu Ġesù Kristu” Għal dan nixtieq nirrepeti quddiemkom ilkoll il-kliem tal-ittra ta’ Pietru lill-ewwel insara: “Intom tħobbuh minkejja li ma rajtuhx: u issa mingħajr ma rajtuh temnu fih, Għalhekk ifirħu b’ferħ glorjuż li ma  jistax jitfisser, waqt li tiksbu l-għan tal-fidi tagħkom li hu s-salvazzjoni tagħkom” (1 Pt 1, 8-9).

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading