Tagħlim Soċjali tal-Knisja (3) dwar id-Dinjità tal-Persuna Umana

Dan huwa t-tielet minn sensiela ta’ kitbiet oħra dwar it-Tagħlim Soċjali tal-Knisja Kattolika.

Wieħed mill-aktar prinċipji importanti fit-Tagħlim Soċjali Kattoliku huwa d-dinjità tal-persuna umana. Il-Knisja temmen li kull bniedem għandu valur uniku u sagru, mhux minħabba l-ġid li jkollu, lanqas minħabba l-kapaċitajiet tiegħu jew l-istat li jokkupa fis-soċjeta, iżda sempliċement għaliex huwa bniedem maħluq minn Alla u fuq ix-xbieha ta’ Alla.

Dan il-prinċipju jinsab fiċ-ċentru tat-Tagħlim Soċjali kollu tal-Knisja. Fil-fatt, il-prinċipji l-oħra kollha bħall-ġustizzja soċjali, il-ġid komuni u s-solidarjetà, jibdew mir-rispett lejn il-persuna umana. F’dinja fejn ħafna nies għadhom jesperjenzaw diskriminazzjoni, faqar, sfruttament u vjolenza, it-tagħlim dwar id-dinjità umana jibqa’ relevanti ħafna.

Xi tfisser id-Dinjità tal-Persuna Umana?

Dinjità tfisser il-valur intrinsiku u permanenti ta’ kull bniedem. Dan la jista’ jinkiseb, la jista’ jitneħħa, u lanqas ma jiddependi minn dak li persuna tipproduċi jew tippossjedi.

Il-Knisja tgħallem li …

  • kull bniedem huwa ugwali fid-dinjità,
  • kull persuna jistħoqqilha rispett,
  • u ħadd m’għandu jiġi trattat bħala oġġett jew mezz għall-profitt.

Dan japplika għal kull settur tas-soċjetà, kemm …

  • għat-tfal,
  • għall-anzjani,
  • għall-persuni b’diżabilità,
  • għall-immigranti,
  • għall-priġunieri,
  • għall-foqra,
  • u għal kull persuna oħra mingħajr ebda eċċezzjoni.

Il-bażi Bibblika tad-Dinjità Umana ġej sa mill-Ħolqien tal-Bniedem stess

Fil-Ktieb tal-Ġenesi naqraw li Alla ħalaq il-bniedem fuq ix-xbieha tiegħu. (Ġen 1:26) Dan ifisser li kull persuna tirrifletti l-kobor u l-valur ta’ Alla nnifsu. Il-bniedem għalhekk għandu l-intelliġenza, huwa liberu, għandu kuxjenza morali, u kif ukoll il-kapaċità li jħobb u l-bżonn li jkun maħbub.

Fl-Evanġelju ukoll naraw lil Ġesù jagħti importanza kbira lil kull persuna, speċjalment lil dawk li kienu emarġinati mis-soċjetà. Huwa kien jiltaqa’ mal-morda u jfejjaqhom. Kien jitkellem mal-midinbin u jaħfrilhom. Kien jilqa’ lill-barranin, u kien ukoll jħaddan u jiddefendi lil dawk li kienu jkunu mwarrba.

Naqraw fl-Evanġelju il-ġrajja …

  • tal-Mara Adultera (Ġwanni 8:1-11)
  • ta’ Żakkew (Luqa 19:1-10)
  • tal-Lebbrużi (Luqa 17:11-19)
  • u tas-Samaritani (Ġwanni 4:1-41)

Permezz ta’ dawn l-azzjonijiet u ta’ bosta oħrajn, Ġesù wera li kull persuna għandha valur kbir quddiem Alla.

Mid-dinjità għad-drittijiet …

Minħabba d-dinjità tiegħu, il-bniedem għandu drittijiet fundamentali li jinkludu …

  • id-dritt għall-ħajja,
  • id-dritt għall-ikel u l-akkomodazzjoni,
  • id-dritt għall-edukazzjoni,
  • id-dritt għax-xogħol,
  • id-dritt għal-libertà, inkluża wkoll dik reliġjuża,
  • u d-dritt għall-parteċipazzjoni fis-soċjetà.

Madankollu, id-drittijiet huma marbuta wkoll ma’ responsabbiltajiet. Dan għaliex il-bniedem għandu jirrispetta lill-oħrajn, għandu jgħin lil dawk fil-bżonn, u jagħti sehmu għall-ġid komuni.

Għalkemm illum hemm aktar għarfien dwar id-drittijiet tal-bniedem, ħafna persuni għadhom ibatu minn sitwazzjonijiet li jheddu d-dinjità tagħhom. Fost dawn hemm il-faqar, l-isfruttament fix-xogħol, id-diskriminazzjoni, it-traffikar tal-bnedmin u l-kultura dominanti tal-konsum

Il-Faqar: Il-faqar, speċjalment dak estrem inaqqas il-kwalità tal-ħajja tal-bniedem u ħafna drabi jwassal għal esklużjoni soċjali. Illum, miljuni ta’ nies jgħixu mingħajr ikel biżżejjed, mingħajr ilma nadif, bla ebda kura medika, u bla ċans ta’ edukazzjoni xierqa. Kemm persuni llum jippruvaw jgħixu huma u jgħajjxu l-familja minn dak li jarmu l-oħrajn f’xi miżbla?

L-Isfruttament tax-Xogħol: Il-Knisja tinsisti li x-xogħol għandu dejjem jirrispetta d-dinjità tal-ħaddiem. Diversi ħaddiema llum għadhom jitħallsu pagi miżeri, jaħdmu f’kundizzjonijiet perikolużi, jew jiġu sfruttati mhux biss ekonomikament.

Id-Diskriminazzjoni: It-Tagħlim Soċjali Kattoliku jopponi kull forma ta’ diskriminazzjoni għaliex kull persuna hija ugwali fid-dinjità tagħha. Persuni spiss huma diskriminati minħabba r-razza, is-sess, ir-reliġjon, il-kultura, jew il-kundizzjoni soċjali tagħhom.

It-Traffikar tal-Bnedmin: Wieħed mill-akbar skandli ta’ żmienna huwa bla dubju ta’ xejn it-traffikar tal-bnedmin. Dan huwa forma moderna ta’ skjavitù li jinvolvi r-reklutaġġ, it-trasport, jew l-għoti ta’ kenn lil nies permezz tal-forza, frodi, jew koerċizzjoni biex jiġu sfruttati għall-profitt. Dan l-isfruttament jista’ jimmanifesta ruħu b’diversi modi, l-aktar komuni bħala xogħol furzat u atti sesswali kummerċjali. Il-Papa Franġisku spiss rrefera għal dan bħala “reat kontra l-umanità”.

Il-Kultura tal-Konsum twassal biex is-soċjetà moderna tkejjel il-valur tal-persuna skont kemm ikollha ġid, skont kemm kapaċi tipproduċi, jew ukoll skont id-dehra fiżika tagħha. Dan jwassal biex il-foqra, l-anzjani, u l-morda jibdew jitqiesu bħala piż aktar milli persuni b’dinjità sħiħa.

Id-Dinjità u l-Ħarsien tal-Ħajja

Il-Knisja tgħallem li l-ħajja umana hija sagra mill-konċepiment sal-mewt naturali. Għalhekk hija tiddefendi …

  • il-ħajja tat-tarbija fil-ġuf,
  • lill-morda,
  • lill-anzjani,
  • u lill-persuni vulnerabbli oħra.

Il-prinċipju tad-dinjità umana huwa għalhekk ċentrali fid-diskussjonijiet dwar l-abort, l-ewtanasja, il-gwerra, il-piena tal-mewt, u l-bijoteknoloġija. Ir-rispett lejn id-dinjità umana għandu jidher fil-mod kif aħna nitkellmu mal-oħrajn, nittrattaw lill-vulnerabbli, nużaw il-midja soċjali, u nieħdu deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi.

Minn dan kollu naraw kif id-dinjità tal-persuna umana hija l-pedament tat-Tagħlim Soċjali Kattoliku kollu. Kif diġa għidna fil-bidu ta’ din il-kitba, il-Knisja temmen li kull bniedem għandu valur infinit għax huwa maħluq fuq ix-xbieha ta’ Alla. F’dinja fejn ħafna drabi l-bniedem jitqies bħala mezz għall-profitt jew għall-poter, il-Knisja tkompli tfakkar …

  • li kull persuna hija importanti,
  • li kull ħajja hija sagra,
  • u li kull bniedem jistħoqqlu rispett u ġustizzja.

Ara s-sensiela kollha ta’ kitbiet …

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading