LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 20 ta’ Mejju 2026
Id-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II
Il-Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium
1. Il-liturġija fil-misteru tal-Knisja
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!
Illum qed nibdew serje ta’ katekeżijiet fuq l-ewwel Dokument ippromulgat mill-Konċilju Vatikan II: il-Kostituzzjoni fuq il-liturġija mqaddsa Sacrosanctum Concilium (SC).
Huma u jelaboraw din il-Kostituzzjoni, il-Padri Konċiljari riedu mhux biss jibdew riforma tar-riti, imma wkoll iwasslu lill-Knisja biex tikkontempla u tinżel fil-fond ta’ dik ir-rabta ħajja li ssawwarha u tgħaqqadha: il-misteru ta’ Kristu. Fil-fatt, il-liturġija tmiss l-istess qalba ta’ dan il-misteru: hija fl-istess waqt l-ispazju, iż-żmien u l-kuntest li fihom il-Knisja triċievi mingħand Kristu l-istess ħajja tagħha. Fil-fatt, fil-liturġija “sseħħ il-fidwa tagħna” (SC, 2), li tagħmilna ġens maħtur, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis, poplu li Alla kiseb għalih (ara 1 Piet 2:9).
Bħalma wera t-tiġdid tripliku – bibliku, patristiku u liturġiku – li għaddiet minnu l-Knisja matul is-seklu 20, il-Misteru li qed nittrattaw ma jsawwarx xi realtà mudlama, imma l-pjan salvifiku ta’ Alla, moħbi sa mill-eternità u rivelat fi Kristu, skont l-affermazzjoni ta’ San Pawl (ara Efes 3:3-6). Dan huwa, mela, il-Misteru Nisrani: il-ġrajja tal-Għid, jiġifieri l-passjoni, il-mewt, il-qawmien u l-glorifikazzjoni ta’ Kristu, li proprju fil-liturġija jsir għalina sagramentalment preżenti, hekk li kull darba li nieħdu sehem fil-ġemgħa miġbura “f’ismu” (Mt 18:2), niġu mgħaddsa f’dan il-Misteru.
Kristu nnifsu huwa l-prinċipju interjuri tal-misteru tal-Knisja, poplu qaddis ta’ Alla, imwieled mill-kustat minfud tiegħu fuq is-salib. Fil-liturġija mqaddsa, bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu, hu jkompli jaħdem. Iqaddes u jsieħeb il-Knisja, l-għarusa tiegħu, fl-offerta tiegħu lill-Missier. Iħaddem is-saċerdozju tiegħu għalkollox waħdieni, hu li hu preżenti fil-Kelma mxandra, fis-Sagramenti, fil-ministri li jiċċelebraw, fil-komunità miġbura u, fl-ogħla grad, fl-Ewkaristija (ara SC, 7). Huwa hekk li, skont Santu Wistin (ara Serm., 277), hija u tiċċelebra l-Ewkaristija l-Knisja “tirċievi l-Ġisem tal-Mulej u ssir dak li tirċievi”: issir il-Ġisem ta’ Kristu, “għamara ta’ Alla permezz tal-Ispirtu” (ara Efes 2:22). Din hija l-“opra tal-fidwa tagħna”, li twaħħadna ma’ Kristu u tibnina fil-komunjoni.
Fil-liturġija mqaddsa, din il-komunjoni sseħħ “permezz tar-riti u t-talb” (SC, 48). Ir-ritwalità tal-Knisja tesprimi l-fidi tagħha – skont il-qawl ċelebri lex orandi, lex credendi –, u fl-istess waqt issawwar l-identità ekkleżjali: il-Kelma mxandra, iċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrament, il-ġesti, is-silenzji, l-ispazju, dan kollu jirrappreżenta u jsawwar lill-poplu miġmugħ mill-Missier, Ġisem ta’ Kristu, Tempju tal-Ispirtu s-Santu. Kull ċelebrazzjoni b’dan il-mod issir vera epifanija tal-Knisja li titlob, kif fakkar San Ġwanni Pawlu II (Ittra appostolika Vicesimus quintus annus, 9).
Jekk il-liturġija qiegħda hemm għas-servizz tal-misteru ta’ Kristu, nistgħu nifhmu għaliex ġiet imsejħa “l-quċċata li lejha timxi l-ħidma tal-Knisja u fl-istess waqt l-għajn li minnha ġejja kull qawwa tagħha” (SC, 10). Huwa minnu li l-azzjoni tal-Knisja ma tillimitax ruħha għal-liturġija waħidha, madankollu kull ħidma tagħha (il-predikazzjoni, is-servizz lill-foqra, l-akkumpanjament tar-realtajiet umani) miexja lejn din il-“quċċata”. Fis-sens kuntrarju, il-liturġija twieżen lill-fidili billi ddaħħalhom dejjem u mill-ġdid fl-Għid tal-Mulej u, għalhekk, permezz tax-xandir tal-Kelma, iċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti u t-talb komuni, huma jiġu moħjija, imħeġġa u mġedda fl-impenn tagħhom ta’ fidi u fil-missjoni tagħhom. Fi kliem ieħor, is-sehem tal-fidili fl-azzjoni liturġiku huwa fl-istess waqt “interjuri” u “esterjuri”.
Dan ifisser ukoll li hu msejjaħ jinfirex b’mod konkret matul il-ħajja ta’ kuljum, f’dinamika etika u spiritwali, hekk li l-liturġija ċċelebrata tinbidel f’ħajja u titlob eżistenza fidila, kapaċi tagħmel konkret dak li wieħed ikun għex fiċ-ċelebrazzjoni: huwa b’dan il-mod li l-ħajja tagħna ssir “sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla”, u hekk twettaq “il-qima spiritwali” tagħna (Rum 12:1).
B’dan il-mod, “il-liturġija ssaħħaħ kuljum lil dawk li huma fil-Knisja u minnhom tagħmel tempju qaddis fil-Mulej” (SC, 2), u ssawwar komunità miftuħa u akkoljenti lejn kulħadd. Fil-fatt fiha hemm jgħammar l-Ispirtu s-Santu, iddaħħalna fil-ħajja ta’ Kristu, tagħmilna Ġisem tiegħu u, fid-dimensjonijiet kollha tagħha, tirrappreżenta sinjal tal-għaqda tal-ġeneru uman kollu fi Kristu. Kif qal il-Papa Franġisku, “id-dinja għadha ma tafx, imma kulħadd ġie mistieden għall-ikla tal-festa tat-tieġ tal-Ħaruf (Apok 19:9)” (Ittra appostolika Desiderio desideravi, 5).
Għeżież, inħallu jagħġnuna minn ġewwa r-riti, is-simboli, il-ġesti u fuq kollox il-preżenza ħajja ta’ Kristu fil-liturġija, li se jkollna mill-ġdid mod kif ninżlu iktar fil-fond tagħhom fil-Katekeżijiet li ġejjin.
Fil-bidu tal-Udjenza. Tislima tal-Papa lill-QT Aram I, Catholicos taċ-Ċiliċja u l
Tislima tal-Papa lill-Qdusija Tiegħu Aram I, Catholicos taċ-Ċiliċja
Bil-ferħ kollu nagħti l-merħba tiegħi lill-Qdusija Tiegħu Aram I, Catholicos taċ-Ċiliċja tal-Knisja Appostolika Armena, flimkien mad-delegazzjoni illustri li għandu miegħu. Din iż-żjara fraterna tirrappreżenta okkażjoni importanti biex insaħħu r-rabtiet ta’ għaqda li diġà jeżistu bejnietna, waqt li noqorbu lejn il-komunjoni sħiħa bejn il-Knejjes tagħna.
Santità, f’dawn il-jiem li fihom qed inħejju għal Pentekoste, nitlob il-grazzja tal-Ispirtu s-Santu fuq il-pellegrinaġġ tiegħek lill-oqbra tal-Appostli Pietru u Pawlu, u nistieden lil dawk kollha preżenti biex jitolbu bil-ħerqa lill-Mulej sabiex iż-żjara u l-laqgħat tiegħek jistgħu jkunu pass ieħor fit-triq lejn l-għaqda sħiħa. Ejjew ukoll nitolbu għall-paċi fil-Libanu u fil-Lvant Nofsani, li mill-ġdid huma mifnija mill-vjolenza u l-gwerra.
Santità, nixtieq nesprimi l-gratitudni partikulari tiegħi għall-impenn personali kontinwu tiegħek b’risq l-ekumeniżmu, speċjalment għad-djalogu teoloġiku internazzjonali bejn il-Knisja Kattolika u l-Knejjes Ortodossi Orjentali.
Merħba, Santità, għeżież isqfijiet u għeżież ħbieb! Flimkien, ejjew insejħu l-interċessjoni ta’ San Girgor l-Illuminatur, San Girgor ta’ Narek, San Nerses il-Grazzjuż u, fuq kollox, lill-Verġni Omm Alla, biex jistgħu jdawlu t-triq tagħna lejn il-milja ta’ dik l-għaqda li lkoll nixtiequ.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard