Dilexit Nos: Il-Qalb ta’ Ġesù hija t-tweġiba għall-għatx tal-bniedem ta’ żmienna

Sintesi tal-Enċiklika tal-Papa Franġisku Dilexit nos dwar l-imħabba umana u divina tal-Qalb ta’ Ġesù.

Ippublikata fl-24 ta’ Ottubru 2024 https://www.laikos.org/fr1_dilexit_nos_24102024_mt.htm


Dilexit Nos hija r-raba’ Enċiklika tal-Papa Franġisku u titratta dwar l-imħabba umana u divina tal-Qalb ta’ Ġesù Kristu.

It-titolu Dilexit nos, meħud mill-ewwel żewġ kelmiet tat-test bil-Latin, ifisser, “Huwa ħabbna”, b’referenza għall-Kristu, kliem li huwa meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lir-Ruman (8:37), fejn kiteb li xejn u qatt ma jista’ jifridna minn din l-imħabba.

Madankollu, jgħid il-Papa Franġisku fl-enċiklika tiegħu, illum qed ngħixu f’din l-era ta’ superfiċjalità. Niġru b’mod frenetiku minn ħaġa għal oħra mingħajr ma nafu verament għaliex, u nispiċċaw bħala konsumaturi bla limitu u lsiera tal-mekkaniżmi ta’ suq li ma jimpurtahx mit-tifsira aktar profonda ta’ ħajjitna. Illum, ikompli l-Papa, ilkoll kemm aħna jeħtieġ li niskopru mill-ġdid l-importanza tal-qalb.

“Biex nesprimu l-imħabba ta’ Ġesù spiss ninqdew bis-simbolu tal-qalb. Xi wħud jistaqsu jekk dan għadx għandu tifsira valida. Imma meta niġu ttentati li nibqgħu ngħumu fil-wiċċ, li ngħaddu ħajjitna niġru mingħajr fl-aħħar mill-aħħar ma nafu għalfejn, li nsiru konsumisti bla xaba’ u lsiera tal-ingranaġġi ta’ suq li ma jinteressahx mis-sens tal-ħajja tagħna, allura jeħtieġ nirkupraw l-importanza tal-qalb.” (par. 2)

Dilexit Nos hija riżultat tal-esperjenza spiritwali tal-Papa Franġisku nnifsu, li jħoss f’qalbu d-drama tat-tbatija enormi ġejja mill-gwerer u tant vjolenza kontinwa. Huwa jrid ikun qrib ta’ dawk li jsofru billi jipproponi l-messaġġ tal-imħabba divina li tiġi biex issalvana. Huwa l-Papa nnifsu li fil-konklużjoni, huwa joffrilna ċ-ċavetta għall-qari tal-Maġisteru tiegħu kollu:

“Dak li dan id-dokument jesprimi, jgħinna niskopru li dak li hemm miktub fl-Enċikliċi soċjali Laudato si’ u Fratelli tutti mhuwiex barrani għal-laqgħa tagħna mal-imħabba ta’ Ġesù Kristu, għax, jekk nixorbu minn din l-imħabba, insiru kapaċi ninsġu rabtiet ta’ bejn l-aħwa, nagħrfu d-dinjità ta’ kull bniedem u nieħdu ħsieb flimkien tad-dar komuni tagħna.” (par. 217)


L-Ewwel Kapitlu: L-IMPORTANZA TAL-QALB

Is-simbolu tal-qalb, huwa l-suġġett tal-ewwel kapitlu. Għall-kitba tiegħu, Bergoglio juri li kien ispirat minn kitbiet mhux ippubblikati tal-ħabib tiegħu Patri Diego Fares, SJ, li hu stess kien laqa’ fis-Soċjetà ta’ Ġesù. F’soċjetà fejn il-forom ta’ reliġjożità dejjem jiżdiedu u jimmultiplikaw, kif l-istess jiġri fil-Kristjaneżmu nnifsu, fejna kultant tonqosha r-referenza personali ma’ Alla tal-imħabba, il-Papa jfakakrna li l-qalb hi kapaċi wkoll tiġbor u tpoġġi f’armonija l-istorja personali, li tidher maqsuma f’elf biċċa, imma fejn kollox jista’ jkollu sens.

Dan hu li jesprimi l-Evanġelju fil-ħarsa ta’ Marija, li kienet tara b’qalbha. Kienet taf tiddjaloga mal-esperjenzi li kienet tgħożż billi timmeditahom fil-qalb tagħha, u tagħtihom iż-żmien: tirrappreżentahom u tħarishom ġewwa fiha biex iżżomm ħajja t-tifkira. Fl-Evanġelju, l-aqwa espressjoni ta’ dak li taħseb qalb huma ż-żewġ siltiet ta’ San Luqa li jgħidulna li Marija “baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha, u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha”. (par. 19)

“Huwa biss jekk nibdew mill-qalb li l-komunitajiet tagħna jista’ jirnexxilhom jgħaqqdu d-diversi intelliġenzi u ridiet u jippaċifikawhom, sa ma l-Ispirtu jmexxina bħal xibka ta’ aħwa, għax anki l-paċifikazzjoni hi ħidma tal-qalb. Il-Qalb ta’ Kristu hi estasi, hija ħruġ, hija don, hija laqgħa. Fiha nsiru tassew kapaċi nidħlu f’relazzjoni ma’ xulxin b’mod san u hieni u nibnu f’din id-dinja s-Saltna tal-imħabba u tal-ġustizzja. Il-qalb tagħna marbuta ma’ dik ta’ Kristu tkun kapaċi tasal għal dan il-miraklu soċjali.” (par. 28)

Għandna bżonn l-għajnuna tal-imħabba ta’ Alla.  Għalhekk ħa mmorru għand il-Qalb ta’ Kristu, il-qalb ta’ dak li hu, li hi forn imħeġġeġ ta’ mħabba divina u umana u hija l-ogħla milja li l-bniedem jista’ jilħaq. Huwa hemm, f’dik il-Qalb, li sa fl-aħħar nagħrfu lilna nfusna u nitgħallmu nħobbu. (par. 30)


It-Tieni Kapitlu: ĠESTI U KLIEM TA’ MĦABBA

Il-Papa Franġisku jgħaddi għat-tien kapitlu tal-enċiklika billi jfakkarna li  l-Qalb ta’ Kristu, li tissimbolizza ċ-ċentru personali tiegħu u li minnu tgelgel l-imħabba tiegħu għalina, hija l-qalba ħajja tal-ewwel tħabbira. Hemmhekk hemm mnejn bdiet il-fidi tagħna, l-għan li jżomm ħajja l-konvinzjonijiet Insara tagħna. Il-mod kif Kristu jħobbna hu xi ħaġa li hu ma kellux għalfejn ifissrilna wisq. Urihulna fil-ġesti tiegħu. Meta nħarsu lejn kif iġib ruħu hu, nistgħu niskopru kif hu jittratta lil kull wieħed u waħda minna, anki jekk dan inbatu ftit biex nifhmuh. Ejjew mela mmorru nfittxu hemm fejn il-fidi tagħna tista’ tagħrfu, fl-Evanġelju. (par. 32-33)

Fl-istess kapitlu, l-enċiklika tfakkar kif San Pawl, meta ried ifittex l-aħjar kliem biex ifisser ir-relazzjoni tiegħu ma’ Kristu, qal: “Ħabbni u ta lilu nnifsu għalija” (Gal 2:20). Din kienet l-ikbar konvinzjoni tiegħu: li jaf li hu maħbub. L-għotja ta’ Kristu fuq is-salib rebħitu għalih, imma kellha sens biss għax kien hemm xi ħaġa ikbar minn dik l-għotja: “Ħabbni”. Waqt li ħafna persuni fittxew is-salvazzjoni, il-ġid u s-sigurtà f’diversi proposti reliġjużi, Pawlu, imqanqal mill-Ispirtu li mess lil qalbu, għaraf iħares lil hemm u jistagħġeb bl-ikbar u l-aktar ħaġa fundamentali: “Ħabbni”. (par. 46)


It-Tielet Kapitlu: DIN HIJA L-QALB LI TANT ĦABBET

Fil-tielet kapitlu, l-Enċiklika toffri wkoll għarfien sinifikanti u ġrajjiet kurrenti rigward, pereżempju, id-devozzjoni lejn il-Qalb Imqaddsa, iżda wkoll il-periklu ta’ dualiżmi bħal mahuwa l-Ġanseniżmu, li jgħallem viżjoni aktar stretta u pessimistika tan-natura umana, u li għadu f’ċerti modi preżenti llum ukoll.

Fl-istess waqt, kompla l-Papa, nistgħu nsostnu wkoll li llum, minbarra quddiem il-Ġanseniżmu, ninsabu quddiem l-iżvilupp qawwi tas-sekularizzazzjoni, li jfittex dinja ħielsa minn Alla. Ma’ dan inżidu li qed joktru wkoll fis-soċjetà diversi xejriet ta’ reliġjożità mingħajr ebda riferiment għal relazzjoni personali ma’ Alla ta’ mħabba. Dawn huma manifestazzjonijiet ġodda ta’ spiritwalità mingħajr ġisem. (par. 87)

Waqt li rrefera għall-Qaddisa Tereża tal-Bambin Ġesù, Franġisku qal li l-aktar atteġġjament xieraq hu li nqiegħdu l-fiduċja ta’ qalbna barra minna nfusna: fil-ħniena bla qies ta’ Alla li jħobb bla limiti u li fis-Salib ta’ Ġesù tana kollox. Santa Tereża, dan għexitu b’mod intens għax kienet skopriet fil-Qalb ta’ Kristu li Alla hu mħabba: “Lili tani l-Ħniena bla qies tiegħu; u huwa permezz tagħha li jien nikkontempla u nadura l-perfezzjonijiet divini l-oħra!” Għalhekk it-talba l-aktar popolari, qisha bħal vleġġa ħierġa sparata mill-Qalb ta’ Kristu, sempliċiment tgħid: “Jien nafda fik”.  (par. 90)


Ir-Raba’ Kapitlu: L-IMĦABBA LI TISQI

Fir-raba’ kapitlu l-Papa Franġisku jiddeskri l-imħabba ta’ Alla bhala dik li tagħti lilha nnifisha bħala Xorb. Huwa jibda mix-xhieda tal-Iskrittura Mqaddsa u tal-Kristjaneżmu tal-bidu, u wara jkomplu bl-eżempju tal-Qaddisin il-kbar li fetħu u mxew it-triq tad-devozzjoni lejn il-Qalb Imqaddsa bħala post tal-laqgħa personali mal-Mulej (par. 103): Santu Wistin, San Bonaventura, San Franġisk ta’ Sales, Santa Margerita Marija Alacoque, San Klawdju tal-Colombiere, San Injazju ta’ Loyola, San Karlu de Foucauld, Santa Tereża ta’ Lisieux, sal-aktar reċenti San Vinċenz de Paul, San Pio da Pietrelcina, Santa Tereża ta’ Calcutta, Santa Fawstina Kowalska, u San Ġwanni Pawlu II, li wkoll offrewlna “tweġiba ċara li tista’ tiggwida lill-Insara tal-lum lejn spirtu ta’ riparazzjoni aktar f’sintonija mal-Evanġelji.


Il-Ħames Kapitlu: MINN IMĦABBA GĦAL IMĦABBA

Ma jistax jonqos li dwar il-Qalb ta’ Ġesù, il-Papa jtenni jirreferi ghal Santa Margerita Marija li fl-esperjenzi spiritwali tagħha, flimkien mad-dikjarazzjoni mħeġġa ta’ mħabba ta’ Ġesù, insibu wkoll sejħa interjuri li ssejħilna nagħtu ħajjitna. Jekk nafu li aħna maħbuba u npoġġu l-fiduċja kollha tagħna f’din l-imħabba, dan ma jfissirx li nikkanċellaw il-ħiliet kollha tagħna li ningħataw, ma jimplikax li nagħlqu l-bieb għal dik ix-xewqa, li ma nistgħux nidfnu, li nagħtu xi tweġiba bil-ħiliet żgħar u limitati tagħna. Sa mit-tieni manifestazzjoni kbira lil Santa Margerita, Ġesù jesprimi n-niket tiegħu li l-imħabba kbira tiegħu għall-bnedmin ma rċivietx lura ħlief ingratitudni u indifferenza, bruda u rifjut. “Dan”, jgħid il-Mulej, “iġagħalni nbati iżjed minn dak kollu li batejt fil-Passjoni tiegħi”. (par. 164-165)

Fl-għeluq ta’ din l-enċiklika, Franġisku jitlob lill-Mulej Ġesù li mill-Qalb qaddisa tiegħu jnixxu għalina lkoll xmajjar ta’ ilma ħaj biex ifejqu l-ġrieħi li bihom nifmu lil xulxin, biex isaħħu l-ħila tagħna li nħobbu u naqdu, biex iħeġġuna nitgħallmu nimxu flimkien lejn dinja ġusta, solidali u fraterna. Dan sa ma għad niċċelebraw hienja u magħqudin il-festa tat-tieġ fis-Saltna tas-Smewwiet. Hemm ikun hemm Kristu Rxoxt, li jġib is-sliem fost id-differenzi kollha tagħna bid-dawl li jiddi bla waqfien mill-Qalb miftuħa tiegħu. Ħa tkun imbierka għal dejjem!


Twissija dwar il-Qari tal-Enċiklika

Dilexit nos hija preżentata lilna bħala test intens u profond, li joħodna fil-qalba tal-fidi, iżda wkoll tar-realtà attwali. Huwa għalhekk li kif wissa Andrea Tornielli, direttur editorjali tad-Dikasteru għall-Komunikazzjoni tas-Santa Sede …

“Irridu nevitaw ir-riskju li nqisu din l-enċiklika tal-Papa Franġisku bħala kitba devozzjonali. Għall-kuntrarju, din hija enċiklika li tidħol fir-realtà tagħna tal-lum, f’dak li tgħix id-dinja moderna, u toffri ċavetta interpretattiva fundamentali biex nifhmu l-maġisteru ta’ Franġisku u l-oriġini tal-interventi tiegħu fuq kwistjonijiet soċjali, ibda mill-attenzjoni għall-foqra sal-migranti, sal-qrubija ħanina lejn kulħadd.

Dilexit nos tistedinna nifhmu l-qalb ta’ Ġesù, jiġifieri l-mod kif Ġesù jħobbna, isejħilna, u jrid ikun qrib tagħna f’kull ċirkostanza tal-ħajja. Meta nifhmu ċ-ċentralità tal-qalb ta’ Ġesù, nifhmu wkoll l-importanza ta’ qalbna, li hija dik li tiddistingwina, tikkonfigurana, u tpoġġina f’komunjoni ma’ persuni oħra.”


Ara l-Enċiklika bil-Malti … https://www.laikos.org/fr1_dilexit_nos_24102024_mt.htm

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading