Innu: _______________________
“Alla, Alla tiegħi int; lilek ħerqan infittex.
Ruħi bil-għatx għalik,
għalik imxennaq jiena,
bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.
Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek,
biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.” (Salm 63,1-3)
Għalhekk ġejt hawn Mulej, biex nitgħaxxaq bil-kobor tal-ħniena tiegħek. Iva, O Sinjur, jien bil-għatx għalik; ruħi għatxana għalik O Alla tiegħi. (5 sek pawsa)
Mulej, kull wieħed u kull waħda minna, llejla ġejna hawn mgħobbija bit-toqol tal-ħajja; mgħobbija bil-mard u bl-uġigħ; bl-stress ta’ fuq il-post tax-xogħol jew tad-dar. Ġesù, ġejna hawn, biex nistrieħu ftit miegħek; ġejna hawn biex nixxenqu għall-ħniena, għall-imħabba, għall-maħfra tiegħek. (10 sek pawsa)
“Bħalma għażżiela tixxennaq għan-nixxigħat tal-ilma, hekk tixxennaq ruħi għalik, O Alla. Ruħi għatxana għal Alla, għal Alla l-ħaj” (Salm 42,2,3). Iva, O Ġesù, ruħi bil-għatx għalik, bil-għatx biex tixrob mill-ilma ħaj li ħiereġ mill-Qalb Imqaddsa tiegħek. Ħallina, O Sinjur, ħalli f’dan il-ħin, inħallu lilek taqtalna l-għatx; inħallu lilek timliena bl-Ispirtu Qaddis tiegħek; inħallu lilek tixħet fuqna l-imħabba, l-ħniena u l-grazzji tiegħek. Mulej, il-qalb tagħna, ma ssib qatt kwiet, jekk mhux fik. Agħtina l-grazzja li ma ninħlewx iżżejjed infittxu l-ferħ fi triqat li ma jwasslu għal imkien. Għinna nsibu l-mistrieħ tagħna fik.
Silenzju 2 min Innu: ___________________
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien Ġesù qabad u qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok. Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf lill-Iben jekk mhux il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu.
Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif”.
Il-Kelma tal-Mulej It-Tifħir lilek Kristu
Silenzju 1 min
O Ġesù, (għada) se niċċelebraw il-festa solenni tal-Qalb Imqaddsa tiegħek, qalb mimlija mħabba għalina; Qalb mimlija ħniena; Qalb mimlija maħfra għal kull wieħed u waħda minnha.
X’imħabba kbira għandek għalina O Sinjur, li kif jgħid il-Profeta Isaija: “Tista’ omm tinsa t-tarbija tagħha, u ma tħennx għal bin ġufha? Mqarr jekk din tinsa, jien ma ninsiek qatt!” (Is 49,15). Daqshekk hija l-imħabba tiegħek: jekk aħna ninsewk, inti ma tinsiniex; anzi, Int tibqa’ tiġri warajna, u bħalma ragħaj iħalli 99 nagħġa u jmur ifittex il-dik l’ intilfitlu, Int o Ġesù, tibqa’ ssejħilna, tibqa’ tħabbat fuq il-bieb tal-qalb tagħna, biex aħna nħalluk tidħol fil-ħajja tagħna, u tixħet il-kotra tal-grazzji tiegħek.
Silenzju 3 min
Illum, o Ġesù, Int qiegħed tistedinna biex nersqu lejk; qiegħed tgħidilna biex ma nibżgħux nintelqu f’idejk. Anzi, O Mulej, int qiegħed tagħmlilna din l-istedina: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin”.
Mulej, kull wieħed u kull waħda minna, lkoll kemm aħna għandna xi tip ta’ toqol. Int taf kollox; Inti taf sewwa il-qalb ta’ kull wieħed u kull waħda minna; taf it-tgħabbija, t-toqol li kull qalb qed iġorr. (5 sek pawsa)
Iva, O Ġesù, int, illum qiegħed tgħidilna: Afdawni!… La tibżgħux!… Ersqu lejja!… Jiena Hu ta’ qalb ħelwa u umli…. Ejjew għandi u jiena nserraħkom; u jiena nfarraġkom; u jiena nagħtikom il-mistrieħ li għandkom bżonn.
Ejjew f’dan il-mument, inħarsu lejn Ġesù Ewkaristija, u fis-skiet ta’ qalbna nippreżentawlu t-toqol, in-niket, il-preokupazzjonijiet, il-ħsibijiet li għandna. Ejjew ma nibżgħux; ejjew nafdawh, għax Hu biss jista’ jagħtina l-mistrieħ.
Silenzju 3 min.
Kant: O Qalb ħanina
Salm Responsorjali
It-tjieba tal-Mulej minn dejjem għal dejjem.
Bierek, ruħ tiegħi, lill-Mulej!
B’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu. R/.
It-tjieba tal-Mulej minn dejjem għal dejjem.
Bierek, ruħ tiegħi, lill-Mulej,
u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.
It-tjieba tal-Mulej minn dejjem għal dejjem.
Hu li jaħfer dnubietek kollha;
ifejjaq il-mard tiegħek kollu;
jifdi lil ħajtek mill-qabar;
iħaddnek bit-tjieba u bil-ħniena. R/.
It-tjieba tal-Mulej minn dejjem għal dejjem.
Il-Mulej jagħmel is-sewwa,
u l-ħaqqa mal-maħqurin kollha.
Hu għarraf lil Mosè l-ħsieb tiegħu,
l-għemejjel tiegħu lil ulied Iżrael. R/.
It-tjieba tal-Mulej minn dejjem għal dejjem.
Ħanin u twajjeb il-Mulej,
idum ma jagħdab u kollu mogħdrija.
Ma mexiex magħna skont ma ħaqqhom ħtijietna;
ma ħallasniex skont ma ħaqqha ħżunitna. R/.
It-tjieba tal-Mulej minn dejjem għal dejjem.
Kant: Dal Misteru
Fl-aħħar: Tina ħlewwa
Utli hafna .Ighinni biex inkun qalbi miftuha waqt li nkun quddiem l ewkaristija .
Grazzi