Omelija tal-Papa Ljun XIV fil-Bażilika tas-Sagrada Familia fil-Barċellona

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA LJUN XIV
FI SPANJA
(6-12 TA’ ĠUNJU 2026)
QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA
Bażilika tas-Sagrada Família (Barċellona)
L-Erbgħa 10 ta’ Ġunju 2026

“Mulej, Sid tagħna, kemm hu kbir ismek fl-art kollha” (Salm 8:2,10).

Bit-tifħir ta’ dan is-Salm, hekk mimli ferħ u għoġba, insellem lilkom kollha, għeżież ħuti. Nesprimi r-rikonoxxenza tiegħi lejn il-Maestà Tagħhom u nirringrazzja lis-Sinjur Kardinal Juan José Omella, Arċisqof ta’ Barċellona, kif ukoll lill-aħwa l-oħra fl-Episkopat u dawk li qed jingħaqdu fit-talb tagħna: is-saċerdoti, id-djakni, ir-reliġjużi u s-seminaristi. Illejla, festa għall-belt kollha ta’ Barċellona, nestendi t-tislima grata tiegħi lill-Awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll lill-membri ta’ komunitajiet Insara oħra u ta’ reliġjonijiet oħra li qed jieħdu sehem fl-azzjoni tagħna ta’ grazzja.

Fil-fatt, illum il-Bażilika tal-Familja Mqaddsa qed tilqagħna, qed tiftaħ il-bibien tagħha bħal dirgħajn miftuħa beraħ biex tistieden lil kulħadd fuq dan l-altar, għas-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, li jagħmilna familja maħbuba tal-Mulej, mitmugħa mill-istess ħajja tiegħu fl-Ewkaristija. Huwa b’dan il-mod li Barċellona, la ciutat comtal, u l-Katalunja kollha jinġabru f’dan it-tempju, sinjal ta’ għaqda u ta’ fehma waħda, u jerfgħu ħarsithom biex jiltaqgħu mal-wiċċ ta’ Alla l-Missier, jiddi f’Ibnu magħmul bniedem, Ġesù Kristu.

Aħna u rroddu ħajr lill-Mulej għall-imħabba tiegħu lejna, infaħħruh għal dak li jagħmel f’ħajjitna. Nirringrazzjawh b’mod partikulari għal din il-Bażilika straordinarja, li l-Papa Benedittu XVI ċċelebra d-dedikazzjoni tagħha fl-2010, u fakkar li hi sinjal li jidher ta’ Alla li ma jidhirx, li għall-glorja tiegħu jogħlew ’il fuq it-torrijiet tagħha (ara Omelija għad-dedikazzjoni, 7 ta’ Novembru 2010). F’kontinwità mat-talba tal-Predeċessur tiegħi, minn hawn u ftit tal-ħin ieħor se nbierek l-ogħla torri, dak ta’ Ġesù Kristu.

Din il-knisja hi binja unika, magħmula minn ħafna ġebel. Dar li qed tkompli tikber mas-snin, skont proġett identiku. Aħna lkoll il-ġebel ħaj ta’ din l-opra, li għandha lil Kristu bħala pedament u quċċata, bidu u tmiem. Ħafna aktar minn monument, il-Bażilika tal-Familja Mqaddsa għadha sal-lum sit ta’ kostruzzjoni, li jfakkarna kif il-ħajja Nisranija tinsab dejjem f’mixja, għax dan hu proġett, li Alla jwassal sa tmiemu.

Mela aħna ma aħniex qegħdin f’opra li mhix kompluta, imma f’tempju li għadu qed jinbena. L-imperfezzjoni tiegħu mhijiex difett, għax tixhed għal xewqa; ma tfissirx nuqqas, imma tesprimi wegħda, li rridu nonoraw b’koerenza. Il-gratitudni tagħna allura ssir impenn, waqt li nikkoperaw mal-proġett ta’ Alla, jiġifieri mal-bini li għalih hu stess isejħilna. Ladarba aħna tempju tal-Ispirtu s-Santu (ara 1 Kor 6:16,19), din l-opra tfisser ħajjitna, li Alla jaħsibha bħala kapulavur li nwettqu flimkien.

F’dan ir-rigward, aħna ngħożżu fil-qalb tagħna l-kelma li jgħid il-Mulej lis-sultan David: “Se tibnili int dar biex noqgħod fiha?” (2 Sam 7:5). Bil-maqlub, “lilek imbagħad il-Mulej jagħtik kelma li jibnilek dar” (v. 11). B’din l-aħbar, l-Iskrittura tgħallimna li mhux aħna li se nagħtu post lil Alla, bħallikieku kien l-element f’xi serje jew il-parti minn xi ħaġa sħiħa li hi ikbar minnu. Imma huwa Alla li jagħti post lilna, u l-post li jagħtina huwa l-qalb tiegħu: il-post tal-Iben, għalina li konna barranin; il-post tal-Maħbub, għalina li aħna midinba.

Din ir-rieda tiegħu sseħħ permezz ta’ Ġesù: allura nistgħu nifhmu s-sens ta’ dak li għadna kemm smajna fil-Vanġelu, meta l-Mulej jgħid lill-Fariżej: “Jekk intom ma temmnux li jiena hu, tmutu fi dnubietkom” (Ġw 8:24). Kliem qawwi, li mhuwiex theddida, lanqas rikatt. Hu stedina ta’ salvazzjoni, jiġifieri sejħa għal-libertà min-naħa ta’ Kristu, li jrid għalina l-akbar ġid, dak etern. Quddiem it-theddida tal-ħażen, il-Mulej jinsab dejjem magħna, dejjem hemm għalina. “Jiena Hu”: dan huwa l-Isem l-aktar qaddis li Alla ta lil Mosè mis-siġra tal-għollieq jaqbad bla ma jinħaraq, fejn urieh il-fedeltà tiegħu li ma tintemmx. Magħmul bniedem, huwa jsir għalina l-Għimmanu-El, għajn ta’ grazzja u ta’ maħfra, ta’ salvazzjoni u ta’ ħajja ġdida. Għeżież, ma nistgħux nemmnu f’Ġesù u nagħmlu l-gwerra. Ma nistgħux nemmnu f’Ġesù u noqtlu l-innoċenti. Ma nistgħux nemmnu f’Ġesù u nabbandunaw lil min qed ibati, lil min qed jibki, lil min qed jaħrab mill-miżerja.

Għalhekk illejla ejjew niftakru li s-Salib ta’ Kristu, imqiegħed fil-quċċata ta’ din il-Bażilika, huwa s-Salib ta’ dawk li mill-aħħar post isiru tal-ewwel, tal-midinbin li jsiru qaddisin, tal-mejtin li jqumu. It-tliet faċċati tal-Familja Mqaddsa jixhduh dan: l-Ewwel isir l-aħħar wieħed għalina fin-Natività; bis-Sagrifiċċju tiegħu jeħlisna permezz tal-Passjoni; il-mewt tiegħu tagħtina l-ħajja eterna u sehem fil-glorja divina. Aħna u nammiraw it-torri ta’ Ġesù Kristu, nerfgħu ħarsitna lejH, lejh li waħdu jikxfilna l-verità ta’ Alla u l-verità tagħna nfusna. Aħna u nħarsu lejn Kristu nistgħu naraw id-dinja b’għajnejn ġodda: allura t-torri tas-Salib isir stendard ta’ karità, għax Alla jħobbna b’dan il-mod, billi jibdel strument ta’ mewt f’sinjal ta’ tama. Fis-Salib ta’ Ġesù l-fidi tagħna tilħaq il-qofol tagħha, kif tistqarr il-kitba mqiegħda fil-bażi tal-quċċata: “Tu solus Sanctus, Tu solus Dominus, tu solus Altissimus”. Dan is-Salib jiddi binhar, waqt li jirrifletti d-dawl tax-xemx, u jiddi billejl, waqt li jdawwal il-belt bħal fanal miftuħ fuq il-Mediterran.

Iva, id-dawl ta’ Kristu jilma fid-dlamijiet, imqar jekk id-dlamijiet ma laqgħuhx (ara Ġw 1:5,11). Imma dan ir-rifjut ma jnaqqasx mill-imħabba ta’ Alla: “Meta terfgħu ’l fuq lil Bin il-bniedem”, jgħid il-Mulej “imbagħad tagħrfu li jiena hu u li minn rajja ma nagħmel xejn, imma li nitkellem skont ma għallimni l-Missier” (Ġw 8:28). Jeħtieġ ngħaddu mill-passjoni tal-Imsallab, biex niġu mdawla mill-glorja tal-Irxoxt: fil-fatt, sa minn dejjem il-Missier jgħallem kif wieħed jagħti ħajtu, u l-Iben, li jirċeviha mingħandu, lil kulħadd jagħtiha bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Huwa għalhekk li s-Salib huwa s-sinjal kollu dawl ta’ mħabbtu.

Il-fidi ssawwar il-ġebel u tagħti sens lill-binja li qegħdin fiha flimkien. Għalhekk fit-talb tagħna niskopru r-rabta oriġinali tal-ħwejjeġ ma’ Alla, Ħallieq tas-sema u tal-art: huwa l-artista li qiegħed il-ġmiel tiegħu fil-kożmu. Maħluq xbieha tiegħu, il-bniedem jikkorrispondi mal-opra ta’ Alla bil-ġenju tiegħu: huwa hekk li l-artista jagħmel mit-talent att ta’ tifħir u mill-kreattività x-xhieda tal-Ħallieq innifsu. Bħala arkitett imħeġġeġ bil-fidi, il-Venerabbli Antoni Gaudì ħaseb dawn l-ispazji bix-xewqa li jirrakkonta l-misteri tal-ħajja tal-Mulej: b’dan il-mod hu pproponielna pellegrinaġġ spiritwali, li jwassal għal-laqgħa ma’ Kristu li twieled, miet u rxoxta għalina. Flimkien ma’ Gaudì, aħna u nfakkru ċ-ċentinarju minn mewtu, infakkru u rroddu ħajr illejla lill-promuturi u l-benefatturi kollha, l-artisti u l-ħaddiema li jikkoperaw biex jibnu kapuvalur arkitettoniku li hu wkoll katekeżi elokwenti magħmula minn ġebel, ilwien u dawl. Fl-għerf tagħha, il-Knisja b’dan il-mod iġġedded il-Biblia pauperum tal-katidrali qodma, li huma fihom infushom messaġġi l-aktar għonja ta’ evanġelizzazzjoni. F’dan it-tempju ta’ xbihat jerġa’ jidher dejjem aktar ċar kif l-arti u l-ġmiel huma kanali eminenti ta’ evanġelizzazzjoni.

Għeżież ħuti, il-ġmiel ta’ dan it-tempju jixprunana biex nitgħallmu dejjem iżjed mill-Imgħallem u Mulej tagħna l-arti ta’ kif ngħixu skont il-Vanġelu tiegħu. Aħna u nerfgħu ħaristna lejh, l-Imsallab Irxuxtat, inħabirku biex nerfgħu l-wiċċ ta’ min jinsab fit-trab (ara 1 Sam 2:8). U nuru b’dan il-mod li l-Familja Mqaddsa hija l-knisja l-aktar għolja tad-dinja mhux biex tiġi l-ewwel fil-klassifiki tad-dinja, imma biex tmexxi l-passi tal-poplu ta’ Alla pellegrin f’din l-art tal-Katalunja, bis-salib li jdawwal il-mixja, bħal musbieħ mixgħul fl-istennija tal-Għarus.

Ikun imbierek Alla għal dejjem!

Miġjub għall-Malti minn Francresco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading