Id-devozzjoni lejn il-Qalb Immakulata ta’ Marija hija waħda mill-aktar devozzjonijiet għeżież fil-Knisja Kattolika. Din id-devozzjoni tiffoka fuq il-ħajja interjuri tal-Verġni Marija, fuq l-imħabba tagħha lejn Alla, il-fidi qawwija lejħ, l-ubbidjenza li kellha għar-rieda divina, u l-kura materna li dejjem lejn il-bnedmin kollha.
Il-kelma “Immakulata” tfakkarna li Marija, bi grazzja speċjali ta’ Alla, kienet meħlusa mit-tebgħa tad-dnub tan-nisel sa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha. Il-Qalb Immakulata tagħha hija xbieha tal-qdusija, tal-purità u tal-imħabba perfetta tagħha lejn Alla u lejn il-proxxmu.
Il-bażi ta’ din id-devozzjoni tinsab fl-Iskrittura Mqaddsa. Fl-Evanġelju ta’ San Luqa naqraw li Marija “Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha.” (Lq 2:19). Il-qalb tagħha kienet il-post fejn hija kkontemplat il-misteri tal-ħajja ta’ Kristu u laqgħet bil-fidi l-pjan tas-salvazzjoni.
Matul is-sekli, ħafna qaddisin u teologi kabbru din id-devozzjoni. B’mod partikolari, id-dehriet ta’ Fatima fl-1917 tawha spinta kbira. F’dawn l-avvenimenti, il-Madonna stiednet lill-fidili biex jitolbu r-Rużarju, jagħmlu penitenza u jikkonsagraw ruħhom lill-Qalb Immakulata tagħha bħala mezz biex jersqu aktar lejn Ġesù Kristu.
Il-festa liturġika tal-Qalb Immakulata ta’ Marija tiġi ċċelebrata mill-Knisja fl-għada tas-Solennità tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù. Dan juri r-rabta profonda bejn il-Qalb ta’ Kristu u l-Qalb ta’ Ommu. Marija dejjem tmexxi lill-insara lejn Binha, u qatt ma żżomm l-attenzjoni fuqha nnifisha.
Id-devozzjoni lejn il-Qalb Immakulata ta’ Marija tista’ tiġi murija permezz tar-Rużarju, il-konsagrazzjoni personali jew tal-familja lilha, id-devozzjoni tal-Ewwel Sibtijiet tax-xahar li sfortunatamebt bħal dik tal-l-Ewwel Ġimgħa tax-xahar kważi insejnihom, u l-meditazzjoni fuq il-ħajja ta’ Kristu flimkien ma’ Marija. Dawn il-prattiċi jgħinuna nikbru fil-virtujiet tal-umiltà, tal-purità, tal-karità u tal-fidi f’Alla.
Għaina l-Kattoliċi, il-Qalb Immakulata ta’ Marija hija sinjal ta’ tama u ta’ kenn spiritwali. Meta nħarsu lejn din il-qalb, naraw fiha mudell perfett ta’ dixxiplu li laqa’ l-Kelma ta’ Alla u għexha b’fedeltà sħiħa. Għalhekk, id-devozzjoni lejn il-Qalb Immakulata ta’ Marija mhijiex biss att ta’ qima lejn Marija, iżda wkoll triq li twassal għal għaqda aktar profonda ma’ Kristu u mal-misteru tal-imħabba ta’ Alla.
