Minn Fr Jimmy Bonnici
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Fil-kobor ta’ tjubitek weġibni, O Alla.
- Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-Appostli tiegħu: “La tibżgħux mill-bnedmin. Għax xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf. Dak li jien ngħidilkom fid-dlam għiduh fid-dawl, u dak li ngħidilkom f’widnejkom xandruh minn fuq il-bjut. U tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ; imma aktar ibżgħu minn dak li jista’ jeqred kemm ir-ruħ u kemm il-ġisem fl-infern.
Żewġ għasafar tal-bejt mhux b’ħabba jinbiegħu? U b’danakollu anqas wieħed minnhom ma jaqa’ fl-art mingħajr ir-rieda ta’ missierkom. Intom imbagħad sax-xagħar ta’ raskom kollu hu magħdud. Mela xejn la tibżgħu; intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt. Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet”. Mt 10, 26-33.
- Riflessjoni/talba:
i. Ġesù qal lill-Appostli tiegħu: “La tibżgħux mill-bnedmin. Għax xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf. Dak li jien ngħidilkom fid-dlam għiduh fid-dawl, u dak li ngħidilkom f’widnejkom xandruh minn fuq il-bjut.
Jekk nesprimi l-konvinzjonijiet tiegħi,
inlissen ħolmti,
inpenġi dak li tħabbat qalbi
x’ser jiġri?
Kif ser nintlaqa’?
Tgħin inħalli kollox midfun?
Għandi nissogra?
La tibżax mill-bnedmin!
Kif kienet tkun id-dinja
kieku kull artist difen il-mużika, l-arti, l-arkitettura
kieku kull bniedem ta’ fidi difen il-misteru t’Alla
li mess lil ħajtu..
Irrifletti:
• X’tixtieq taqsam ma’ ħaddieħor? Il-biża’ x’forma jieħu fik?
ii. U tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ; imma aktar ibżgħu minn dak li jista’ jeqred kemm ir-ruħ u kemm il-ġisem fl-infern.
Se ssibek fraġli
quddiem min iwaqqa’ għar-ridikolu kull inizjattiva
jitbissem b’mod ċiniku meta tipproponi t-tajjeb
jgħajrek dgħajjef għax tagħżel il-prinċipju flok il-vantaġġ personali
iwaqqaflek promotion għax sfidajt l-inġustizzja
jagħmillek vendikazzjoni għax waqaft mad-dgħajjef u għalih.
U hekk hu. Tħossok fraġli.
Imma ibża’ aktar jekk tkun se titlef min int!
Irrifletti
• X’imexxini f’ħajti? Li mmil quddiem min hu b’saħħtu jew li nieqaf b’integrità?
iii. Żewġ għasafar tal-bejt mhux b’ħabba jinbiegħu? U b’danakollu anqas wieħed minnhom ma jaqa’ fl-art mingħajr ir-rieda ta’ missierkom. Intom imbagħad sax-xagħar ta’ raskom kollu hu magħdud. Mela xejn la tibżgħu; intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt. Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet.
Mhix is-saħħa li terfa t-tarbija
iżda l-imħabba.
Irrifletti
• Ieqaf fil-presenza ta’ Alla li jħobbok.
- Missierna