Is-Sibt, 20 ta’ Ġunju 2026: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi f’Quddiesa tal-Ispirtu s-Santu fil-Ftuħ tal-Ħmistax-il Leġiżlatura. Konkatidral ta’ San Ġwann, Valletta.
L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Illum ninsabu miġbura biex nitolbu d-dawl tal-Ispirtu s-Santu fuq dawk li l-poplu fdalhom ir-responsabbiltà għolja li jmexxu lil pajjiżna. Din iċ-ċelebrazzjoni mhijiex sempliċement tradizzjoni li takkumpanja l-ftuħ ta’ leġiżlatura ġdida. Qabel kollox, hija espressjoni tal-għarfien li kull awtorità umana, hi kemm hi importanti, tibqa’ limitata jekk ma tkunx megħjuna mill-Mulej, imdawla mill-għerf, immexxija mill-verità, u ispirata minn impenn sinċier lejn il-ġid komuni.
L-Ispirtu s-Santu huwa l-Ispirtu li jagħti l-għerf lil dawk li fuqhom qiegħda r-responsabbiltà tal-ħajja pubblika, biex jagħrfu li l-isfidi li niffaċċjaw ma jistgħux jiġu solvuti biss permezz ta’ kapaċitajiet tekniċi jew amministrattivi, imma jeħtieġu viżjoni morali, kuraġġ tal-kuxjenza u rispett profond lejn id-dinjità ta’ kull persuna. Huwa b’dal-mod li jkunu qed jibnu n-nazzjon b’għaqal, fuq sisien sodi, fuq il-blat mhux fuq ir-ramel (ara Mt 7:24-27).
Valuri li jibnu
Għalhekk illum nitolbu b’mod speċjali għal governanza mmexxija mill-valuri tal-onestà, tal-integrità u tal-kontabilità. Il-ħajja pubblika ma tistax tiffjorixxi fejn il-qerq isir aċċettabbli jew fejn l-interess personali jieħu post il-ġid komuni. Iċ-ċittadini jistennew li r-rappreżentanti tagħhom ikunu sinċiera fil-kelma, trasparenti fl-għemil u responsabbli fl-eżerċizzju tal-awtorità tagħhom.
L-integrità hija l-koerenza bejn dak li wieħed jgħid u dak li jagħmel. Hija l-kuraġġ li tagħmel dak li hu sewwa anki meta ma jkunx popolari. Hija l-fedeltà lejn il-kuxjenza anki meta jkun hemm pressjonijiet biex wieħed jikkomprometti prinċipji fundamentali. Nazzjon jissaħħaħ meta jkun immexxi minn nisa u rġiel ta’ sinsla, li d-deċiżjonijiet tagħhom ikunu mmexxija mis-sewwa u mhux mill-konvenjenza.
Nitolbu għal impenn imġedded favur il-ġustizzja. Il-ġustizzja mhijiex biss l-infurzar korrett tal-liġijiet, li hu tant meħtieġ. Hija l-isforz kontinwu biex kull persuna tingħata dak li jistħoqqilha minħabba d-dinjità li għandha bħala bniedem. Soċjetà ġusta tħares lill-ħaddiema, tappoġġja lill-familji, tilqa’ lil dawk li qed ibatu u tagħmel ħilitha biex il-progress ekonomiku jkun ta’ benefiċċju għall-komunità kollha.
Nitolbu wkoll għal impenn favur l-għaqda – impenn li jitlob djalogu paċenzjuż, rispett reċiproku, u sens ta’ Stat b’mod li l-ġid tan-nazzjon jitqiegħed qabel kull interess partiġġjan u rivalità politika. Għandna naħdmu lkoll biex f’għemilna u fi kliemna nuru stima kbira lejn xulxin, u qatt ma nużaw kliem vjolenti u offensiv.
Il-ħarsien tal-ħolqien
Nitolbu biex inkunu ħarriesa tal-ħolqien. Il-ħarsien tal-ambjent f’pajjiżna huwa responsabbiltà u urġenza morali. Il-ħolqien huwa don li ġie afdat f’idejna. Il-ġenerazzjonijiet futuri għandhom id-dritt li jirċievu art li tkun sabiħa, b’saħħitha u kapaċi ssostni l-ħajja.
Ir-responsabbiltà ambjentali titlob viżjoni fit-tul. Tisfidana biex nirreżistu t-tentazzjoni ta’ qligħ immedjat li jġib danni fit-tul u joħloq kruha fuq kruha, u li nwaqqfu l-qerda taħt il-libsa tal-iżvilupp.
Il-protezzjoni tal-ħajja
Fil-kuntest ta’ dawn ir-responsabbiltajiet kollha li għandhom il-leġiżlaturi, hemm waħda li tmiss il-pedament li fuqu jistrieħu d-drittijiet kollha l-oħra: il-ħarsien tal-ħajja umana u tad-dinjità tagħha. Mingħajr rispett lejn il-ħajja umana, l-istruttura kollha tad-drittijiet tal-bniedem issir fraġli.
F’dan il-kuntest, jistħoqqlu riflessjoni profonda l-kliem li l-Papa Ljun XIV indirizza lill-Parlament Spanjol ftit ġranet ilu (8 ta’ Ġunju 2026):
“Jekk il-ħajja ma tibqax titqies bħala valur fundamentali, liema futur jista’ jkollhom is-soċjetajiet tagħna? Tista’ tgħid li hi ġusta, komunità li twarrab fid-dell it-tarbija li mhix imwielda, lill-anzjan, lill-marid, lil min qed isofri fis-skiet jew lil dawk li jiddependu kompletament fuq il-kura ta’ ħaddieħor? Id-difiża tal-ħajja umana la hija kwistjoni ta’ interessi partiġġjani u lanqas konfessjonali: hi għan taċ-ċiviltà. Kull ħajja umana għandha tkun rikonoxxuta u mħarsa mit-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha, f’kull ċirkustanza tal-eżistenza tagħha. Meta din iċ-ċertezza tiċċajpar, l-ewwel vittmi jkunu dawk l-aktar vulnerabbli u l-liġi titlef it-tifsira l-aktar profonda tagħha: li taqdi u tħares lil kull persuna. Għalhekk, il-kobor morali ta’ nazzjon jidher fuq kollox fil-kapaċità tiegħu li jakkumpanja, jipproteġi u jħobb dawk il-ħajjiet li huma l-aktar fraġli.”
Dan il-kliem prezzjuż tal-Papa jfakkarna f’verità li tmur lil hinn minn kull qasma politika: kwistjonijiet li jikkonċernaw il-ħajja u l-mewt ma jistgħux ikunu dipendenti fuq il-kunsens popolari ta’ mument partikolari. Id-dinjità tal-bniedem ma ġġibx l-oriġini tagħha mill-approvazzjoni pubblika, u lanqas ma tiddependi fuq l-età, is-saħħa, il-produttività jew l-utilità soċjali ta’ persuna. Hija fil-qalb ta’ kull ħajja umana maħluqa xbieha ta’ Alla – hi x’inhi r-razza, il-kulur tal-ġilda, il-ġeneru u r-reliġjon tagħha.
Soċjetà tassew umana titkejjel mhux mill-kumdità ta’ dawk l-aktar qawwija iżda mill-protezzjoni li toffri lill-aktar dgħajfa. Il-kobor ta’ nazzjon ma jitqiesx l-ewwel mill-ġid materjali tiegħu, iżda mill-kapaċità tiegħu li jiddefendi lill-vulnerabbli u lil dawk li ma jistgħux jiddefendu lilhom infushom.
Responsabbiltà morali
Għalhekk, dawk li għandhom ir-responsabbiltà li jfasslu l-liġijiet iġorru piż morali kbir. Il-liġijiet mhumiex biss strumenti ta’ amministrazzjoni. Huma jesprimu dak li s-soċjetà tqis bħala valur. Huma jsawru l-kultura, jedukaw il-kuxjenzi u jinfluwenzaw il-ġenerazzjonijiet futuri. Għalhekk kull liġi għandha titkejjel minn mistoqsija fundamentali: kemm tassew tħares u tippromwovi d-dinjità tal-persuna umana.
Hekk kif dan il-Parlament il-ġdid jibda l-ħidma tiegħu, filwaqt li nawguraw lill-membri kollha tiegħu, nitolbu għalihom biex ikunu nies ta’ fibra mmexxija mill-għerf u jaħdmu biex l-integrità tirbaħ fuq il-korruzzjoni, il-verità tirbaħ fuq il-falsità, ir-rispett jirbaħ fuq il-mibegħda, id-djalogu jirbaħ fuq id-diviżjoni, is-servizz jirbaħ fuq l-ambizzjoni egoista, il-konvinzjoni tirbaħ fuq il-konvenjenza. U biex il-protezzjoni tad-dinjità ta’ kull ħajja umana tkun dejjem fiċ-ċentru tal-ħajja nazzjonali.
Ejja Spirtu s-Santu, dawwal l-imħuħ, naddaf l-intenzjonijiet, saħħaħ il-qlub, u ġedded lil pajjiżna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju
Sors: www.knisja.mt