Il-Papa Ljun XIV jkompli bil-katekeżi dwar is-Sacrosanctum Concilium ta’ Vatikan II

LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 24 ta’ Ġunju 2026

Katekeżi. Id-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II.
Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium.
4. Il-Misteru Ewkaristiku

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!

Inkomplu bil-katekeżijiet tagħna fuq id-dokumenti tal-Konċilju Vatikan II, b’mod partikulari fuq il-Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium (SC) dwar il-Liturġija.

Meta Santu Wistin ried ifisser lill-imgħammdin ġodda l-misteru tal-Ġisem ta’ Kristu, jerġa’ jaqbad is-silta ta’ San Pawl li għadna kemm smajna: “Intom il-ġisem ta’ Kristu, u kull wieħed minnkom membru tiegħu” (1 Kor 12:27). U jżid: “Huwa l-misteru tagħkom li qed tirċievu. Għal dak li intom, qegħdin twieġbu: Amen, u t-tweġiba tagħkom qisha l-firma tagħkom. Jingħad lilkom: ‘Il-ġisem ta’  Kristu’, u intom twieġbu: ‘Amen’. Kunu mela membri tal-ġisem ta’ Kristu, biex l-amen tagħkom tkun vera. […] Kunu dak li taraw, u rċievu dak li intom” (Sermone 272PL 38, 1247).

Minnufih wara li terġa’ tfakkar fl-Aħħar Ċena ta’ Ġesù, il-Kostituzzjoni fuq il-Liturġija titkellem dwar l-Ewkaristija b’dawn l-aċċenti Agostinjani. Fil-fatt, għall-Insara, li jieħdu sehem fil-mejda tal-Mulej ifisser li “jkunu mgħallma bil-kelma ta’ Alla; jieklu madwar il-mejda tal-ġisem tal-Mulej; iroddu ħajr lil Alla” (ara SC, 48). Huwa aħna u nirċevuh fil-Kelma tiegħu u fl-Ewkaristija li nsiru dak li nirċievu. Insiru l-Ġisem li r-Ras tiegħu huwa Kristu Rxoxt, bilqiegħda fuq il-lemin tal-Missier (ara Kol 1:18), li jħejjilna post fis-smewwiet (ara Ġw 14:3): hekk l-Ewkaristija hija s-sagrament tas-Saltna li ġejja. Hija l-Ħobż tat-triq, li tmexxina lejn is-Sema pajjiżna, sal-jum hieni li fih “Alla jkun kollox f’kulħadd” (1 Kor 15:28).

Il-ġemgħa liturġika toffri s-Sagrifiċċju “mhux biss minn idejn is-saċerdot iżda huma wkoll flimkien miegħu” (SC, 48). F’din il-perspettiva, l-Ewkaristija hija l-forma tas-sagrifiċċju spiritwali tal-Insara (ara Lhud 13:16; Rum 12:1), għax hi triq tal-għaqda ma’ Alla u tal-għaqda ma’ xulxin. Meta jieħdu sehem fiha, huma jitgħallmu “joffru lilhom infushom u minn jum għall-ieħor, permezz ta’ Kristu Medjatur, jipperfezzjonaw irwieħhom fl-għaqda ma’ Alla u bejnhom infushom” (ibid.). Hekk, waqt li tgħaqqadna ħaġa waħda ma’ Kristu, l-Ewkaristija tgħallimna nadottaw l-istil ta’ ħajja tal-Mulej Ġesù nnifsu, li jintgħaraf mill-għotja tiegħu nnifsu. Hekk dan id-don idaħħalna fid-dinamika tal-għaqda, li toffri antidotu qawwi għall-istorbju tal-firda li jhedded id-dinja tagħna, il-komunitajiet tagħna, il-familji tagħna, il-qalb tagħna (ara SC, 47).

Għeżież, meta aħna nieħdu sehem fl-Ewkaristija aħna mistednin nagħtu widen għall-Kelma ta’ Alla u nitrejqu mill-mejda tal-Mulej, fejn hu nnifsu joffri ruħu lill-Missier. Dawn iż-żewġ partijiet tal-Quddiesa, il-Liturġija tal-Kelma u l-Liturġija tal-Ewkaristija, “huma hekk magħqudin waħda mal-oħra li flimkien jagħmlu għemil wieħed ta’ qima” (SC, 56).

Fejn tidħol il-Kelma, iridu niftakru li m’aħniex nitkellmu biss fuq kif niksbu għerf intellettwali fuq l-Iskrittura, imma fuq li nirċievu l-Kelma “ħajja u qawwija” (Lhud 4:12), li Alla jlissen lil kulħadd u fl-istess waqt lil kull persuna, Kelma li trejjaq u tmantni flimkien mal-Ħobż Ewkaristiku u tgħaddina mid-dekadenza tad-dnub għall-ħajja ġdida fi Kristu. “L-Ewkaristija tiftħilna moħħna għall-għerf tal-Iskrittura Mqaddsa, l-istess kif l-Iskrittura Mqaddsa min-naħa tagħha ddawwal u tfisser il-Misteru Ewkaristiku” (Benedittu XVI, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Verbum Domini, 55).

Il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II talab li jinfetħu b’mod aktar wiesa’ t-teżori tal-Bibbja, biex tiġi offruta lill-fidili b’abbundanza ikbar il-mejda tal-Kelma ta’ Alla (ara SC, 51). Ir-riforma liturġika ttraduċiet din it-talba f’dak it-teżor li hu l-Lezzjonarju, jiġifieri l-ktieb li jiġbor il-Qari bibliku kollha għaċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi. Dan kollu hu meħud mill-għajn l-aktar safja tat-Tradizzjoni ħajja, li tbewwes flimkien il-fedeltà għat-tradizzjoni mal-ftuħ għal progress leġittimu (ara SC, 23).

Il-bidu ta’ kapitlu II tal-Kostituzzjoni fuq il-Liturġija hu minsuġ minn riferimenti għax-xmara kbira tat-Tradizzjoni, li mill-Missirijiet tal-Knisja tasal sa għandna. Nikkwotah: “Is-Salvatur tagħna fl-Aħħar Ċena, fil-lejl li fih kien ittradut, waqqaf is-sagrifiċċju Ewkaristiku tal-Ġisem u d-Demm tiegħu li bih is-sagrifiċċju tas-Salib jibqa’ jiġġedded tul iż-żminijiet, sal-miġja tiegħu, u b’hekk iħalli lill-Knisja, l-għarusa maħbuba tiegħu, it-tifkira tal-mewt u tal-qawmien tiegħu mill-mewt: sagrament ta’ tjieba, sinjal ta’ unità, rabta ta’ karità, l-ikla tal-Għid ‘li fiha nirċievu lil Kristu, ir-ruħ timtela bil-grazzja u jingħatalna rahan tal-glorja ġejjiena’” (SC, 47).

Għeżież ħuti, ejjew nersqu bil-fidi lejn din l-għajn ta’ ħajja divina u nħallu jibdilna l-misteru li niċċelebraw.

Miġjub għall-Malti minn Franċesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading