F’dawn l-aħħar snin ma tistax tiftaħ it-TV jew tara l-aħbarijiet fuq il-media soċjali u ma tismax tissemma xi gwerra. Sfortunatament, f’dan iż-żmien li qed ngħixu fih u li ħafna drabi konna naħsbu li l-gwerrer imdemmija, b’mod speċjali fl-Ewropa huma xi ħaġa tal-passat, għax forsi ħsibna li tgħallimna mill-istorja tagħna, intbaħna li ma stajniex inkunu aktar żbaljati. ‘Il-ġwerra hija ġennata’, hekk għajjat il-Papa Franġisku meta faqqet il-gwerra fl-Ukraina. Il-bniedem li jixtieq il-paċi, li jaf li l-paċi hija kundizzjoni neċessarja biex jgħix ta’ bniedem, ħafna drabi jirrikorri għall-gwerra biex mingħalih isolvi l-problemi tiegħu.
Fl-ewwel qari tal-lum smajna, ‘Dan jgħid il-Mulej: “Ifraħ kemm tiflaħ, bint Sijon, għajjat bil-ferħ, bint Ġerusalemm! Ara, is-sultan tiegħek ġej għandek; ġust u rebbieħ, umli u riekeb fuq ħmar, fuq felu ta’ ħmara... jinqered il-qaws tal-gwerra. Hu jxandar il-paċi lill-ġnus,…’ Kemm hi interessanti din l-profeżija ta’ Żakkarija! Il-Messija li ġej ser iġib il-ferħ, u ferħ kbir. Iżda huwa mhux sultan li jfittex il-ġwerrer, anżi huwa sultan umli u ġwejjed, riekeb fuq felu ta’ ħmara u mhux żiemel li ħafna drabi kien l-annimal preferut għall-gwerrer u għal nies importanti. Huwa jxandar il-paċi fost il-ġnus. Kemm għandna bżonnu l-Mulej fi żmienna, kemm għaffeġ u farrak il-bniedem li mingħalih ma għandux bżonn ’l Alla!
Forsi naħsbu li dan id-diskors ma jgħoddx għalina, dan jgħodd għall-politiċi u dawk li għandhom f’idejhom it-tmexxija tal-popli. Jekk naħsbu hekk inkunu qegħdin ninsew li l-paċi vera trid tibda minn qalb il-bniedem; jekk il-bniedem ma jkollox paċi f’qalbu kif jista’ jġib il-paċi fid-dinja ta’ madwaru? ‘Ħa nkabbrek, Alla tiegħi, sultan, u nbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem... Twajjeb u ħanin il-Mulej,… Iwieżen il-Mulej lil kull min se jaqa’, iqajjem lil kull min hu mitluq.’ Min jemmen f’dan Alla twajjeb u ħanin, li ‘jwieżen lil kull min se jaqa’, u jqajjem lil kull min hu mitluq’, ma jistax ma jġorrx f’qalbu hu ukoll sentimenti ta’ ħniena.
Liema huwa dawk il-kwalitajiet li jirrendu l-bniedem ħanin u twajjeb, li jġib il-paċi u l-għaqda kull fejn ikun? Il-qari tal-lum jurina liema huma l-kwalitajiet li jirrendu l-bniedem operatur tal-paċi. L-ewwel qari jsemmilna l-aktar kwalità importanti u li jgħożż min irid verament iġib il-paċi; din hija l-umiltà. L-umiltà ma hijiex stima baxxa tagħna nfusna; l-umiltà tfisser li nħossuna aħwa ta’ xulxin, ulied il-Missier wieħed tagħna tas-sema. Aħna differenti minn xulxin iva, iżda ħadd ma hu aħjar minn ħadd u ħadd ma hu agħar minn ħadd. Huwa l-bniedem li jemmen din il-verità bil-qalb li mhux biss iġib il-paċi, iżda fuq kollox ikollu l-paċi f’qalbu.
San Pawl fit-tieni qari jwissina biex ma nħallux l-ġibdiet tagħna jikkmandawnu u jmexxuna huma, għax il-ġibdiet tal-ġisem li ma humiex taħt il-kontroll tar-raġuni jew aħjar tal-fidi, iwasslu biss biex ikissru lill-bniedem. Ġesù ikompli jgħidilna, ‘Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom.’ Ġesù, u Ġesù biss, kapaċi jagħmel mis-salib skola ta’ ħajja. Mhux ta’ b’xejn San Ġorġ Preca kien isejjaħ lis-salib il-Ktieb il-Kbir, jiġifieri dak il-ktieb li jgħallimna dak li ebda ktieb ma jista’ jgħallimna. Is-salib meta naċċettawh minn idejn Alla, jgħallimna nkunu umli u nirrispettaw, nħobbu u naħfru lil xulxin.
Mulej Ġesù int għad li int Alla, għażilt li tkun sultan umli u ġwejjed. Għallimna nkunu bħalek, għenna nifhmu u naċċettaw li aħna aħwa ta’ xulxin, għenna nwarrbu kull sentimenti u ħsibijiet li iwassluna biex inħossuna aħjar minn ħaddieħor, u li dejjem nħobbu u nirrispettaw lil xulxin bħal aħwa ulied l-Missier wieħed tagħna tas-sema. Ammen.