Il-Knisja Kattolika ispirazzjoni tal-Opri tal-Arti (1)

Il-kontribut tal-Knisja Kattolika fl-istorja

Kitba ta’ Joe Galea

X’jiġina f’moħħna.

Liema hi l-aqwa pittura ta’ kull żmien? Hi l-Aħħar Ċena, ta’ Leonardo da Vinċi? Liema hi l-aqwa skultura ta’ kull żmien? Hi l-Pieta’ ta’ Michelangelo? Jew ta’ Raffaello? Meta naħsbu fuq arti grandjuża, jiġu f’moħħna arti u artisti li ġew ispirati u sostnuti mill-Knisja Nisranija. Ma rridux pero’ nagħmlu l-iżball li ngħodduhom mal-qaddisin lil dawn l-artisti famużi. Imma meta naraw l-aqwa talenti fl-istorja tal-arti, li ġejjin minn idea qawwija li pproduċiet il-kapolavuri tagħhom, irridu naħsbu fis-sagru. Jekk biss naraw kemm l-Inkarnazzjoni ta’ Kristu hi idea hekk qawwija li ġibdet l-immaġinazzjoni ta’ artisti bla għadd minn kull kontinent.

Dwar dan, kien hemm żmien, għas-seklu 16, meta fil-knejjes fl-Ewropa x-xbihat setgħu kienu biss ta’ Kristu. Kif ġara fil-katidral ta’ Antwerp, fejn Peter Paul Rubens daħħal il-patrun tal-belt, San Kristofru u lil oħrajn billi qal li dawn jirrappreżentaw lil Kristu, għax huma Kristofri, qed iġorru lil Kristu.

Michelangelo, Leonardo u Raffaello kienu artisti li kull bieb kien miftuħ għalihom, li pittru fuq kull suġġett. Imma l-monumenti li ma jintesewx tal-ġenju tagħhom huma x-xogħlijiet reliġjużi li ħadmu. Dan hu sinifikanti mhux biss għax in-nies kienu lesti li jħallsu lill-artisti biex joħolqu ħsieb Nisrani li kien jixgħel f’ħafna minnhom.

Id-dritt li tagħmel pitturi

Xi epoki ma rawx arti ġdida, jew tal-inqas dik it-tradizzjoni glorjuża tal-arti li tant aħna kburin biha sal-llum. L-Ikonoklasti, moviment li jħaddan reliġjożità li hi kontra l-qima lix-xbihat, qerdu b’saħħa x-xbihat sagri kulfejn kienu. L-ikonoklasi jemmnu li dan ġej minn wieħed mill-Kmandamenti (Esodu 20, 4-5). “La tagħmel ebda naqxa u ebda xbih ta’ li hemm fis-sema ‘l fuq, u ta; li hemm fl-art minn taħt, jew ta’ li hemm fl-ilma ta’ taħt l-art. La tmilx quddiemhom, u la tqimhomx, għax jien, il-Mulej Alla tiegħek.”

Ikonoklasti kontra x-xbihat sagri

Hemm żewġ modi kif tinterpreta b’xi mod dan il-Kmandament. (i) Kif il-Knisja Kattolika tinterpretah, li ma tagħmilx idoli; ma nagħmlux xbihat bl-iskop li nadurawhom. (ii) It-tieni mod biex nifhmu dan, hu li ma nagħmlu l-ebda xbiha għal ebda skop. Naraw li dan waqqaf l-iżvilupp tal-arti. L-Insara kienu spiss ittentati fuq dan it-tip ta’ severità li xi drabi nfexxet f’qerda terribbli.

Xi forom ta’ Ġudaiżmu u ftit forom tal-Islam ikkonkludew li l-immaġni kollha għandhom jiġu projbiti, l-aktar dawk il-forom ta’ xbihat ta’ annimali u bnedmin. F’partijiet tad-dinja Islamika fejn din il-projbizzjoni hi meħuda bis-serjetà hemm tradizzjoni ta’ arti rikka dekorattiva li tuża disinji maħduma b’mod fantastiku. Iqegħdu l-versi tal-Koran f’ornamenti li huma tassew sbieħ. Imma mhemmx arti li tirrakkonta storja, mhemmx profili ta’ personaġġi distinti.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading