VJAĠĠ APPOSTOLIKU FIL-VENEZUELA,
ECUADOR, PERÙ, TRINIDAD-TOBAGO
QUDDIESA FIL-PARK MIRAFLORES TA’ CUENCA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħamis, 31 ta’ Jannar 1985
Monsinjur Arċisqof, ħuti fl-episkopat, awtoritajiet, għeżież ħuti.
“Faħħru lill-Mulej, ġnus kollha” (Sal 117, 1).
1. Ejjew nippronunzjaw b’entużjażmu l-kliem tas-salm, biex nirrendu glorja lil Alla ħallieq tad-dinja u Mulej tal-istorja, li permezz ta’ Ġesù Kristu, huwa partikularment preżenti għal erbà sekli u nofs fost il-poplu tiegħu fl-artijiet tal-Ekwador. Nifraħ li nista nieħu sehem, bħala isqof ta’ Ruma u suċċessur ta’ San Pietru, f’dan l-anniversarju mportanti ċċelebrat mill-poplu u mill-Knisja f’art twelidkom.
Illum għandi l-okkażjoni niltaqà ma’ wlied l-Ekwador, hawn fil-belt ta Cuenca. Minn impetus ta’ fidi jitqanqal għaliha il-motto nisrani u uman: “L-ewwel Alla u mbagħad intom”. L-istess fidi ispirat ċittadini u letterati kbar, bħal Honorato Vázquez, Remigio Crespo, Miguel Moreno u wlied illustri oħra ta’ din il-belt, l-“Atene tal-Ekwador”. L-istess fidi tlaħħmet f’ekkleżjastiċi bħall-qaddej ta’ Alla, patri Julio Maria Matovelle, fundatur tal-kongregazzjonijiet tal-patrijiet Oblati u tas-sorijiet Oblati, promutur tal-bażilika tal-Vot nazzjonali ta’ din ir-repubblika, l-ewwel waħda li ġiet ikkonsagrata lill-Qalb Imqaddsa. Belt ewkaristika u Marjana hija din ta’ Sant’Anna de los Rios ta’ Cuenca.
2. “Faħħru lill-Mulej, ġnus kollha”.
Illum nixtiequ nidħlu fl-intimu ta’ dan il-poplu, li jgħix f’art twelidkom. Din l-interjorità – bħal fi kwalunkwè parti tad-dinja – tifforma ruħha permezz tal-familja. Din hija s-soċjetà umana fundamentali u fl-istess ħin, l-iżgħar ċellula ta’ kull soċjetà, ta’ kull nazzjon. Kienet iddefinita wkoll – skont it-tradizzjoni tas-santi padri tal-Knisja – “il-Knisja domestika”. Għal din it-tradizzjoni irrifera s-Sinodu tal-isqfijiet fl-1980 u l-eżortazzjoni apostolika Familiaris consortio, ippromulgata wara s-Sinodu, li ta xhieda għaliha.
3. Din il-“knisja domestika” twieldet mill-pjan preċiż ta’ Alla, li mhu xejn għajr pjan ta’ mħabba. L-għaqda tar-raġel u tal-mara fis-sagrament taż-żwieġ, li tagħti bidu għal kull familja nisranija, tibda propju minn hawn (cf. Ġwanni Pawlu II, Familiaris consortio, 11).
Id-don reċiproku tal-miżżewġin, kemm fil-livell fiżiku kif ukoll fil-livell spiritwali, jakkwista l-importanza vera, kbira u indistruttibli tiegħu – ukoll mill-punt di vista uman – bħala impenn totali tar-raġel u tal-mara għal ħajjithom kollha, sal-mewt: minn din il-globalità jitnisslu wkoll l-esiġenzi tal-fertilità responsabl “li, torjenta biex tkun iġġenerata persuna umana, teċċedi min-natura tagħha l-ordni purament bijoloġiku u tmiss serje ta’ valuri personali, li għat-tkabbir armonjuż tagħhom huwa meħtieġ il-kontribut kostanti u unanimu tal-ġenituri” (Ivi). Għalhekk hija possibli biss din it-tip ta’ donazzjoni fiż-żwieġ, fil-komunità ta’ ħajja u ta’ mħabba mitluba minn Alla.
L-għaqda konjugali hija allejanza li għandha bħala mudell il-patt ta’ komunjoni ta’ mħabba bejn Alla u l-poplu tiegħu fl-istorja tas-salvazzjoni, b’rabta ta’ fedeltà li minnha tieħu n-natura tagħha, il-qawwa tagħha u l-indissolubiltà tagħha; barra minn dan, hija għandha bħala mudell l-għaqda sponsali bejn Kristu u l-Knisja, fl-ekonomija sagramentali tat-Testment il-Ġdid, b’mod li l-miżżewġin, billi jappartienu lil xulxin, huma l-veru “sinjal” elokwenti, ir-rappreżentazzjoni rejali. Hekk, id-don prezzjożissmu tal-ulied huwa l-espressjoni l-iktar elevata ta’ din id-donazzjoni reċiproka, stabbilita fuq id-donazzjoni ta’ Alla lill-umanità u ta’ Kristu lill-Knisja (Ġwanni Pawlu II, Familiaris consortio, 14).
4. Il-liturġija tallum tippreżentana, barra minn dan, fl-intern tas-soċjetà familjari, billi, speċjalment fil-Vanġelu skont Luqa, tenfasizza, il-ħajja tas-sagra familja ta’ Nażżaret. Fi ħdan din il-familja twettqet is-salvazzjoni tad-dinja minħabba l-fatt li Ġesù Kristu “sab ruħu taħt l-awtorità” ta’ Marija u Ġużeppi bħala iben fil-konfront tal-ġenituri tiegħu. Waqt li kien jikber fl-età, huwa kompla jikber fil-għerf, fl-istatura u fil-grazzja quddiem Alla u quddiem il-bnedmin”, Ommu, Marija, “kienet iżżomm dan kollu – it-tifkiriet ta’ dawk is-snin – f’qalbha”.
Il-ħajja moħbija ta’ Nażżaret: din ir-realtà tfehmna li jeżisti ministeru partikolari tal-ekonomija feddejja ta’ Alla, f’relazzjoni mal-familja umana. Fl-intern tal-familja ta’ Nażżaret tħejja l-ministeru messjaniku ta’ Ġesù: dak il-Vanġelu tal-fidwa, li mill-Magħmudija fil-Ġordan raw bħal eku kbir, l-ewwel fost il-ġenerazzjonijiet ta’ Iżrael u mbagħad mad-dinja kollha. Dan il-Vanġelu – il-bxara t-tajba mħejji matul il-perijodu tal-ħajja moħbija fi ħdan il-familja Nażżarena – fih dawk il-veritajiet u dawk l-indikazzjonijiet li assikuraw lil kull familja umana d-dinjità tagħha, il-qdusija tagħha u l-feliċità tagħha.
5. Għal dan ukoll l-appostlu Pawlu, fit-tieni qari tal-liturġija tallum, jgħid lill-familji kollha: “Il-kelma ta’ Kristu tgħammar fostkom fil-għana kollu tagħha”! U, fl-istess ħin, fl-ittra lill-Kolossin, l-appostlu jagħtina x-xbiha tassew evanġelika tal-ħajja tal-familja nisranija.
F’dan il-pass meraviljuż, għani, imdawwal, imma wkoll rejalistiku, għaliex jiddeskrivi d-diffikultajiet possibli tal-konvivenza familjari, hemm miġbura l-elementi differenti tal-ispiritwalità tal-familja (cf. Col 3, 12-21): l-imħabba reċiproka: “Fuq kollox hemm imbagħad il-karità, rabta ta’ perfezzjoni”; l-ubbidjenza u r-rispett: tal-irġiel lejn in-nisa tagħhom, tan-nisa lejn żwieġhom, tal-ġenituri lejn uliedhom, tal-ulied lejn il-ġenituri: “kif iseħħ fil-Mulej . . . kif iħobb il-Mulej”; il fehim reċiproku: “isostnikom u jaħfrilkom . . . il-Mulej ħafrilkom: agħmlu l-istess intom”; id-delikatezza tal-imħabba vera” “tlibbiskom mela b’sentimenti ta’ ħniena, ta’ tjieba, umiltà, ħlewwa, ftehim”.
Fl-istess ħin, San Pawl jiddeskrivi l-familja – l-ewwel komunità ekkleżjali umana, preċedenti għal kwalunkwè oħra – bħala ambjent privileġġjat tal-edukazzjoni morali u reliġjuża: “Tgħallmu b’kull għerf; eżortizzaw b’mod reċiproku . . . u dak kollu li tagħmlu fi kliem u opri, kollox jitwettaq f’isem il-Mulej Ġesù”.
6. Din id-dejontoloġija familjari, deskritta mill-appostlu, ispirat, flimkien ma’ elementi oħra tar-rivelazzjoni u tal-maġisteru pontifiċju, id-diġa mfakkra eżortazzjoni Familiaris consortio, li propju fittxet li tagħti dawl fuq l-aspetti kollha differenti tal-familja, murija bħala komunjoni ta’ persuni: kemm għaliex hija, permezz tal-edukazzjoni tintroduċi l-persuna umana fl- ambitu tal-komunità tal-bnedmin, kif ukoll, u b’mod speċjali, gġaliex waqt li tieħu sehem fl-effettività feddejja tal-mewt u l- qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, “tikkostitwixxi l-post naturali li fl-intern tiegħu jitwettaq l-inseriment tal-persuna umana fil-familja kbira tal-Knisja” (cf. Ġwanni Pawlu II, Familiaris consortio, 15). Għalhekk huwa hawn li titnissel r-responsabiltà tad-dmirijiet propji tal-familja nisranija, li dwarhom jitkellem id-dokument fit-tielet parti: il-formazzjoni ta’ komunità ta’ persuni; is-servizz lill-ħajja fil-ftuħ totali u ferrieħ lill-proġett divin; is-sehem fl-iżvilupp tas-soċjetà ċivili bħala esperjenza ta’ komunjoni u ta’ korresponsabiltà fuq il-pjan ċivili, soċjali u politiku; u fl-aħħar, is-sehem tiegħu fil-ħajja u fil-missjoni tal-Knisja, fil-fehim dejjem iktar konvint tal-fatt li l-familja nisranija hija “komunità kredenti u evanelizzatriċi:, “komunità fi djalogu ma’ Alla” u “komunità għas-servizz tal-bniedem”.
7. Il -Vanġelu ta’ San Luqa ifakkarna ġrajja partikolari tal-istorja tal-Familja Mqaddsa ta’ Nażżaret. Din il-ġrajja seħħet meta Ġesù kellu tnax-il sena u l-ġenituri tiegħu kienu marru miegħu Ġerusalem għall-festa tal-Għid. Riġejn lura wara s-sollennità, huma jintebħu li Ġesù ma kienx magħhom. Meta, wara tfittxija ta’ tlett ijiem, isibuh fit-tempju u Marija tgħid lil Ġesù: “Ibni, għaliex għamiltilna hekk? Hekk hu. Missierek u jien, inkwetati, fittixnik” (Lq 2, 48).
It-tweġiba ta’ Ġesù tqanqal bosta ħsieb: “Għalfejn fittixtuni? Ma kontux tafu li jiena rrid nieħu ħsieb il-ħwejjeġ ta’ Missieri” (Lq 2, 49). Il-Vanġelu jżid li Marija u Ġużeppi “ma fehmux” dan il-kliem. Fl-istess ħin , dan il-kliem baqà stampat fil-memorja tal-Omm, bħal dak li spiss u bi profondità ikbar hija “kienet ikkonservat f’qalbha”.
Ġesù jitkellem dwar il-vokazzjoni tiegħu: dwar il-missjoni li l-Missier ċelesti kiteb sa mill-bidunett fin-natura kollha tiegħu divina-umana. Fit-tempju ta’ Ġerusalem kellu bħala l-ewwel aħbar ta’ dak li – wara l-magħmudija fil-Ġordan – Ġesù ta’ Nażżaret kellu imbagħad jagħmel dejjem. Ħabbar il-Vanħelu tas-saltna. Irrivela l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu Santu. Fil-verità ta’ din il-vokazzjoni, li tah il-Missier ċelesti, Ġesù mexa sas-salib, u bil-qawwa ta’ Alla, irxoxta.
8. Il-familja hija għal dan ukoll l-ambjent ewlieni u fundamentali li fih jiffjorixxi, jifforma u juri l-vokazzjoni nisranija. Bħalma l-vokazzjoni ta’ Ġesù wriet ruħha fil-familja ta’ Nażżaret, hekk kull vokazzjoni titwieled u turi ruħha, illum ukoll, fil-familja.
Il-familji ta’ żmienna jridu jkunu kuxjenti dejjem tal-missjoni ewlenija u nsostitwibli li rċivew mingħand Alla: jiffurmaw lil uliedhom sabiex jagħrfu l-post assenjat lil kull wieħed f’din id-dinja. Sabiex jagħrfu l-volazzjoni propja. Kull wieħed għandu missjoni x’jisvolġi, li ħadd ma jista jwettaq minfloku. Kull wieħed huwa msejjaħ: bħala mgħammed; bħala membru tal-Knisja, belt ta’ Alla; bħala membru tal-belt tal-bnedmin; bħala bennej tas-soċjetà f’komunjoni ma’ ħutu; bħala awtur tal-paċi; bħala xhud tal-imħabba ta’ Alla lill-bnedmin.
U meta din il-vokazzjoni ġenerali tirrivela ruħha bħala vokazzjoni partikolari biex “tħalli kollox” (Lq 5,11; cf. Mt 4, 20; Mk 1, 18) inkluż dak li l-iktar tħobb id-dinja, biex issegwi lil Kristu, fil-ħajja saċerdotali u reliġjuża, fid-donazzjoni missjunarja, fid-diversi ministeri lokali – ukoll hawn b’mod tant ammirevoli rappreżentati minn persuni li jixraqilhom kull tifħir li ġew minn kull parti tal-Pajjiż – allura l-familja nisranija tirrivela ruħha hawn ukoll, u b’mod speċjali hawn, bħala post privileġġjat fejn iż-żerriegħa mħollija taqà minn Alla fil-qlub tal-ulied tistà tifrex għeruqha u tikber; il-post fejn jirrivela ruħu fl-ogħla grad is-sehem tal-ġenituri fil-missjoni saċerdotali ta’ Kristu stess .
9. Il-vokazzjoni tmiss l-għeruq stess tar-ruħ umana. Hija sejħa nterna ta’ Alla ndirizzata lill-bnieden: lil dak il-bniedem uniku u rripetibli. Dwar il-vokazzjoni jikteb il-Profeta Ġeremija: “U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: qabel ma sawwartek fil-ġuf, għaraftek; qabel ma ħriġt minn guf ommok, ikkonsagrajtek, jiena qegħedtek Profeta fuq il-ġnus” (Ġer 1, 4-5).
“Qabel ma . . .”: il-proġett ta’ Alla fuq il-bniedem huwa qabel l-istess konċepiment fil-ġuf matern. Huwa etern. Dan il-proġett etern ta’ Alla huwa fl-oriġni ta’ kull vokazzjoni. Il-bniedem irid jiskoprih . . . u jiskoprih eżattament. Il-Profeta Ġeremija jixhed b’mod espliċitu li dan ma jitwettaqx mingħajr taqtigħat interni.
Il-bniedem – il-bniedem żagħżugħ – huwa koxjenti tad-dgħajfien tiegħu, irid jeħles minnu. Imma l-grazzja u l-qawwa ta’ Alla huma ferm ikbar mid-dgħajfien uman: “La tibżax . . .; imma mur għand dawk li jien nibagħtek u tgħid dak li nordnalek. La tibżax minnhom, għaliex jien miegħek biex neħilsek” (Ġer 1, 7-8).
10. Illum f’din il-belt ta’ Cuenca qegħdna l-altar tal-Knisja, tal-poplu ta’ Alla li jgħammar fl-artijiet tal-Ekwador. Fuq dan l-altar inwettqu s-sagrifiċċju ewkaristiku ta’ Ġesù Kristu, sors tal-għaqda meħtieġa. Tar-rgħajja bejniethom, tal-fidili mar-rgħajja tagħhom.
Ejjew nitolbu għall-familji kollha ta’ din l-art. Ejjew nitolbu għall-vokazzjonijiet: insara, saċerdotali, reliġjużi, maskili u femminili. Ejjew nitolbu, billi nqanqlu t-tifkiriet l-iktar qaddisa tal-familja ta’ Nażżaret. Fil-fatt il-familja hija l-ambjent li fih turi ruħha u tifforma l-vokazzjoni mixtieqa minn Alla.
Ejjew ngħajtu lil kulħadd bil-kliem tal-Appostlu tal-ġnus: “Il-kelma ta’ Kristu tgħammar fikom bir-rikkezza kollha tagħha”. Ilqgħu din il-kelma! Jalla hi tipproduċi l-frott ta’ ħajja nisranija! Jalla turi il-mixja tal-vokazzjoni.
“Faħħru lil Jaħwè, ġnus kollha”. Jalla l-poplu li jgħammar f’din l-art, waqt li jismà l-kelma ta’ Kristu, ifaħħar dejjem lil Alla: “Għaliex kbira hija mħabbtu għalina; il-lejaltà ta’ Jaħwè tibqa għal dejjem”. Amen.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb