Ġwanni Pawlu II fis-Santwarju ta’ Sidtna de la Alborada

VJAĠĠ APPOSTOLIKU Fil-VENEZUELA,
ECUADOR, PERÙ, TRINIDAD-TOBAGO
QUDDIESA FIS-SANTWARJU TA’ SIDTNA DE LA ALBORADA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Guayaquil (Ecuador) – Il-Ħamis, 31 ta’ Jannar 1985

Monsinjur Arċisqof, ħuti fl-episkopat, Awtoritajiet, għeżież ħuti,

1. Bil-ferħ ningħaqad magħkom biex nitlob quddiem l-Omm komuni f’dan it-tempju Marjan. Bil-kostruzzjoni riċenti tiegħu id-dijoċesi ta’ Guayaquil u l-arċisqof tagħha, li nsellimlu bi mħabba fraterna, riedu jħallu għal dawk li jiġu warajna tifkira viżibli tat-twelid tal-Verġni Marija.

Għażiltu għal dan is-santwarju l-isem suġġestiv ta’ Sidtna de la Alborada li jkellimna bi sbuħija simbolika tal-ewwel dawl li jħabbar il-jum, Marija, fil-fatt, hija d-dawl li jħabbar il-prossimità tax-xemx li waslet biex titwieled, li hija Kristu. Fejn hi Marija, mill-iktar fis jidher Kristu. Bil-preżenza mdawla u tiddi tagħha, il-Verġni santissma tfawwar b’dawl li jqajjem mill-ġdid il-fidi, iħejji t-tama u jkebbes il-karità. Min-naħa tagħha, hija hi unikament u xejn iktar minn rifless ta’ Ġesù Kristu. “O kewkba li titlà, glorja tad-dawl etern u xemx ta’ ġustizzja” (Liturġija tas=Sigħat, “Antifona tal-Magnificat”, 21 ta’ Diċembru): bħal sebħ, li mingħajr ix-xemx, ma jkunx dak li tassew hu.

Il-Papa Pawlu VI jgħallimna,  għeżież ħuti, li “fil-Verġni Marija kollox huwa riferut lil Kristu u kollox jiddependi mingħandu” (Pawlu VI, Marialis cultus, 25). Marija hija l-ewwel krejatura lluminata; illuminata wkoll qabel id-dehra viżibli tax-xemx. Għaliex Marija toħroġ mix-xemx tal-qdusija: “Min hi din li titlà bħal sebħ, sabiħa bħall-qamar, tiddi bħax-xemx?” (Ct 6, 10). Mhix ħaġ’oħra għajr il-ħolma l-kbira li tidher fis-sema: “Mara liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha u kuruna ta’ kwiekeb fuq rasha” (Ap 12, 1).

2. Fl-ewwel dwal tat-tama tagħna tidher diġa l-figura ta’ Marija Santissma: “Inqajjem ġlieda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u nisilha: hi tgħaffiġlek rasek” (Ġen 3, 15). Diġa f’dan il-kliem tidher l-intenzjoni divina li teleġġi l-Madonna bħala allejata fit-taqtiha kontra d-dnub u l-konsegwenzi tiegħu. Infatti, skont din il-profezija, mara determinanti kienet iddestinata li tkun l-istrument speċjalissmu ta’ Alla biex jissielet kontra d-demonju. Se tkun l-omm dik li tgħaffeġ ras l-għadu. Imma d-dixxendent tal-mara li jwettaq il-profezija mhuwiex sempliċi bniedem: huwa pjenament bniedem, iva, grazzi lill-mara li huwa iben tagħha; imma huwa wkoll fl-istess ħin, veru Alla. “Mingħajr intervent ta’ bniedem u bl-opra tal-Ispirtu Santu” (Lumen gentium, 63) Marija tat in-natura umana lill-Iben etern tal-Missier, li hekk isir ħuna.

Lejha tavanza l-istorja kollha tal-patt il-qadim. Hija hi t-twettiq perfett tal-“bqija qaddis ta’ Iżrael”: ta’ dawk il-“fqajra ta’ Jaħwè” li huma l-werrieta tal-wegħdiet messjaniċi u portaturi tat-tama tal-poplu ta’ Alla. Il-“fqajjar ta’ Jaħwè” huwa dak li jingħaqad b’qalbu kollha mal-Mulej, billi jobdi l-liġi tiegħu. Marija iżda “tiddistingwi ruħha fost l-umli u l-fqar tal-Mulej li jistennew b’fiduċja u jirċievu mingħandu s-salvazzjoni. Fl-aħħarnett, biha nfisha, bint sublimi ta’ Sijon, wara l-istennija twila tal-wegħda, titwettaq il-milja taż-żmimijiet” (Ivi, 55). F’Marija hija eżaltata l-ħajja tal-ġusti tat-Testment il-Qadim.

3. Marija, ħuti fl-episkopat u fidili kollha, hija l-krejatura li tirċievi b’mod speċjali r-raġġi tad-dawl feddej: “Effettivament, il-preservazzjoni ta’ Marija mid-dnub oriġinali, sa minn l-ewwel waqt tal-eżistenza tagħha, jirrapreżenta l-effett ewlieni u radikali tal-opra feddejja ta’ Kristu u jgħaqqad lill-Verġni, b’irbit intimu u indissolubli. L-inkarnazzjoni tal-Iben, li qabel ma twieled minnha, fdiha bil-mod l-iktar sublimi” (Ġwanni Pawlu II, Allocutio ad orationem Angelus, 8 dicembre 1983: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, VI/2 [1983] 1269).

Il-Kunċizzjoni Immakulata tagħha tagħmel minn Marija s-sinjal prekursur tal-umanità mifdija minn Kristu, f’li kienet ippriservata mid-dnub oriġinali li jolqot lill-bnedmin kollha sa minn l-ewwel waqtiet tal-ħajja, u li jħalli fil-qalb it-tendenza għar-ribelljoni kontra Alla. L-Immakulata Konċezzjoni ta’ Marija tfisser mela li hi hija l-ewwel mifduja, is-sebħ tal-fidwa u li għall-kumplament tal-bnedmin il-fidwa se tkun il-ħelsien mid-dnub.

4. Marija iżda, għeżież ħuti, mhix s-sebħ tal-fidwa tagħna bil-mod ta’ strument nieqes mis-saħħa u passiv. Fit-tbexbix tas-salvazzjoni tagħna tidwi t-tweġiba ħielsa tagħha, il-frott, l-iva bla kondizzjoni tagħha għall-kollaborazzjoni li Alla stenna minnha, bħalma jistenna mingħandna.

L-inizjattiva tas-salvazzjoni tappartieni bla dubju lit-Trinità Qaddisa. Il-verġinità perpetwa ta’ Marija korrisposta fedelment minn San Ġużepp, l-għarus verġinali tagħha, turi din il-prijorità ta’ Alla: Kristu bħala niedem, ikun konċeput mingħajr tagħrif ta’ raġel. Imma din l-istess verġinità, li tkompli fit-twelid u wara t-twelid, hija wkoll espressjoni tad-disponibiltà assoluta ta’ Marija għall-pjani ta’ Alla. It-tweġiba tagħha indikat waqt deċiżiv fl-istorja tal-umanità. Għalhekk l-insara jħobbu jirripetuha fit-talba ta’ kuljum tal-Angelus u jfittxu li jkollhom l-istess dispożizzjoni tal-qalb li spirat dak il-kliem: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni dak li għedtli” (Lq 1, 38).

Il-“fiat” ferrieħi ta’ Marija jixhed il-libertà interna tagħha, il-fiduċja tagħha u s-serenità tagħha. Ma kinitx taf kif kienu se jseħħu konkretament il-pjani tal-Mulej. Imma bogħod mill-biżà u t-twerwir, tidher libera sovranament u disponibli. L-“ìva” tagħha fl-Annunzjazzjoni, fissret kemm l-aċċettazzjoni tal-maternità li kienet proposta lilha kif ukoll l-impenn tagħha fil-misteru tal-fidwa. Din kienet l-opra ta’ Binha. Imma s-sehem ta’ Marija kien rejali u effettiv. Fl-għoti tal-kunsens tagħha għall-messaġġ tal-Anġlu, Marija aċċettat li tikkollabora fl-opra kollha tar-rikonċiljazzjoni tal-umanità ma’ Alla. Tattwa koxjentement u bla ma tagħmel kondizzjonijiet. Turi ruħha disposta għas-servizz li Alla jitlobha.

Għeżież ħuti. Aħna għandna f’Marija il-mudell u l-gwida għall-mixja tagħna. Naf li hawn preżenti grupp numeruż ta’ żgħażagħ li jridu jgħixu b’mod ġeneruż ħajjithom nisranija. Lilkom, żgħażagħ ta’ Guayaquil, nagħti l-inkuraġġiment tiegħi biex tippreservaw, bħal Marija, atteġġjament ta’ ftuħ totali lil Alla. Ippreservaw, bħalha, ħarsitkom fissa lil Alla qaddis, li huwa dejjem qrib tagħkom b’mod misterjuż. Ikkontemplaw dan Alla qrib, Kristu li jgħaddi qribkom tant drabi. Tgħallmu għidu: “Ħa jsir minni dak li għedtli”. U tgħallmu għiduh b’mod sħiħ, bħal Marija: bla riservi, bla biżà tal-impenji definittivi u rrevokabli. Bl-istess atteġjament ta’ disponibiltà nisranija – ukoll jekk impenjattiv – li ndikajt il-bieraħ fi Quito liż-żgħażagħ tal-Ekwador, u allura lilkom ukoll.

5. Marija timxi quddiemna u tikkumpanjana. L-itinerarju sieket li jibda bl-Immakulata Konċezzjoni tagħha u jgħaddi mill-“iva” ta’ Nażżaret, li jirrendiha Omm Alla, isib fuq il-Kalvarju waqt partikolarment importanti. Ukoll hemm, waqt li taċċetta u tassisti għas-sagrifiċċju ta’ Binha, Marija hija s-sebħ tal-fidwa; u hemm Binha jagħtihielna bħala Omm,. “L-Omm ħarset b’għajnejn ta’ ħniena lejn il-pjagi tal-Iben , li minnhom kienet taf li kellha tiġi l-fidwa tad-dinja (Sant’Ambrogio, De institutione virginis, 49). Spiritwalment imsallba mal-Iben imsallab  (cf. Gal 2, 20), kienet tikkontempla bi mħabba erojka l-mewt ta’ Alla tagħha “billi tippermetti is-sagrifiċċju tal-vittma li hi stess kienet iġġenerat” (Lumen gentium, 58). Twettaq ir-rieda tal- Missier favur tagħna u tilqana lkoll bħala wlied, bis-saħħa tat-testment ta’ Kristu: :“Mara, hawn hu ibnek” (Ġw 19, 26).

“”Hawn hi Ommok”, qal Ġesù lil SanĠwann; “u minn dak il-waqt id-dixxiplu ħadha għandu” (Ġw 19, 27). Id-dixxiplu maħbub laqà lill-Verġni Omm bħala d-dawl tiegħu, bħala t-teżor tiegħu, bħala d-don l-iktar mixtieq, mirgħut mingħand il-Mulej fil-waqt tal-mewt. Id-don tal-Omm kien l-aħħar li huwa għamel lill-umanità qabel ma temm is-sagrifiċċju tiegħu. Id-don mogħti lilna.

Imma l-maternità ta’ Marija mhix biss individwali. Għandha valur kollettiv li juri ruħu fit-titolu ta’ Omm il-Knisja, Effettivament, fuq il-Kalvarju, hija ingħaqdet fis-sagrifiċċju tal-Iben li xaqleb lejn il-fondazzjoni tal-Knisja; qalbha materna qablet sal-qiegħ mar-rieda ta’ Kristu biex “tgħaqqad flimkien l-ulied kollha ta’ Alla li kienu mferrxa” (Ġw 11, 52). Billi kienet sofriet għall-Knisja, Marija mmeritat li ssir l-Omm tad-dixxipli kollha ta’ Binha, l-Omm tal-għaqda tagħha. Billi sofriet għall-Knisja, Marija mmeritat li ssir Omm tal-insara kollha,  Għalhekk il-Konċilju jgħid li “il-Knisja istruwita mill-Ispirtu Santu, tqimha bħala Omm l-iktar maħbuba bi mħabba filjali” (Lumen gentium, 53). Madre della Chiesa! Madre di noi tutti!

6. Il-Vanġeli ma jgħidulna xejn dwar dehra ta’ Ġesù rxuxtat lil Marija. B’danakollu, ladarba hija kienet b’mod speċjali qrib is-salib tal-Iben, kellu jkollha wkoll esperjenza privileġġata tal-qawmien mill-imwiet tiegħu. Effettivament l-irwol korredentur ta’ Marija ma ntemmx bil-glorifikazzjoni tal-Iben, Il-Pentekoste ikellimna dwar il-preżenza ta’ Marija fil-Knisja naxxenti: preżenza oranti fil-Knisja apostolika u fil-Knisja taż-żminijiet kollha. Ladarba hija hi – is-sebħ – fost il-fidili, ladarba hija l-Omm, issostni t-talb komuni. Kif diġa wissewna s-santi padri tal-Knisja, din il-preżenza tal-Verġni hija sinifikattiva: “Ma nistgħux nitkellmu dwar Knisja jekk mhix preżenti Marija, Omm il-Mulej, flimkien ma’ ħutu” (cf. S. Cromazio di Aquileia, Sermo XXX, 7: S. CH. 164, p. 134; Paolo VI, Marialis cultus, 28).

Minħabba dan, kif fakkart jien kważi sentejn ilu, f’dan l-istess kontinent, “sa mit-tbexbix tal-fidi u f’kull stadju tal-predikazzjoni tal-Vanġelu, fit-twelid ta’ kull Knisja partikolari, il-Verġni tokkupa il-post li ħaqqha bħala Omm tal-imitaturi ta’ Ġesù, li jikkostitwixxu l-Knisja” (Ġwanni Pawlu II, Allocutio in Sanctuario Mariano vulgo dictu “Suyapa”, 2, 8 marzo 1983: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, VI/1 [1983] 649). Iva, Marija hija preżenti fil-mixja tagħna.

7. Marija tkompli tkun is-sebħ tagħna, l-ewwel frott tagħna, it-tama tagħna. Matul ħajjitha fuq l-art kienet sinjal u kaparra tal-ġid futur; issa, igglorifikata flimkien ma’ Kristu Mulej, hija xbiha u twettiq tas-saltna ta’ Alla, Lejha ssejħilna, fiha tistennina.

Kienet l-ewwel li segwiet lil Kristu, “il-kbir fost ħafna aħwa” (cf. Kol 1, 18). Imtella fis-sema bil-ġisem u bir-ruħ, hija l-ewwel li wirtet pjenament il-glorja. U din il-glorifikazzjoni ta’ Marija hija l-konferma tat-tamiet ta’ kull membru tal-Knisja: “Miegħu (ma’ Kristu) irxuxtana u qegħdna miegħu fis-smewwiet” (Ef 2, 6). It-Tlugħ ta’ Marija fis-sema juri l-ġejjieni definittiv li Kristu ħejja għalina, il-mifdijin.

8. Mill-banda l-oħra, għeżież ħuti, Marija glorjuża fis-sema tkompli twettaq il-missjoni materna tagħha. Tkompli tkun Omm Kristu u Ommna, tal-Knisja kollha li għandha f’Marija l-ewwel mudell (il-prototip) tal-maternità tagħha.

Marija u l-Knisja huma tempji ħajjin, santwarji u strumenti li permezz tagħhom juri ruħu l-Ispirtu Santu. Jiġġeneraw b’mod verġinali l-istess Salvatur: Marija tagħti l-ħajja f’ġufha u tiġġeneraha verġinalment; il-Knisja tagħti l-ħajja fl-ilma tal-Magħmudija, fis-sagramenti u fix-xandir tal-fidi, billi tiġġeneraha fil-qalb tal-fidili. Il-Knisja temmen li l-Verġni Santissma, imtellà fis-sema, tinsab qrib Kristu, dejjem ħaj biex jinterċedi għalina (cf. Lh 7, 25), u li għall-medjazzjoni divina tal-Iben tingħaqad s-supplika bla tmiem tal-Omm favur il-bnedmin, uliedha.

Marija hija sebħ, u s-sebħ iħabbar infallibilment il-miġja tax-xemx. Għalhekk nirrakkomandalkom, ħuti kollha Ekwadorjani, li tqimu bi mħabba profonda u biex tirrikorru għand l-Omm ta’ Kristu u tal-Knisja, l-“Omnipotenza supplikanti” (“omnipotentia supplex”) sabiex twassalna kuljum iktar għand Kristu, Binha u medjatur tagħna.

9. Lilha issa nirrakkomanda l-persuni tagħkom, l-intenzjonijiet tagħkom u dawk ta’ kull iben tal-Ekwador. Nirrakkomandalha l-protezzjoni tal-familji tagħkom. Tal-ulied li jinsabu fil-ġuf matern. Tal-krejaturi li jiftħu għajnejhom għal din id-dinja. Nirrakkomandalha l-ideali taż-żgħażagħ tagħkom: ideali li jkunu realtà ferrieħa ta’ servizz lil Alla u lill-umanità, jekk jieħdu bħala mudell il-ġenerożità tal-Verġni Santissma. Nirrakkomandalha ix-xogħol ta’ jdejkom u tal-intelliġenza tagħkom, Nirrakkomandalha l-inżul ix-xemx seren tal-anzjani u tal-morda tagħkom. Jalla l-preżenza materna ta’ Santa Marija, bint Alla l-Missier, omm Alla,, bint u għarusa tal-Ispirtu Santu, tkun għal kulħadd sebħ ta’ Alla. Amen.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading