Thomas Merton. Vuċi profetika għall-Knisja ta’ żmienna

Ħafna minna forsi qatt ma semgħu b’Thomas Merton, madankollu, kien wieħed mill-aktar kittieba u mistiċi kattoliċi influwenti tas-seklu għoxrin. Il-ħajja u l-kitbiet tiegħu għadhom illum jispiraw saċerdoti, reliġjużi u lajċi li qed ifittxu relazzjoni aktar profonda ma’ Alla.

Thomas Merton (1915–1968) kien patri Trappista fl-Abbazija ta’ Gethsemani, fl-Istati Uniti. Minkejja li għex ħajja ta’ silenzju u talb, il-vuċi tiegħu laħqet miljuni ta’ nies madwar id-dinja. L-awtobijografija tiegħu, The Seven Storey Mountain, wasslet lil ħafna biex jerġgħu jiskopru s-sbuħija tat-twemmin nisrani u tas-sejħa universali għall-qdusija.

Il-qalba tal-messaġġ tiegħu kien wieħed sempliċi iżda profonda. Alla jinsab aktar qrib tagħna milli naħsbu, iżda ħafna drabi tant inkunu imħabbtin bl-istorbju ta’ madwarna, ix-xogħol u t-tħassib tal-ħajja li ma nagħtuhx ċans biex ikellimna. Għalhekk Merton enfasizza l-importanza tas-silenzju, tat-talb u tal-kontemplazzjoni. Għalih, it-talb ma kienx biss li ngħidu kliem lil Alla, iżda li nitgħallmu nkunu fil-preżenza tiegħu u nħalluh jibdilna minn ġewwa.

Fl-istess ħin, Merton ma kienx jaħrab mir-realtà tad-dinja. Kien jitkellem b’kuraġġ dwar il-paċi, il-ġustizzja, id-dinjità tal-bniedem u l-imħabba lejn kull persuna maħluqa fuq ix-xbieha ta’ Alla. Kien jemmen li aktar ma persuna tersaq lejn Kristu fit-talb, aktar issir kapaċi tħobb u taqdi lill-oħrajn.

Waħda mill-isbaħ riflessjonijiet tiegħu tfakkarna li l-għaqda tagħna tibda f’Alla, Missier wieħed ta’ kulħadd. “Aħna diġà ħaġa waħda, imma dan mhux dejjem nagħrfuh. Dak li rridu niskopru hu li aħna tassew ħaġa waħda.” – “We are already one. But we imagine that we are not. And what we have to recover is our original unity.” The Asian Journal of Thomas Merton. New Directions Publishing, 1973, ippubblikat wara mewtu.

Illum, f’dinja mimlija ħsejjes, distrazzjonijiet u inċertezzi, il-kitbiet ta’ Thomas Merton jibqgħu relevanti. Huma jistednuna nieqfu għal ftit, nisimgħu l-vuċi ta’ Alla fil-fond ta’ qalbna, u nħallu lill-Ispirtu s-Santu jmexxina lejn ħajja aktar awtentika ta’ dixxipulat.

Forsi din hija r-raġuni għaliex tant nies għadhom jaqraw lil Merton sal-lum. Hu ma joffrix soluzzjonijiet faċli, iżda jistedinna għal laqgħa personali ma’ Kristu li huwa l-għajn ta’ kull paċi, kull verità u kull ferħ.

Thomas Merton u t-Tradizzjoni Mistika tal-Knisja

Fil-bidu ta’ dan l-artiklu stqarrejt kif hemm bosta li forsi qatt ma semgħu b’Thomas Merton. Mill-banda l-oħra ninsab ċert li hemm oħrajn li minkejja li ġieli semgħu bih, madankollu għalihom Thomas Merton, kien sempliċement kittieb jew monaku magħruf. Iżda Merton kien ħafna aktar minn hekk. Hu kien raġel li ddedika ħajtu biex ifittex lil Alla fil-fond tas-skiet, tat-talb u tal-kontemplazzjoni. F’dan il-mod, huwa ma kienx qed jiskopri xi triq ġdida, iżda kien qed jimxi fuq il-passi ta’ tant qaddisin mistiċi kbar.

Fi żmienu bosta kienu jaħsbu li l-qdusija kienet sejħa riservata biss għall-ftit, l-aktar fost is-saċerdoti u r-reliġjużi. Imma huwa kien jemmen li kullħadd huwa msejjaħ għall-qdusija u li din mhijiex sejħa riservata għar-reliġjużi biss, iżda għal kull wieħed u kull waħda minna. Din is-sejħa universali għall-qdusija kienet ġiet konfermata b’qawwa u insistenmza mit-tagħlim tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II.

Meta naqraw il-kitbiet ta’ Merton, insibu fihom eku qawwi ta’ qaddisin kbar bhal Santu Wistin, li fil-Ktieb tal-Istqarrijiet kiteb: “Oh Alla, inti għamiltna għalik u qalbna tibqa’ bla mistrieħ sakemm tistrieħ fik.” (Lib 1,1-2,2.5,5: CSEL 33, 1-5)   Merton ukoll kien konvint li l-bniedem qatt ma jsib il-paċi vera jekk ma jsibx lil Alla. Ħafna mit-tbatijiet tagħna ġejjin mill-fatt li nfittxu l-hena f’affarijiet li ma jistgħux jimlewlna qalbna.

F’Thomas Merton nisimgħu wkoll il-vuċi ta’ San Ġwann tas-Salib, li għallimna li Alla jiltaqa’ magħna fis-skiet u fil-purifikazzjoni tal-qalb. Għal Merton, is-skiet ma kienx sempliċement nuqqas ta’ storbju. Kien spazju fejn Alla seta’ jitkellem u fejn il-bniedem seta’ jiskopri min hu tassew meta jkun fil-preżenza tal-Mulej.

Il-kitbiet ta’ Merton ifakkruna wkoll f’Santa Tereża ta’ Ávila, li ddeskriviet ir-ruħ bħala “Kastell Interjuri” fejn jgħammar Alla. Merton kien iħeġġiġna nidħlu f’dan il-“kastell” permezz tat-talb, mhux biex naħarbu mid-dinja, iżda biex noħorġu minn ġo fih b’imħabba akbar lejn Alla u lejn il-proxxmu.

Merton kien ukoll iben fidil tal-Ordni Ċisterċensja, li tgħix skont ir-Regola ta’ San Benedittu. Il-motto Benedittin Ora et Labora – “Itlob u Aħdem” – jidher b’mod prattiku fil-ħajja kollha tiegħu. Hu wriena li t-talb u x-xogħol, il-kontemplazzjoni u s-servizz, mhumiex opposti, iżda jsaħħu lil xulxin.

Spiss, Merton jiġi mfakkar ukoll għad-djalogu tiegħu ma’ reliġjonijiet oħra. Huwa importanti nifhmu dan fid-dawl tal-fidi tiegħu. Hu qatt ma ċaħad lil Kristu jew lill-Knisja. Kien jemmen li kull djalogu għandu jibda minn identità nisranija soda u minn imħabba lejn il-verità. Kif wara kollox għallem ukoll il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, il-Knisja tista’ tidħol fi djalogu ma’ kulħadd mingħajr ma titlef il-fedeltà tagħha lejn Kristu.

Illum ngħixu f’dinja mimlija ħsejjes, ġiri u distrazzjonijiet. Merton ifakkarna li l-ewwel ħaġa li għandna bżonn mhijiex aktar attività “għal Alla”, iżda aktar intimità ma’ Alla. Meta nħallu lil Kristu jsaltan fil-qalb tagħna, nibdew naraw lill-oħrajn b’għajnejn ġodda u naqduhom b’imħabba akbar.

Il-messaġġ tiegħu jista’ jinġabar fi tliet stediniet sempliċi …

  • Agħmel spazju għas-skiet quddiem Alla.
  • Ħalli t-talb ibiddel qalbek qabel ma inti tipprova tbiddel id-dinja.
  • Sib lil Kristu fil-fond ta’ qalbek u mbagħad agħrafu f’kull persuna li tiltaqa’ magħha.

Fl-aħħar mill-aħħar, Thomas Merton ma riedx li nammiraw lilu, iżda li nersqu eqreb lejn Kristu. U forsi din hija l-akbar wirt li ħallielna: li jfakkarna li l-kontemplazzjoni mhijiex privileġġ tal-ftit, iżda sejħa għal kull nisrani li jixtieq jgħix l-Evanġelju fil-fond u bil-ferħ ta’ qalbu.

8 ta’ Lulju 2025

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?