Id-Dekadenza u l-Waqgħa tal-Imperu Ruman – 1

Mill-istorja tal-Knisja Nisranija. Kitba ta’ Joe Galea (29)

Il-bidu u t-tmiem

Fil-bidunett ta’ din is-serje dwar ‘il-Knisja u l-Imperu’ rajna l-oriġini u kif evolva tal-Imperu Ruman hekk kif beda madwar is-sena 625 q.K. Kienet epoka f’medda ta’ 1100 sena li matulhom l-Imperu rebaħ u integra diversi kulturi. Niftakru li l-istorja tal-Imperu Ruman tinqasam fi tliet perjodi distinti:

  • Il-perjodu tar-Rejiet (625-510 q.K.),

(2) Ruma Republika (510-31 q.K.) u

(3) Ruma Imperjali (31 qK – 476 w.K).

Dwar dawn it-tliet stadji tista’ tara l-ewwel parti ta’ din is-serje li tispjega kif mill-perjodu tar-Rejiet Ruma għaddiet għal Imperu. Hawnhekk se naraw dwar id-dekadenza u l-l-waqgħa tal-Imperu fl-476 w.K.

Ir-rebbieħ mirbuħ

Il-belt ta’ Ruma, li għal 800 sena iddominat l-istorja, ġiet mirbuħa mill-Goti. Kollox beda mill-Imperatur Teodosius l-Kbir, li kien qed jgħix komdu fil-belt ta’ Ravenna. Wara l-battalja ta’ Adrianopoli, Theodosius ħadem sħiħ biex isewwi l-ħsara, għalkemm ftit kien fadallu biex jagħmel dan.

Il-Goti

Il-Goti kienu tribù Ġermanika li kkonvertew għall-Kristjanità Arjana minn Ulfilias. Ulfilias, li twieled madwar is-sena 300, kien Isqof tal-Goti, magħruf li vvinta l-alfabet Gotiku u ttraduċa l-Bibbja għal din il-lingwa. Ħalla barra l-Kotba tas-Slaten, forsi biex ma jinkuraġġix lill-Goti għat-taqbid. Ulfilias kien involut fit-tagħlim Arjan, li l-Iben hu bħall-Missier imma mhux tal-istess natura.

Tard fit-3 seklu l-Ġoti mxew lejn il-Punent għat-territorju Ruman, minħabba li kienu qed jiġu mressqa fil-Lvant mill-Unni. Lejn it-378, l-Imperatur tal-Lvant, Valens, kien stieden lil uħud minnhom biex jiġu joqogħdu fil-provinċji tal-fruntiera li kienu nieqsa min-nies. Meta kienu ħafna li ġew, ir-riżultat kien il-ġugħ, li l-awtorità Rumana m’għamlet xejn biex ittaffih. Il-Goti rribellaw u rebħu l-battalja ta’ Adrianopoli, li tkellimna dwarha f’parti oħra ta’ din is-serje.

Erba’ snin wara, il-Goti u r-Rumani ffirmaw trattat ta’ paċi, meta deher li Teodosius kien ġeneral b’ħila li jżomm lill-Goti milli jagħmlu xi progress. Teodosius tahom termini tajbin, l-aktar li jingħataw stat awtonomu fil-fruntieri Rumani. Dan sar bħala ħlas lill-Goti talli ġenerali minn tagħhom daħlu jservu fl-armata Rumana. Ir-Rumani kienu abbandunaw artijiet f’ħafna fruntieri għaliex kienu qed jiġu mirbuħa b’mod mgħaġġel minn tribujiet barbari.

Din kienet logħba perikoluża. Teodosius kien qed jistrieħ fuq barbari biex jiddefendi l-fruntieri Rumani minn barbari. Ħaseb li jista’ jżommhom taħt kontroll b’sistema ta’ wegħdiet sbieħ li offrielhom u li ħadmet tajjeb sakemm kien imexxi Teodosju, u kollox deher li ġie għan-normal. L-Imperu Ruman kien xi ftit tellief imma mhux minsus, u n-nies setgħu mill-ġdid jivvjaġġaw minn tarf għall-ieħor fl-Imperu mingħajr ma jibżgħu minn vjolenza li setgħu jiltaqgħu magħha fi triqthom.

Il-pellegrinaġġi lejn l-Art Imqaddsa kienu popolari u fis-sgur. Hemm rakkont dwar mara jisimha Egeria, li żaret l-Art Imqaddsa madwar it-384. Rat il-knisja tat-Twelid f’Betlem u l-postijiet qaddisa ta’ Ġerusalemm, li kienu mżejna bi knejjes biex jilqgħu lil folol ta’ pellegrini. Egeria baqgħet imsemmija bħala pellegrina magħrufa li żammet djarju ta’ vjaġġi u hi waħda mix-xhieda tal-bidu ta’ qima tal-Insara f’Ġerusalemm.

Hawn deher li l-Knisja Nisranija u l-Imperu kienu b’saħħithom. Mara setgħet tagħmel vjaġġ għall-Palestina u tikteb dwaru, indikazzjoni ta’ kemm l-istatus tan-nisa kien inbidel sa minn żmien pagan, u wkoll indikazzjoni ta’ kemm in-nies ħassewhom sguri taħt Teodosju. Il-politika tiegħu li jqiegħed barbari f‘territorju vojt Ruman kien qed jaħdem tajjeb. Il-barbari ffurmaw wesgħat ta’ difiża fil-fruntieri u l-art mitluqa mill-ġdid bdiet tipproduċi l-ħxejjex u l-frott. Sakemm baqa’ Teodosju, kollox kien miexi ħarir.

Ġara li kif ma kienx mistenni hekk malajr, l-Imperatur Teodosius miet fit-395. Ħalla l-Imperu liż-żewġ uliedu, lil Arcadius fil-Lvant u lil Honorius fil-Punent. U hawn deher minnufih li Theodosius ma kienx tajjeb biex irabbi l-ulied.

Joe Galea

One thought on “Id-Dekadenza u l-Waqgħa tal-Imperu Ruman – 1”

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading