Il-Mirakli Ewkaristiċi (105)
minn Manwel Cutajar
Il-Mirakli Ewkaristiċi fit-tagħlim tal-Missirijiet tal-Knisja u tad-Dutturi tal-Knisja Kattolika (1)
Il-Missirijiet tal-Knisja dwar l-Ewkaristija (1)
It-tagħlim Kattoliku tal-Missirijiet tal-Knisja dwar il-Mirakli Ewkaristiċi jenfasizzahom bħala sinjali fiżiċi straordinarji, mogħtija minn Alla, li jikkonfermaw id-Domma tal-Fidi tat-Transubstanzjazzjoni—id-Duttrina li l-ħobż u l-inbid fundamentalment isiru tabilħaqq u realment l-Ġisem u d-Demm ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Il-Mirakli Ewkaristiċi huma kkunsidrati bħala difiżi tanġibbli u viżibbli tal-Preżenza Reali meta l-fidi umana fl-Ewkaristija Divina tkun fi kriżi, jew tibda tiddgħajjef.
Il-Missirijiet tal-Knisja (bil-Latin Sancti Ecclesiae Patres
jew kif insejħulhom ukoll is-Santi Padri) ma kitbux trattati separati espliċitament dwar “Mirakli Ewkaristiċi“ fis-sens ta’ Ostji kkonsagrati li jnixxu d-Demm eċċ. iżda huma ttrattaw l-Ewkaristija nnifisha bħala realtà kontinwa u mirakoluża. Fit-tagħlim tagħhom, il-ħobż u l-inbid ikkonsagrati waqt il-Quddiesa jsiru realment u sostanzjalment il-Ġisem u d-Demm ta’ Sidna Ġesù Kristu, bir-Ruħ u d-Divinità Tiegħu.
L-Era Patristika
Il-Missirijiet tal-Knisja bikrija ddefendew b’mod konsistenti l-Preżenza reali ta’ Ġesù Kristu fl-Ewkaristija, u spiss irreferaw għal manifestazzjonijiet mirakolużi biex jaġixxu kontra n-nuqqas ta’ Fidi fl-Ewkarisitija Divina f’diversi epoki u sitwazzjonijiet varji fl-Istorja tal-Kristjaneżmu fid-dinja.
L-Eqdem Tagħlim Patristiku dwar l-Ewkaristija
It-testi fundamentali mill-aħħar tal-ewwel seklu u l-bidu tat-tieni seklu jaffermaw id-Duttrina li l-ħobż u l-inbid ikkonsagrati huma l-Ġisem u d-Demm reali ta’ Ġesù Kristu, u mhux simboli.
Għaliex il-Mirakli Fiżiċi Ma Ġewx Enfasizzati
L-istudjużi tal-Knisja jinnutaw li l-ewwel Padri ma kinux jeħtieġu Ostji Kkonsagrati mdemmija biex jivvalidaw il-Miraklu Ewkaristiku. Il-fidi tagħhom kienet msejsa fuq il-kliem ta’ Ġesù Kristu (Vanġelju ta’ San Ġwanni Kap.6) u t-tradizzjoni Appostolika.
Il-Mirakli Ewkaristiċi fiżiċi (bħal dawk studjati sekli wara) qamu aktar tard primarjament bħala sinjali okkażjonali biex isaħħu l-fidi ta’ komunità Nisranija.
● Id-Didache spiss imsejjaħ it-“Tagħlim tat-Tnax-il Appostlu,” (Dokument fundamentali Kristjan tal-aħħar tal-ewwel seklu jew tal-bidu tat-tieni seklu) iqis l-Ewkaristija bħala Ikla Sagra komunitarja, Sagrifiċċju pur u ikla ta’ radd il-ħajr ferrieħa. Jipprovdi l-eqdem istruzzjonijiet liturġiċi magħrufa barra mit-Testment il-Ġdid, u jenfasizza n-nutriment spiritwali, l-għaqda komunali, l-indiema,u kundizzjonijiet meħtieġa u stretti għall-parteċipazzjoni tal-Insara fit-Tqarbin.
Il-Kapitolu 14 jirreferi espliċitament għall-Ewkaristija tal-Ħadd bħala “sagrifiċċju pur” ( Malakija 1:11).
● Il-Papa San Klement ta’ Ruma (ċ 35- 101 AD – Papa mill-88-ċ 99 AD): Meta kiteb l-Ittra tiegħu lill-Korintin, dan ir-raba’ Papa tal-Knisja Kattolika enfasizza li l-Ewkaristija hija l-offerta Xierqa u bla tebgħa tal-Knisja Kattolika, li tistabbilixxi kontinwità bla interruzzjoni mas-Saċerdozju Levitiku u s-Sagrifiċċju aħħari ta’ Sidna Ġesù Kristu.
● San Injazju ta’ Antijokja ( ċ.35- 107 AD): Dixxiplu dirett tal-Appostlu Ġwanni, wissa espliċitament lill-segwaċi tiegħu, l-Ewwel Insara u Kattoliċi, dwar l-eretiċi (id-Doċetisti) li ċaħdu r-realtà korporali ta’ Ġesù Kristu. Huwa kiteb fl- Ittra tiegħu lill-Ismirnjani: “Huma [l-eretiċi] jastjenu mill-Ewkaristija u mit-talb, għax ma jistqarrux li l-Ewkaristija hija l-Ġisem tas-Salvatur tagħna Ġesù, Ġisem li bata għal dnubietna u li dak il-Missier, fit-tjubija tiegħu, qajjem mill-imwiet”.(Ittra lill-Ismirnjani 7:1).
- San Injazju enfasizza wkoll l-Ewkaristija bħala “Ġisem wieħed ta’ Ġesù “ fl-Ittra tiegħu lill-Filadelfjani.
● San Ġustinu Martri (ċ.100-165 AD): Meta ddefenda l-fidi lir-Rumani, kiteb li l-elementi kkonsagrati “mhumiex ħobż komuni u lanqas xorb komuni” iżda huma l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù magħmul bniedem.
● San Irenew ta’ Lyons (ċ.130-202 AD): Huwa rabat l-Ewkaristija direttament mar-realtà tal-Qawmien mill-Imwiet, billi għallem li l-ħobż u l-inbid, wara li jirċievu l-Kelma t’Alla, “isiru l-Ewkaristija, li hija l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù Kristu.”
● San Ċirillu ta’ Ġerusalemm (ċ.313–386 AD): Fil-Lezzjonijiet Kateketiċi tiegħu, huwa enfasizza li l-elementi kkonsagrati mhumiex sempliċiment ħobż u nbid, iżda l-Ġisem u d-Demm reali u attwali ta’ Kristu, billi uża s-sensi biex jiggwida l-fidi: “Tqisux il-ħobż u l-inbid bħala sempliċement elementi naturali, għax huma, skont id-dikjarazzjoni tal-Mulej, il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu.”
- Huwa ta struzzjonijiet espliċiti lill-fidili:“Ladarba Hu stess, Kristu Nnifsu, iddikjara u qal dwar il-Ħobż: ‘Dan hu Ġismi,’ min se jissogra jiddubita aktar?” (Lezzjonijiet Kateketiċi 22:1)
● Sant’Ambroġju ta’ Milan (ċ.340–397AD):Fit-trattat tiegħu De Sacramentis, argumenta b’mod tant sabiħ li jekk il-Kelma t’Alla setgħet toħloq l-univers mix-xejn, żgur li setgħet tbiddel is-sustanza tal-elementi eżistenti, billi tinvoka l-qawwa profetika tar-Rieda Kreattiva ta’ Alla..
● Santu Wistin ta’ Ippona (ċ.354-430 AD) :Huwa sintetizza l-Misteru Ewkaristiku billi fakkar lill-Insara biex “ma jqisux il-ħobż u l-inbid sempliċement bħala dak li jidhru li huma,iżda bħala l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù Kristu.“ (Sermone 272)
Għas-Santi Padri, il-liturġija hija Trasformazzjoni mirakoluża, jew Transubstanzjazzjoni, fejn Alla jakkomoda Lilu Nnifsu għas-sensi tagħna billi jaħbi l-Preżenza vera Tiegħu fil-forma ta’ ħobż u nbid.
Il-Missirijiet tad-Deżert (ċ. Sekli 4–5 AD)
Rakkonti monastiċi bikrin jagħtu dettalji dwar xi wħud mill-ewwel sinjali ddokumentati ta’ laħam jew demm viżibbli, speċifikament immirati biex jegħlbu d-dubji tal-patrijiet li kienu qed jitħabtu fil-fidi tagħhom dwar il-Preżenza reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija.
Il-miraklu Ewkaristiku fi Skete (Wadi el-Natrun tal-lum, fl-Eġittu), li tinsab fid-Delta tan-Nil tal-Majjistral, huwa wieħed mill-eqdem ġrajjiet Ewkaristiċi ddokumentat tat-tip tagħhom li joriġinaw mill-era tal-Padri tad-Deżert li tmur lura għas-seklu 4–6 AD fost il-Missirijiet tad-Deżert fl-Eġittu.
Skont ir-rakkonti tal-Missirijiet tad-Deżert ( Apophthegmata Patrum) bil-Griegἀποφθέγματα τῶν πατέρων, (li bil-Malti tfisser “li tgħajjat, isejjaħ; Pater, Missier”), huġabra ta’ aktar minn 2,500 storja qasira u qwiel mill-Missirijiet, monaċi, tad-deżert li kienu jgħixu fid-deżert tal-Eġittu, fir-raba’ sas-sitt seklu AD.
l-Missirijiet tad-Deżert:
Filwaqt li l-Padri ma kinux jitkellmu dwar l-Ostji kkonsagrat jnixxu d-demm, il-monastiċi axxetiċi bikrin, bħall-Padri tad-Deżert fl-Eġittu tas-seklu 4, irreġistraw xi wħud mill-ewwel “Mirakli” Ewkaristiċi fiżiċi.
Huma għaddew stejjer ta’ monaċi li esperjenzaw dehriet mirakolużi waqt il-Quddiesa. Dawn ir-rakkonti tipikament kienu jinvolvu patrijiet li inizjalment kien jiddubitaw mill-Preżenza Reali ta’ Sidna Ġesù Kristu fl-Ewkaristija Divina, u wasslu lil Alla biex jirrivela momentarjament l-Ostja kkonsagrata bħala laħam tnixxi jew tifel jiddi, u b’hekk jikkonferma t-tagħlim tal-Knisja Kattolika.
Rakkonti monastiċi Eġizzjani bikrin jagħtu dettalji dwar każ magħruf ħafna fejn il-patrijiet talbu lil Alla għal ħuhom patri li kien qed jitħabat mad-dubji kontinwi tiegħu dwar il-Preżenza Reali ta Sidna Ġesu Kristu fl-Ewkaristija.:
Il-Miraklu Ewkaristiku ta’ Skete, fl-Eġittu–fit-Tielet Seklu
Meta patri kellu dubji dwar il-Preżenza Reali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija, żewġ patrijiet sħabu talbu lil Alla biex isaħħaħ il-fidi tiegħu fl-Ewkaristija Mqaddsa.
- Ġimgħa wara, waqt il-quddies tal-Ħadd, meta dal-patri qal il-kliem tal-Konsagrazzjoni fuq l-Ostja Ewkaristika f’idejh dehret tarbija minflok l-Ostja Ikkonsagrata. Kien ċar għall-patri u għall-patrijiet kollha preżenti li dik it-tarbija kienet Ġesù Tarbija. Deher ukoll anġlu bis-sejf li nifed lit-tarbija u d-Demm niżel fil-kalċi. Fit-Tqarbin, l-anġlu ħa partiċelli mit-tarbija u tahom lill-monaċi li kienu qed jieħu sehem fil-quddiesa biex jitqarbnu bihom.
- Għal did-dehra Mirakuluża l-patri li ddubita għajjat: “Mulej, nemmen li l-Ħobż huwa Ġismek u li Demmek jinsab fil-Kalċi.’’
Minnufih il-laħam f’idu reġa’ inbidel f’Ostja Ewkaristika.u b’hekk il-patri seta’ jirċievi t-Tqarbina b’Fidi, Rispett u Imħabba kbar.