Id-Dekadenza u l-waqgħa tal-Imperu Ruman – 3

Mill-istorja tal-Knisja Nisranija. Kitba ta’ Joe Galea (31)

Santu Wistin wera li, minkejja s-sakkeġġi u l-vjolenza, l-invażjoni ta’ Ruma kienet differenti minn telfiet oħra ta’ bliet fl-imgħoddi. Il-Goti kienu Insara, u dak li kien ġdid, jikteb Santu Wistin, hu li l-Goti kienu Nsara, u dawn il-barbari daħlu b’mod hekk ġentili li l-knejjes il-kbar kienu magħżula u mħollja biex jimtlew b’nies li nżammu fihom, fejn ħadd ma nqatel u ħadd ma ttieħed bil-forza. Ħafna mill-mirbuħa ngħataw il-ħelsien u ħadd minnhom ma ttieħdu bħala lsiera. Kull min ma jarax li dan hu attribwit lill-isem ta’ Kristu u ta’ dak li ġara,  dan huwa għami.”

Santu Wistin

San Ġilormu jikkonferma dak li qal Santu Wistin dwar dawn il-postijiet ta’ kenn. Hemm storja ta’ mara, Marcella, li kienet imsawta minn suldati Gotiċi meta nsistiet li ma kelliex affarijiet x’jisirqulha. Imma Goti oħra ħelsuha u ħaduha fil-basilka ta’ San Pawl, li kienet waħda mill-postijiet ta’ refuġju li semma’ Santu Wistin. Marcella mietet ftit jiem wara, jidher li minħabba l-ġrieħi tagħha. Kien hemm suldati Goti mhux daqshekk ġentili, imma l-idea ta’ knejjes refuġji għan-nies tal-belt, waqt li s-suldati serqu dak li sabu, kienet xi ħaġa ġdida fi gwerra.

Santu Wistin mar għall-punt ewlieni tiegħu, li hu żviluppa fil-bqija tal-ktieb ‘Il-Belt ta’ Alla’. Hemm żewġt ibliet: il-belt tal-art u l-belt ta’ Alla. It-tnejn huma mħallta flimkien f’din id-dinja, imma l-Insara huma man-naħa tal-belt ta’ Alla. Jgħid: “U aħna nafu li ċ-ċittadinanza tagħna hi eterna, filwaqt li l-belt tal-art tgħaddi b’mod naturali”. U l-belt tal-art tassew li dehret qed tgħaddi, l-aktar fil-Punent. L-Imperu Ruman kien qed jaqa’ biċċiet.

Inkwiet f’naħat oħra tal-Imperu

‘Il fuq fl-Ingilterra, is-Sassoni, tribù ieħor Ġermaniku, kienu qed jidħlu b’saħħa bil-baħar min-naħa tal-Lvant. Ħafna mis-suldati Rumani kienu nħarġu mill-Ingilterra biex jiddefendu l-Italja, u l-Brittanniċi tħallew mingħajr difiża. Il-provinċja li darba kienet sinjura waqgħet f’kaos. Il-Brittanniċi ddisprati bagħtu talba lill-Imperatur għall-għajnna. B’xorti ħażina li l-Imperatur kien Honorius u s-sena kienet 410 meta l-Goti assedjaw Ruma. Honorius bil-qalb kollha ta lill-Brittanniċi l-permess biex isolvu l-problema huma stess. 

Kontroversji fi żmien ta’ gwerra

Minkejja dan it-taqlib, il-Knisja baqgħet issib wisgħa għal aktar kontroversji. L-ikbar żewġ ġrajjiet firdu l-Punent mil-Lvant. Fil-Punent, f’Ruma Brittannika, kien hemm moralista jismu Pelagius li beda jqajjem taħwid u daħal f’argument ma’ Santu Wistin dwar ir-rieda ħielsa. Pelagius emmen li kien possibbli għall-bniedem li jimmerita s-salvazzjoni bil-ħila tiegħu stess u mingħajr l-għajnuna ta’ Alla. Għalhekk wieħed jista’ jgħix bla dnub bir-rieda u bl-għemil tiegħu. Santu Wistin, min-naħa l-oħra, emmen li wieħed jista’ jevita id-dnub biss bil-grazzja t’Alla. Il-Pelaġjani saru b’saħħithom l-aktar fl-Ingilterra, fejn is-Sassoni kienu ta’ nkwiet biżżejjed u li jiżdiedu kontroversji teoloġiċi ma kinitx xi ħaġa mixtieqa.

Il-Papa Innoċent I iddeċieda kontra l-Pelaġjani fl-417, imma nifhmu li dan ma temmx il-kontroversja. Parti mill-ħajja intellettwali mimlija ħidma ta’ Santu Wistin kienet dedikata għal kitba ta’ trattati kontra l-Pelaġjani.

Flimkien ma’ dan, kellu jitħabat ukoll mad-Donatisti. Kienu għaddew mitt sena mindu d-Donatisti nfirdu mill-Knisja Kattolika. Id-Donatisti kienu moviment Nisrani, l-aktar fl-Afrika  ta’ Fuq. Il konflitt tagħhom kontra l-Knisja kkonċentra fuq il-konvinzjoni li huma invalidi s-Sagramenti amministrati minn ministri meqjusa bħala impuri jew ħatja ta’ dgħufija fi żmien il-persekuzzjoni. Id-Donatisti ma setgħux jaċċettaw dik li tissejjaħ il-penitent traditores, jiġifieri min ikun nidem żmien wara li dineb serjament. Dan iwassal, fost Sagramenti oħra, biex il-Magħmudija ssir mill-ġdid. Għad-Donatisti, kienet il-Knisja Kattolika li apostatat, biex baqa l-fdal żgħir Donatista. Il-moviment sar Knisja separata minn dik Kattolika.

Sadattant, fil-Lvant, kienet qed tbaqbaq maltempata ħafna ikbar.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading