Fanal jixgħel fil-għabex tal-jum -1

Mill-istorja tal-Knisja Nisranija. Kitba ta’ Joe Galea (32)

Fit-tinda ta’ Attila

Safejn timraħ l-għajn, ma tarax ħlief Unni. Tined mimlija bihom. Unni fuq iż-żwiemel, fuq ir-riġel, jiddieħqu, isajru u jixorbu. Minn kull rokna sax-xtajta, ma kienx hemm roqgħa mingħajrhom.

Mhux ‘il bogħod, eluf ta’ wċuħ ta’ Unni jħarsu lejn Rumani lebsin sabiħ, uħud b’kurżità, oħrajn jiddieħqu minn taħt jew b’ħarsa ta’ stmerrija li wieħed jistenna minn min daħal f’art ħaddieħor. Kien tnejn u erbgħin sena minn meta Alaric u l-Goti tiegħu assedjaw il-belt. Dan għadu fil-memorja tal-poplu Ruman, u l-għadu tal-Unni hu ħafna iktar perikuluż minn dak tal-Goti.

Altar li jfakkar il-laqgħa tal-Papa Ljun u Attila

Sewwasew f’nofs l-Unni ttellgħet tinda kbira, palazz għalihom, bid-drapp iperper mar-riħ. Imbagħad raw caqlieq fit-tinda. Figura b’ilbies abjad imberfel bir-roża u b’ħajt tad-deheb joħroġ mit-tinda, muri t-triq minn żewġ suldati Unni. Is-suldati l-oħra jersqu b’rispett biex jagħmlu l-wisgħa għall-mistieden ta’ Attila. Ir-raġel bil-libsa bajda jimxi bil-mod, imma jasal, u jiġi wiċċimbwiċċ mal-mexxej tal-Unni. Kien ilPapa Ljun ‘il-Kbir’.

Attila kien qabel mal-Papa Ljun biex jerġa’ lura. L-Unni kellhom iħallu l-Italja u jmorru lura mix-xmara tad-Danubju. Il-Papa jgħid lir-Rumani li kienu miegħu: “Ruma mhix se tiġi sakkeġġata”. Ir-Rumani li kienu qrib ħarsu lejn xulxin, imbagħad lejn il-Papa Ljun. Din kienet aħbar li ħadd ma stenna. X’kien qal il-Papa Ljun lil Attila? Jidher li qallu biex jibqa’ lura milli jattakka lil Ruma.

L-imperu tal-Lvant jiġi fix-xejn

Kienet ħaġa kbira li Attilla qabel mal-Papa. Attila u l-għadd kbir ta’ Unni kienu fi triqthom fil-peninsula Taljana sejrin ‘l isfel lejn Ruma. X’qal il-Papa lil Attila tibqa mistoqsija kbira li ma ġietx imwieġba fl-istorja. Ir-Rumani ma kellhomx il-ħila li jwaqqfu lil Attila. Wara l-laqgħa mal-Papa, Attila wiegħed il-paċi, dar u beda miexi lura mix-xmara Danubju. X’kien li għamel hekk?

Xi storiċi jaħsbu li Attila seta’ kellu r-raġunijiet tiegħu. Il-proviżjon seta’ naqaslu mingħajr ma kellu biex ifornih mill-ġdid. L-armata tal-Unni setgħet għajjiet sal-aħħar fl-assalti li saru fl-Italja. Oħrajn issuspettaw li l-Papa Ljun laqgħab bis-superstizzjoni li kienet magħrufa ta’ Attila. Alaric kien issakkeġġa Ruma, u ftit wara miet. Attila jista’ jiġrilu hekk ukoll.

Li nafu hu li Ruma ma kellhiex għażla. Il-mexxej waħdieni li Ruma setgħet tistrieħ fuqu kien l-Isqof tagħha, il-Papa, li kien imġiegħel jieħu r-rwol tal-istat għax ma kienx baqa’ mexxejja b’saħħithom.

L-Imperu tal-Punent kien tfarrak. L-Ingilterra spiċċat, bir-Rumani Ngliżi jiġġieldu bejniethom, kif ukoll is-Sassoni. Naħat kbar ta’ Franza tħarbtu wkoll, kif ukoll fi Spanja. Dak li fadal mill-Imperu tal-Punent kienet l-Italja u ftit artijiet oħra. Ġgajtiet ta’ barbari kienu dejjem aktar deħlin fl-Italja. Agħar minn hekk, l-Afrika ntrebħet. Kienet il-basket tal-ħobż għall-Italja. Minfejn se ġġib il-qamħ meta l-Afrika hi maħkuma mill-barbari?

Minbarra l-Unni, li qishom ġew minn imkien, ħafna mill-invażuri kienu tribujiet Ġermaniċi: Sassoni, Franki, Goti u Vandali. Kienu l-Vandali li ħadu f’idejhom l-Afrika. Il-waqgħa tal-Afrika  bdiet b’terroristi minn ġewwa: tribujiet lokali mgħejuna minn ħallelin Donatisti li jidher li kienu jinġabru madwar l-oqbra sakemm ikollhom l-opportunità li jagħmlu attakki għall-għarrieda. Kif l-Afrika tkissret, il-Vandali li kienu okkupaw lil Spanja raw opportunità.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading