Ferħ. Dizzjunarju Bibliku minn Dun Pawl Sciberras

Il-ferħ hu l-espressjoni tal-hena tal-qalb. Hu r-riżultat tal-istat li fih wieħed ikun hieni għax ma jkun jonqsu xejn, għax, kif ngħidu, ikollu kull ma tixtieq qalbu. Hekk hu l-ferħ fil-Bibbja. Fit-Testment il-Qadim, f’ħafna każijiet, il-ferħ hu l-effett ta’ suċċessi sbieħ fil-ħajja, bħar-rebħiet ta’ David (1 Sam 18,6) jew l-inkurunazzjoni ta’ Salamun (1 Slat 1,40 ) jew il-ħelsien mill-eżilju (Salm 126,2-3). Iġib ukoll il-ferħ il-ksib ta’ kull xorta ta’ ġid materjali, bħall-prodotti tar-raba (Is 16,10; Salm 126,5) u l- ulied fil-familja (1 Sam 2,1.5; Salm 113,9). Dawn każijiet ta’ ferħ normali fil-ħajja.

Għall-bniedem tal-Bibbja mbagħad hemm il-ferħ li jiġi mar-rivelazzjoni ta’ Alla bħala Ħallieq ta’ kollox u bħala Salvatur tal-poplu tiegħu. Il-bniedem li jemmen f’Alla jarah fl-opri kbar u sbieħ tal-ħolqien tiegħu u jifraħ bil-qawwa għad-dehra tagħhom. Dan hu s-sentiment li hu mfisser f’ħafna mis- Salmi: “Ejjew, ħa nfaħħru bil-hena l-Mulej, ħa ngħajtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna” (Salm 95, 1s; 96,11ss; 104,31ss). Hekk ukoll it-tifkira ta’ dak kollu li Jaħwèh għamel fl-istorja għas-salvazzjoni ta’ Iżrael. Fil-festi liturġiċi matul is-sena l-Iżraelin kienu jiċċelebraw bil-ferħ it-tifkira ta’ dawn il-ġrajjiet: tal-Għid (2 Kron 30,21-26), tal-ħelsien mill-eżilju (Esd 6,22), tal-Għerejjex (Neħ 8,10; ara Dt 16,11-14).

Għall-bniedem tajjeb il-ferħ hu l-frott tal-ħbiberija tiegħu ma’ Alla. Fil-Mulej hu jsib l-hena ta’ qalbu u l-ferħ tiegħu fil-ħarsien tal-Liġi ta’ Alla (Salm 19,9; 33,21; 37,4; Ġer 15,16; Ġoel 2,23). Min jemmen f’Alla jagħraf li hu, u hu biss, hu l-aqwa u l-veru ġid, li jferraħ qalb il-bniedem (Salm 16,2.9-10; 73,25-28). Hemm imbagħad il-ferħ li jitnissel mill-kelma tal-Mulej, li dejjem twiegħed il-ħelsien u r-rebħa sħiħa ta’ Iżrael. It-twajbin ta’ Iżrael kienu jħarsu ʼl quddiem b’fiduċja sħiħa lejn dan il-jum, “jum il-Mulej”, u għall-ħsieb tiegħu biss kienu jimtlew bil-ferħ. Dan kien il-ferħ messjaniku mnissel fil-poplu mill-viżjoni taż-żmien tal-Messija li kellu jiġi, kif kienu jħabbruh il-profeti (Is 35,1; 44,23; 49,13; 61,10; Sof 9,9; eċċ.). Il-kliem tal-profeti żamm qawwija fit-twajbin ta’ Iżrael it-tama fil- Messija li kellu jiġi u kien jimliehom bil-ferħ.

Imbagħad wasal żmien il-ferħ veru bil-miġja ta’ Ġesù ta’ Nażaret, il-Messija li kellu jiġi. Din hi r-rivelazzjoni tat-Testment il-Ġdid. Hekk jippreżentaw iż-żmien ta’ Ġesù l-Evanġelisti. L-aktar San Luqa, l-Evanġelista tal-ferħ. It-twelid ta’ Ġesù hu “ferħ kbir” għall-poplu kollu (Lq 2,10). Tifraħ l-ewwel Marija, ommu (1,2.8: khaire, “ifraħ!”); jifraħ Ġwanni f’ġuf ommu, tifraħ Eliżabetta, jifirħu r-ragħajja (Lq 1,44; eċċ.). Il-preżenza ta’ Ġesù kienet okkażjoni ta’ ferħ għal kull min kien jiltaqa’ miegħu u jisimgħu b’qalbu kollha – il-Battista (Ġw 3,29 ), id-dixxipli (Lq 5,34; 10,20; 19,37ss), il-pubblikani u l-midinbin (Lq 15,7.10.24). Il-ferħ tad-dixxipli li kienu madwar Ġesù f’ħajtu baqa’ magħhom ukoll wara mewtu. Għax huma emmnu fil-qawmien tiegħu mill-imwiet (Ġw 20,20; Lq 24,41). Din il-fidi kienet iżżomhom fil-ferħ tagħhom bla waqfien. Kienu jafu li Ġesù kien ħaj u kien dejjem magħhom. Għalhekk kienu dejjem ferħanin. Hekk juri San Luqa l-ewwel dixxipli ta’ Ġesù fil- komunità ta’ Ġerusalemm (Atti 2,46; 4,12). Saħansitra l-persekuzzjonijiet u t-tbatijiet li sabu ma’ wiċċhom min-naħa tal-għedewwa tagħhom ma tellfulhomx il-ferħ (Atti 5,41). Hekk seħħ fihom dak li kien wissiehom Ġesù: “Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija. Ifirħu u thennew…” (Mt 5,11-12).

Dan hu ferħ spiritwali u sopranaturali. Hu l-frott tal-fidi ta’ min jemmen li f’Alla b’lbnu Ġesù Kristu jsib il-ġid tassew. Jifraħ min jikseb dan il-ġid veru. Għalhekk il-ferħ hu l-frott tal-Ispirtu s-Santu u d-don tiegħu (Gal 5,22). Għalhekk, San Pietru jistieden lill-insara biex ibierku ’l Alla għad-don tal-fidi tagħhom imġarrba mill-prova tat-tbatija li, madankollu, tnissel fihom “ferħ glorjuż” (1 Pt 3,6-9). Kienet din il-fidi li ġiegħlet lil Pawlu jistqarr kemm kien ferħan, għalkemm kien marbut bil-ktajjen fil-ħabs: “Jien issa nifraħ fit-tbatijiet tiegħi” (Kol 1,24). U jżid jgħid għaliex: għax bit-tbatijiet tiegħu kien qed jissieħeb fit-tbatijiet ta’ Kristu għall-ġid tal-Knisja tiegħu kollha. Lin-nisrani veru xejn ma jagħmlu ferħan tassew ħlief l-għaqda tiegħu ma’ Ġesù Kristu. U xejn ma jtellfu dan il-ferħ, sakemm jibqa’ ħaġa waħda ma’ Ġesù Kristu. Fl-għaqda mal-Missier u ma’ Ibnu Ġesù Kristu l-ferħ tagħna jkun sħiħ (1 Ġw 1,3-4).

One thought on “Ferħ. Dizzjunarju Bibliku minn Dun Pawl Sciberras”

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading