Minn D. Edward Vella
Fi żmienna sikwit nisimgħu min jitkellem fuq kemm hu importanti li jkollna stima tagħna nfusna, li nagħrfu s-sabiħ u anke l-anqas sabiħ tagħna, iżda nħobbu lilna nfusna kif aħna. Kemm hi ta’ għajnuna, anke għas-saħħa mentali tagħna, li jkollna relazzjoni pożittiva magħna nfusna! Dan iżda ġieli wassal lil xi wħud biex jiddisprezzaw l-umiltà li hija waħda mill-virtujiet l-aktar importanti għalina bħala nsara. X’inhi l-umiltà? L-umiltà tfisser stima baxxa tagħna nfusna?
Fl-ewwel qari tal-lum rajna kif Alla jwarrab lil Sebna, li jieħu ħsieb il-palazz tas-sultan, u floku jpoġġi lil Eljakim. Il-poplu t’Alla kien għaddej minn żmien ta’ prosperità u għalhekk warrab ’l Alla, għax beda jaħseb li ma għandux bżonnu. Il-kbarat tal-poplu, fosthom Sebna kienu l-agħar fl-imġieba tagħhom kontra r-rieda tal-Mulej. Il-prosperità issir l-akbar għadu tal-bniedem meta din twassal għall-kburija. Il-bniedem kburi ma jistax iħobb, għax iħossu ’l fuq minn kulħadd, fuq kollox l-bniedem kburi jibda jħoss li ma għandux bżonn ta’ Alla.
Kemm jesprimi sentiment differenti s-salm tal-lum: ‘Irroddlok ħajr, Mulej, b’qalbi kollha… B’wiċċi fl-art ninxteħet quddiem is-santwarju tiegħek… għax int kabbart ismek u kelmtek fuq kollox… Kbir il-Mulej, imma jieħu ħsieb iż-żgħar…’ Il-bniedem umli ma jħossux la aħjar u anqas agħar minn ħaddieħor; huwa jemmen li fuqu hemm Alla li jħobbu, iżda li għad jitolbu kont ta’ għemilu. Huwa jħobb u jirrispetta lill-oħrajn għaliex dak li jixtieq magħmul lilu jagħmlu hu mal-oħrajn, fuq kollox huwa jara magħmul lil Ġesù dak li jagħmel ma’ ħaddieħor. Dan is-Salm joffrilna wkoll mediċina utli ħafna għal min ibati minn stima baxxa tiegħu nnifsu: li wieħed jitgħallem jrodd ħajr lil Alla għal tant ġid li jagħmel miegħu hija mhux biss ta’ ġid għall-ħajja spiritwali tiegħu, iżda wkoll għas-saħħa mentali tiegħu, għax tgħinu jiffoka fuq il-ħafna pożittiv li għandu f’ħajtu, u li huwa don ta’ Alla li tant iħobbu.
San Pawl fit-tieni qari tal-lum jinfexx f’innu ta’ tifħir quddiem il-kobor ta’ Alla; ‘Għax min qatt għaraf moħħ il-Mulej? Min qatt kien il-kunsillier tiegħu?’ Dan kollu jfisser li l-bniedem tassew għaqli huwa l-bniedem umli li jfittex ir-rieda t’Alla f’ħajtu.
Fil-vanġelu tal-lum Ġesù jistaqsi lill-appostli u lilna, ‘Imma intom min tgħidu li jien?’ X’inweġbuh kieku aħna? Nafu li Ġesù jagħraf qalbna, ma nistgħux nidħqu bih jew nigdbulu. Min hu Ġesù għalija? Pietru kien jaf minn hu Ġesù, “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj”, iżda xorta kien għadu me fehemx x’inhi l-umiltà vera. Ġesù jfaħħru għaliex jagħmel stqarrija perfetta tal-identità tiegħu, iżda jekk ikollna nkomplu naqraw din is-silta, Ġesù l-Iben ta’ Alla, jibda jitkellem fuq in-neċessità li jbati u jmut. Pietru hawn ma fehemx u jmerih, iżda Ġesù jwiddbu u jgħinu jifhem li fil-mentalità ta’ Alla dawk li huma l-aktar importanti huwa dawk li jservu bi mħabba u sagrifiċċju, u mhux dawk li jħossuhom ’l fuq mill-oħrajn minħabba xi raġuni jew oħra.
Nistaqsu lilna nfusna: jien nħossni aħjar minn ħaddieħor? Kemm nemmen tabilħaqq li l-bnedmin huma kollha aħwa, ulied Missier wieħed tas-sema, u għalhekk aħna lkoll ndaqs fid-dinjità? Kemm nistma lill-oħrajn bħala ħuti, u nħobbhom u nirrispettahom anke jekk dawn ma jgawdux xi pożizzjoni ta’ stima fis-soċjetà?
Mulej Ġesù inti taf kemm hija qawwija t-tentazzjoni li nħossu fina għall-kburija u s-suppervja: għinna ħalli nagħrfu li l-paċi vera tal-qalb ma tinsabx filli nħossuna aħjar jew ’il fuq minn ħaddieħor, iżda tinsab filli nħobbu u nirrispettaw lil xulxin ta’ aħwa li aħna, ulied il-Missier wieħed tagħna li hu fis-smewwiet. Ammen.