MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
GĦALL-112-IL JUM DINJI TAL-MIGRANTI U R-RIFUĠJATI
(27 ta’ Settembru, 2026)
Imqar wieħed biss minn dawn iż-żgħar (cfr Mt 18,10)
Għeżież ħuti!
Minn sena għal oħra l-Jum Dinji tal-Migranti u r-Rifuġjati jistedinna nitfgħu ħarsitna fuq aspetti diversi tal-fenomenu kumpless tal-migrazzjoni. Għal dan il-112-il Jum Dinji, it-tema “Imqar wieħed biss min dawn iż-żgħar” titfgħalna l-attenzjoni fuq il-minuri milqutin direttament minn din l-esperjenza tal-migrazzjoni, il-ħarba, il-kura tagħhom u fuq il-wegħda tal-Mulej li “Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili”(Mk 9,37).

Il-minuri sfollati: realtà kumplessa ta’ vulnerabbiltà
Fil-mewġ migratorju mondjali, il-minuri huma l-aktar vulnerabbli. Huma wċuħ konkreti, stejjer uniċi li jisfidaw il-kuxjenza tagħna. Kull sena, miljuni ta’ tfal u adoloxxenti jkunu mġagħlin jabbandunaw arthom minħabba gwerer, faqar, vjolenza, diżastri ambjentali u traġedji oħra; u, sfortunatament, l-għadd tagħhom qed ikompli jiżdied. Ir-responsabbiltajiet ekonomiċi, politiċi u militari ta’ dan id-diżastru huma bla qies. It-tbatija mhix biss li wieħed ikollu jitbiegħed minn artu: hemm tfal żgħar ħafna li tilfu l-ġenituri, lil ħuthom u l-ħbiebhom u raw isseħħ quddiehom vjolenza li ma titfissirx. Oħrajn, li jibqgħu mifrudin mill-familjari tagħhom għal żmien twil, jippruvaw imorru jfittxuhom waqt li jkunu għaddejjin mill-ansjetà kbira li ġġib magħha s-separazzjoni. Hemm imbagħad minuri li t-traġitt jagħmluh flimkien mal-ġenituri tagħhom, iżda hekk ikunu esposti għal kundizzjonijiet estremi u trawmaiċi. U fl-aħħar ma nistgħux ninsew il-kundizzjoni traġika ta’ dawk li jisfaw mifrudin mill-ġenituri minħabba r-ripatrijazzjoni.
Ma’ dax-xenarju, li diġà hu drammatiku, jiżdiedu wkoll traġedji oħra: l-imwiet tul ir-rotot migratorji, il-negozjar tal-persuni u l-isfruttament, ir-reklutament tal-minuri biex jintużaw fil-kunflitti bl-armi, il-vjolenza sesswali, iż-żwiġijiet sfurzati u l-atroċitajiet li jsofru huma jew li jaraw iseħħu waqt it-traġitt. Id-dinjità tagħhom hi kalpestata b’elf mod.
Fil-Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Migranti u r-Rifuġjati tal-2017, bit-tema “Migranti minuri, vulnerabbli u bla vuċi”, il-Papa Franġsiku kien fakkar li huma bla difiża minħabba tlett raġunijiet: għax minuri, għax stranġieri u għax bla ħarsien, meta, għal bosta raġunijiet, ikollhom bilfors jgħixu bogħod minn art twelidhom u mifrudin mill-għożża tal-familja”.
Madankollu, qalb tant dlam, id-dawl tas-solidarjetà mhux nieqes: persuni, familji, istituzzjonijiet ċivili u komunitajiet ekkleżjali jagħżlu li ma jdawrux wiċċhom in-naħa l-oħra (cfr Lq 10,29-37). Niftakru fil-familji li jiftħu l-bibien tagħhom biex iroddu lura s-sħana tal-fuklar lil dawn il-minuri, fl-edukaturi tal-komunitajiet tal-akkoljenza, fil-volontarji li ta’ kuljum, kemm fir-rotot u wkoll fil-bliet tagħna, jiddedikaw ruħhom biex jikkuraw il-ġrieħi inviżibbli ta’ dawn iż-żgħar. Bl-impenn tagħhom huma xhieda li l-imħabba tista’ tegħleb l-indifferenza.
Imqar wieħed biss minn dawn iż-żgħar
Quddiem dir-realtà drammatika, ħsiebi jdur lejn kliem Ġesù li jisfida profondament il-kuxjenza ta’ kulħadd: “Kull min jilqa’ tfajjel bħal dan minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili” (Mt 18,5). Din mhix kwistjoni ta’ ċifri jew statistiċi. L-Evanġelju jistedinna biex ma noqgħodux nikkalkulaw: imqar wieħed biss. Kull tifel/tifla, il-bnedmin kollha, għandhom dinjità infinita. Huma xbieha u x-xebħ ta’ Alla (cfr Ġen 1,26), huma preżenza tal-Mulej. Quddiem kull migrant minuri aħna msejħin biex nagħmlu att ta’ umanità u fidi: fit-tifel/tifla, infatti, nistgħu naraw u nilqgħu l-Mulej. Din is-sejħa ssir aktar urġenti fid-dawl tal-affermazzjoni l-oħra ta’ Ġesù li nsibu fl-Evanġelju ta’ Mattew: “Kont barrani u lqajtuni” (Mt 25,35).
Sfortunatament, aktar faċli li l-minuri jispiċċaw “inviżibbli” għax ma jkollhomx adulti biex jipproteġuhom u jweżnuhom. Jeħtieġ li fil-pajjiżi mnejn joriġinaw jitneħħew il-kawżi li eventwalment iġagħluhom jaħarbu, minbarra dan, għandu jkollhom protezzjoni u akkoljenza fil-pajjiżi li jgħaddu minnhom u f’dawk li jaslu fihom. Illum, il-karba tal-minuri sfollati titla’ quddiem Alla, bħal dik li naqraw fil-Ktieb tal-Eżodu: “Jien ħarist u rajt it-tbatija tal-poplu tiegħi fl-Eġittu. U jien smajt il-karba tagħhom minħabba fl-argużini tagħhom u għaraft l-uġigħ tagħhom. Issa nżilt biex neħlishom” (Eż 3,7-8). Alla jisma’, u biex jeħles, jisfida bil-qawwa l-kuxjenza u l-azzjoni ta’ kull wieħed u waħda minna, kif kien għamel ma’ Mosè. Ma nistgħx nibqgħu indifferenti u lanqas nidrawha din it-tbatija kollha.
Appell għar-responsabbiltà ta’ kulħadd
Imqar wieħed jew waħda minn dawn it-tfal qed isejħulna, fil-ħajja personali tagħna, biex niftħu għajnejna u qlubna sabiex nisimgħu profondment il-leħen tal-istorja, il-biżgħat u l-ħolm ta’ kull wieħed u waħda minnhom, u nitbiegħdu minn dak id-distakk li lill-bniedem jirriduċih biss numru, statistika, li ma tinvolviniex direttament. Hu stedina biex inqiegħdu d-dinjità tat-tfal qabel il-kundizzjoni ta’ “migrant”, u biex inħarsulhom id-drittijiet fundamentali tagħhom: għall-ħajja, għall-edukazzjoni, għal livell ta’ eżistenza li jippermettilhom jikbru u jiżviluppaw kompletament mill-aspett fiżiku, mentali, spiritwali, morali u soċjali.
Imqar wieħed jew waħda biss minn dawn it-tfal, isejħulna, fil-ħajja ekkleżjali, biex l-akkoljenza nittrasformawha minn kunċett astratt għal prattika pastorali stabbli. Ma nistgħux nibqgħu sempliċiment niddelegaw dan lill-istituti jew lill-assoċjazzjonijiet li għandhom xi kariżma speċifika: quddiem l-uċuħ konkreti li jisfidawna ta’ kuljum, il-komunità nisranija kollha kemm hi għandha sejħa li tqishom bħala wliedha u tkun qrib l-istorja konkreta ta’ kull wieħed u waħda minnhom. Il-komunitajiet Insara għandhom jiġu mħeġġa jintegraw u jivvalutaw lir-refuġjati u lill-migranti bħala membri sħaħ tal-familja ekkleżjali, billi jippromwovu programmi edukattivi u spiritwali ġodda, inklużi dawk imfassla apposta għall-individwu, li jmorru lil hinn mill-loġika ta’ sempliċi assistenza soċjali. B’mod partikolari, huwa kruċjali li s-solitudni, l-iżolament u r-rifjut, li spiss jolqtu wkoll lit-tfal tal-migranti, nilgħulhom minn qabel u hemm bżonn noħolqu opportunitajiet ta’ konnessjoni u integrazzjoni li bihom iż-żgħażagħ lokali u dawk migranti jkunu jistgħu jikbru flimkien, f’mixja ta’ rispett reċiproku, solidarjetà u ħbiberija.
Imqar wieħed jew waħda minn dawn it-tfal, fil-firxa tad-diversi reliġjonijiet, għandhom ifakkruna li l-vulnerabbiltà taċ-ċkejknin m’għandhiex konfini konfessjonali u għandha tgħaqqadna f’komunjoni biex flimkien nixxerjaw ir-responsabbiltà umanitarja u spiritwali. Hekk, dil-komunjoni ssir art fertili għal djalogu inter-reliġjuż konkret, fejn dawk li jemmnu, mis-sens tat-traxxendenza tagħhom stess, jaħdmu flimkien biex jintisġu netwerks ta’ protezzjoni. Il-komunitajiet tal-fidi għandhom sejħa biex joħolqu spazji fejn kull żagħżugħa u żagħżugħ isibu r-rispett u apprezzament tal-valur tal-identità kulturali tagħhom biex ikun evitat ir-riskju ta’ radikalizzazzjoni minn gruppi estremisti. Fl-aħħar mill-aħħar, li tħares lil minuri jfisser ħarsien tat-timbru divin imnaqqax fihom.
Imqar wieħed jew waħda minn dawn it-tfal, fil-kuntest tal-istituzzjonijiet ċivili, isejħulna biex naffermaw mill-ġdid il-prinċipju tal-għola interess tal-minuri. L-istituzzjonijiet pubbliċi u privati huma fid-dmir li jqiegħdu fiċ-ċentru ta’ kollox il-protezzjoni u d-dinjità ta’ kull tifel/tifla u tal-adoloxxenti. Dan ifisser li jitqiegħdu fis-seħħ mekkaniżmi effettivi ta’ protezzjoni legali, il-promozzjoni tar-riunifikazzjoni mal-familja u l-prevenzjoni tat-trawma tas-separazzjoni. Hemm bżonn urġenti ta’ bidla fil-perspettiva: il-fus tad-dibattitu hemm bżonn jinbidel u minn sempliċi maniġġjar tal-mewġ migratorju ngħaddu għall-protezzjoni sħiħa u immedjata tad-drittijiet tal-bniedem, permezz tal-adozzjoni ta’ “tweġiba koordinata, solidali u effikaċi li tagħraf tiggarantixxi protezzjoni, akkoljenza u opportunitajiet reali ta’ integrazzjoni ta’ min jemigra” (Diskors lill-Parlament Spanjol, Madrid, 8 ta’ Ġunju, 2026).
Nafdaw lill-migranti minuri u lir-rifuġjati fil-protezzjoni materna tal-Imqaddsa Marija li, flimkien ma’ San Ġużepp u mat-tfajjel Ġesù, għaddew mill-esperjenza tal-krudeltà ta’ Erodi u d-dramm tal-eżilju fl-Eġittu (cfr Mt 2,13-15); jalla tkun hi li takkumpanja l-passi tagħhom u tgħin lill-komunitajiet tagħna jsiru dejjem aktar sinjali ħajja u kredibbli tal-Evanġelju.
Mill-Vatikan, 11 ta’ Awwissu,2026, tifkira ta’ Santa Kjara ta’ Assisi.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber