LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
L-Erbgħa 19 ta’ Awwissu 2026
Id-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II
II. Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium
7. Il-mużika sagra
Għeżież ħuti,
Is-sitt kapitlu tal-Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium (SC) tal-Konċilju Vatikan II hu ddedikat lill-mużika sagra. Dan jistqarr: “It-tradizzjoni tal-mużika tal-Knisja kollha hija teżor ta’ valur bla qies li jgħaddi kull espressjoni oħra tal-arti l-aktar minħabba li l-kant sagru, magħqud ħaġa waħda mal-kliem, huwa parti neċessarja u integrali tal-liturġija solenni” (SC, 112), u jispeċifika: “Il-mużika sagra aktar ma tkun magħquda ħaġa waħda mal-azzjoni liturġika iżjed tkun qaddisa, kemm billi tfisser b’aktar ħlewwa t-talb u tħeġġeġ biex kulħadd ikun leħen wieħed u qalb waħda, kemm billi ssebbaħ b’akbar solennità r-riti mqaddsa” (ibid.).
Hawn insibu l-qalba tat-tagħlim konċiljari, li jikkonferma u jinżel fil-fond tal-funzjoni ministerjali tal-mużika fil-liturġija, li diġà xeħet dawl fuqha San Piju X fil-Motu Proprju Inter sollicitudines (22 ta’ Novembru 1903). Fil-fatt, il-mużika hija parti mill-azzjoni liturġika u mhux sempliċi dekorazzjoni taċ-ċelebrazzjoni. Fil-liturġija, li tkanta u ddoqq ifisser titlob, tissintonizza l-qalb tiegħek ma’ dik tal-aħwa u ma’ Alla, fil-parteċipazzjoni attiva fil-misteru ċċelebrat. B’mod partikulari l-mużika tesprimi d-dimensjoni affettiva tat-talb, kif jistqarr Santu Wistin: “Cantare amantis est”, jiġifieri “li tkanta hi ħaġa ta’ min iħobb” (Sermo 336, 1). Dan hu importanti ħafna, għax jgħinna niftħu qalbna għall-għemil ta’ Alla fil-grazzja u nħalluh jagħġinna.
Barra minn hekk, il-kant jiffavorixxi l-komunjoni. Permezz tas-sinfonija tal-ilħna jikkontribwixxi għall-għaqda tal-erwieħ, jegħleb id-differenzi bejn il-persuni u jerġa’ jiġbor lil kulħadd fit-tifħir lil Alla. Hekk isir epifanija tal-Knisja, manifestazzjoni sensibbli tal-komunjoni li tappartieni lill-istess natura tiegħu.
Mis-siwi teoloġiku profond tal-kant sagru, bħala parti integrali mill-azzjoni liturġika, joħorġu ċerti esiġenzi. L-ewwel waħda hi li, lil hemm mill-moda u mis-sensibbiltajiet partikulari tal-awturi, dan fuq kull livell għandu jwieġeb għal dak li hu l-iżjed xieraq għall-mument ċelebrattiv. Imbagħad, il-forma, speċjalment fl-aspett melodiku tagħha, għandha tkun fl-istess waqt nobbli u sempliċi, ta’ kwalità mużikali għolja u li tista’ faċilment tiġi esegwita, fuq kollox meta hi ddestinata biex titkanta mill-assemblea kollha (ara SC, 121).
Għall-istess raġuni l-Konċilju jirrakkomanda li anki t-testi jkunu jixirqu, profondi u fl-istess waqt li jinftiehmu b’mod ħafif, imnebbħa qabelxejn mill-Iskrittura Mqaddsa, mill-kotba liturġiċi u mit-Tradizzjoni spiritwali tal-Knisja. Fuq dan jeħtieġ ngħassu sew, biex tinżamm ħajja u tikber id-dinamika espressa fil-prinċipju qadim “lex orandi lex credendi”, jiġifieri l-liġi tat-talb hija wkoll liġi tal-fidi.
Is-Sacrosanctum Concilium tiddedika biżżejjed spazju lit-tema tal-parteċipazzjoni attiva tal-fidili (ara n. 114). Din “għandna nifhmuha […] ibda minn għarfien ikbar tal-misteru li jiġi ċċelebrat u mir-rabta tiegħu mal-ħajja ta’ kuljum” (Benedittu XVI, Eżortazzjoni appostolika Sacramentum caritatis, 52) u fi “spirtu ta’ konverżjoni kontinwa li għandha tikkaratterizza l-ħajja tal-fidili kollha” (ibid., 55). F’dak li għandu x’jaqsam mal-mod konkret kif dan jista’ jseħħ permezz tar-rwol speċifiku tal-mużika sagra, il-Kostituzzjoni toffri tweġiba ċara: “Wieħed għandu jieħu ħsieb sewwa l-akklamazzjonijiet, it-tweġibiet, u l-kant tas-salmi, antifoni, innijiet” u s-“skiet imqaddes” (SC, 30), u jsejjaħ lil kulħadd, ministri jew fidili, biex iwettaq “dak biss u dak kollu li skont in-natura tar-rit u dak li jitolbu n-normi liturġiċi għandu x’jaqsam miegħu” (SC, 28), fil-bilanċ armoniku bejn id-diversi ministeri, il-bosta interventi u l-mumenti ta’ silenzju.
Il-Konċilju mbagħad jattribwixxi valur kbir lill-kant Gregorjan, anki jekk ma jeskludix miċ-ċelebrazzjoni ġeneri oħra ta’ mużika sagra. Attenzjoni partikulari tingħata wkoll lill-orgni (ara SC, 120), waqt li t-tħaddim ta’ strumenti oħra hu permess “basta jkunu addattati jew jistgħu jiġu addattati għall-użu qaddis, ikunu jixirqu għad-dinjità tat-tempju, u jwasslu għall-edifikazzjoni tal-fidili” (SC, 120).
Tema għażiża għar-riforma konċiljari hi dik tal-inkulturazzjoni, anki fil-qasam tal-mużika sagra. B’mod partikulari, f’relazzjoni mat-tradizzjonijiet mużikali tad-diversi kulturi, issir enfasi fuq l-importanza li dawn jingħataw attenzjoni serja, bħala parti mill-ħajja reliġjuża u soċjali tal-persuni. Għalhekk, minn naħa s-suġġeriment hu li kulħadd jingħata “edukazzjoni fis-sens reliġjuż” (SC, 119), u min-naħa l-oħra, “kemm jista’ jkun […] imexxu ’l quddiem il-mużika tradizzjonali ta’ dawn il-popli kemm fl-iskejjel kemm fl-azzjonijiet sagri” (ibid.).
Fil-kuntest liturġiku, ħidma partikulari hi dik tal-ischola cantorum, strument pastorali li hi rrakkomandata l-promozzjoni tiegħu, bl-għan li “tikkura l-eżekuzzjoni eżatta tal-partijiet proprji tagħha, skont id-diversi ġeneri ta’ kant, u tiffavorixxi s-sehem attiv tal-fidili fil-kant” (Kongregazzjoni Mqaddsa tar-Riti, Istruzzjoni Musicam sacram, 19).
Għal dan il-għan, il-kompożitur tal-mużika sagra hu msejjaħ ikun jaf u jieħu ħsieb tal-wirt mużikali tal-Knisja, u jitnebbaħ minnu biex jagħti ħajja lil kompożizzjonijiet ġodda għas-servizz tal-liturġija, f’rispett lejn is-sensibbiltà kontemporanja u d-diversi tradizzjonijiet kulturali, biex “jippurifika l-kult minn tagħwiġ fl-istil, minn xejriet ftit li xejn ikkurati ta’ espressjoni, minn mużika u testi magħmula ta’ kafkaf u li ftit li xejn jixirqu lill-kobor tal-att li jkun qed jiġi ċċelebrat, biex jiżgura dinjità u tjieba ta’ forom lill-mużika liturġika” (San Ġwanni Pawlu II, Kirografu fuq il-mużika sagra, 22 ta’ Novembru 2003, 3).
Għal dawn ir-raġunijiet kollha l-Padri Konċiljari jirrakkomandaw li nippromovu l-formazzjoni u l-prattika tal-mużika sagra, “fis-seminarji, fid-djar tan-novizzjat u tat-tagħlim tar-reliġjużi rġiel u nisa, u wkoll fl-istituti l-oħra u fl-iskejjel Kattoliċi” (SC, 115), u li niżguraw lill-mużiċisti u l-kanturi formazzjoni liturġika soda (ara ibid.).
Għeżież ħuti, il-Missirijiet tal-Knisja żammew f’kunsiderazzjoni għolja l-kant liturġiku, simbolu tal-komunjoni ekkleżjali. Għalhekk nistgħu nagħlqu b’dawn l-espressjonijiet sbieħ ta’ Sant’Injazju ta’ Antjokja: “Intom, wieħed wieħed, siru kor, biex f’armonija waħda ta’ kordi u bit-tonalità ta’ Alla fl-għaqda, tgħannu f’vuċi waħda permezz ta’ Ġesù Kristu lill-Missier, biex tingħataw widen u, mill-għemejjel tajba li twettqu, kulħadd jagħraf li intom membri ta’ Ibnu” (Ittri lill-Efesin, 4, 2).
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard