Ħruġ tal-Madonna min-niċċa. Knisja Arċipretali tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż Żabbar. Omelija mill-Isqof Joseph Galea Curmi

Omelija 3 ta’ Settembru 2026, Knisja Arċipretali tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż Żabbar. Ħruġ tal-Madonna min-niċċa.

Bħal warda sabiħa

Il-ħruġ tal-vara tal-Madonna tal-Grazzja min-niċċa hi ġrajja sabiħa. Aħna llum inħarsu lejn din  ix-xbieha tal-Madonna bil-fidi, bil-gratitudni, bit-talb tagħna, u bit-tamiet tagħna. Niġu bħala wlied li jafu li għandhom Omm li tisma’, li tinterċedi għalihom, u li dejjem twassalhom lejn Binha Ġesù.

Illum, iżda, iċ-ċelebrazzjoni tagħna hawnhekk f’din il-parroċċa hija marbuta ma’ okkażjoni partikulari: bħal-lbieraħ 75 sena ilu, saret l-Inkurunazzjoni tal-kwadru titulari, xogħol Alessio Erardi. U ċ-ċelebrazzjoni tal-lum hija mmarkata wkoll minn ġest partikulari u mimli tifsira: il-warda tad-deheb li l-Arċisqof se joffri quddiem il-pittura titulari nhar il-Ħadd li ġej, warda li ġiet imbierka mill-Papa Ljun XIV.

Huwa ġest sinifikattiv. Warda tkellimna dwar is-sbuħija, l-imħabba, ir-riħa ħelwa, u l-ferħ. Iżda t-tifsira vera ta’ din il-warda ma tistax tibqa’ fid-deheb li minnu hija magħmula, lanqas biss fil-barka li rċeviet. It-tifsira vera ta’ din il-warda tad-deheb trid tinstab fina, għax trid tkun espressjoni ta’ ħajja li hi stess għotja ta’ mħabba.

Xbieha tal-ħajja

Din il-warda, kif tafu, għandha seba’ xewkiet li huma s-seba’ duluri tal-Madonna. U għandha tnax-il werqa, li huma t-tnax il-tribù, it-tnax-l appostlu, u t-tnax il-kewkba tal-Madonna.

Din il-warda għandha ssir għalina xbieha tal-ħajja li aħna msejħin ngħixu, ħajja li ngħixu bħal dik ta’ Marija. Il-ħajja ta’ Marija kienet bħal warda sabiħa, iżda s-sbuħija tagħha ma kinitx xi ħaġa superfiċjali. Is-sbuħija tagħha kienet ġejja mill-imħabba sħiħa tagħha lejn Alla – kif smajna fl-Evanġelju tal-lum: “Ara jiena, il-qaddejja tal-Mulej” (Lq 1:38). Dak il-kliem ifforma l-eżistenza kollha tagħha. Kienet ta’ Alla. Fdat fih meta fehmet, u fdat fih ukoll meta ma fehmitx. Tat lilha nfisha mingħajr ma żammet xejn għaliha.

U l-imħabba ta’ Marija lejn Alla saret imħabba għall-oħrajn. Marret tħaffef għand Eliżabetta. Lemħet il-ħtieġa tal-koppja f’Kana. Baqgħet wieqfa f’riġlejn is-Salib. Laqgħet lid-dixxiplu l-maħbub bħala binha. U kienet mad-dixxipli fil-bidu tal-Knisja. Marija tgħallimna li d-devozzjoni awtentika lejn Alla dejjem issir imħabba espressa fil-qadi.

Għalhekk, il-ħajja ta’ Marija kienet bħal warda tad-deheb. U din il-warda tad-deheb li se tkun quddiem it-titular tassew ikollha tifsira jekk tkun riflessa fil-ħajja tagħna, ta’ kull wieħed u waħda minna. Ikollha sens biss jekk djarna, il-familji tagħna, il-parroċċa jsiru postijiet fejn l-imħabba ta’ Alla tkun tidher.

Ixxerred il-fwieħa

Warda ma żżommx ir-riħa ħelwa tagħha għaliha nnifisha. Ixxerridha madwarha. Bl-istess mod, il-ħajja Nisranija mgħixa fl-ispirtu ta’ Marija trid ixxerred il-fwieħa ta’ Kristu: kelma tajba fejn hemm il-morr; maħfra fejn hemm il-weġgħat; tama fejn hemm id-disperazzjoni; ġenerożità fejn hemm il-bżonn; merħba fejn xi ħadd iħossu eskluż. Il-fwieħa hija l-imħabba, il-ħniena, il-kompassjoni, il-maħfra.

U b’mod speċjali ħafna, din il-warda ssejħilna nħarsu lejn dawk li huma l-aktar vulnerabbli. Hemm nies li għandhom bżonn mhux biss it-talb tagħna iżda wkoll il-preżenza tagħna. Hemm dawk li jbatu fis-skiet. Hemm familji li qegħdin iġorru piżijiet kbar, nies li għaddejjin minn żmien ta’ solitudni, dawk li huma morda, dawk li qed jitħabtu, dawk li jħossuhom minsija jew mhux mixtieqa.

Jekk tassew inħobbu lil Marija, irridu nitgħallmu naraw lil dawn in-nies b’għajnejha. L-akbar ġieħ li nistgħu nagħtu lill-Madonna tal-Grazzja mhuwiex sempliċement li nammirawha; huwa li nkunu nixbhuha. L-akbar tifħir li nistgħu noffrulha mhuwiex biss it-tifħir ta’ xufftejna, iżda t-tifħir ta’ ħajja mibdula bl-eżempju tagħha.

L-għażla bejn warda u xewk

Nistedinkom biex illum naħsbu bis-serjetà fuq dak li rridu noffru lil Marija, għax l-għażla li għandna għal ħajjitna hija bejn ħajja li tkun espressjoni ta’ warda tad-deheb sabiħa jew inkella ta’ xewka kerha li jġibilha dulur.

Innutaw ftit kemm hawn min joffendi lill-Madonna bi kliemu jew kliemha – dak kollu xewk. Kull kelma li toffendiha hija xewka. Nistedinkom biex intom f’din il-Parroċċa ta’ Ħaż Żabbar tkunu dejjem dawk li tfaħħruha, li żżommu l-isem tagħha b’ġieh u taħdmu biex taqtgħu din il-pjaga kbira, li għandna f’pajjiżna, ta’ offiżi lill-Madonna. Hekk ikun jagħmel sens li noffrulha warda tad-deheb, qalb ix-xewk li tirċievi.

Nistedinkom biex tkunu dejjem dawk li jġibu l-għaqda – din hija wkoll espressjoni ta’ warda sabiħa. Iġġibu l-għaqda billi bi kliemkom u l-preżenza tagħkom tgħinu ħalli jkun hemm spirtu ta’ ftehim u rispett sħiħ lejn xulxin. Jekk inweġġgħu lill-oħrajn bi kliemna, jew bil-kitba tagħna, jekk kliemna jumilja lill-oħrajn, jekk inkunu mezz ta’ firda u ta’ konflitt, mhux warda tad-deheb inkunu noffru lill-Madonna imma xewka kerha.

Din hija mistoqsija serja għal kull wieħed u waħda minna: X’qed inqiegħed quddiem Marija jien fil-ħajja tiegħi? Warda jew xewka, kuruna tax-xewk? Ejjew noqogħdu attenti ħafna biex ma nonorawx lil Marija minn barra filwaqt li ħajjitna tikkontradixxi l-istess Evanġelju li hija għexet. Marija ma tiġix onorata meta l-karità tiġi minsija, meta d-devozzjoni tinfired mill-ħniena. meta ċelebrazzjonijiet sbieħ ma jkunux akkumpanjati minn ħajjiet sbieħ.

Offerta ta’ qalbna

Illum, hekk kif niċċelebraw il-ħruġ tal-Madonna min-niċċa, u nħejju ruħna għal manifestazzjoni ta’ mħabba lil Marija, ħalli kull wieħed u waħda minna nagħmlu offerta siekta f’qalbna. Nitolbu lil Marija tgħallimna kif insiru, kull wieħed u waħda minna, bħal warda: mhux għax aħna perfetti, iżda għax, bil-grazzja ta’ Alla, inħallu l-imħabba tiffjorixxi fina. Ħa jkun kliemna u l-għemil tagħna bħal warda offruta lil Alla permezz ta’ Marija.

Din il-warda tad-deheb, imbierka mill-Papa, se tibqa’ quddiem ix-xbieha tal-Omm Imbierka tagħna – tal-Madonna tal-Grazzja –bħala sinjal prezzjuż tal-imħabba u d-devozzjoni tagħna. Jalla qatt ma ninsew li l-aktar warda prezzjuża li nistgħu noffru lill-Madonna hija x-xhieda ta’ ħajja mgħixa fl-ispirtu tagħha. Ejjew infaħħruha bit-talb tagħna, bl-innijiet tagħna, b’ħajjitna.

O Madonna tal-Grazzja, itlob għalina. Int l-isbaħ warda. Għallimna nħobbu kif ħabbejt int. Għallimna naqdu kif qdejt int. Għallimna ngħożżu lil dawk li qed ibatu, kif għamilt int. Għallimna nibqgħu fidili kif bqajt fidila int. U ħalli ħajjitna, bil-grazzja ta’ Alla, issir warda sabiħa ta’ mħabba offruta lill-Mulej.

Hekk toħroġ tassew mill-qalb it-tislima, li nagħmlu f’din il-parroċċa bl-innu sabiħ: O Marija Fawwara tal-Grazzji, Omm ħanina ta’ setgħa smewwija. Isma l-għanja ta’ ġieħ u foħrija, li minn qalbna, Omm tagħna, nagħtuk.

✠ Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Poster:

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading