F’kulturi antiki mhux l-ewwel darba li niltaqgħu mat-trattament inuman fil-konfront ta’ dawk meqjusa midinbin jew imniġġsa: pereżempju fl-evanġelju stess insibu li lill-adultera ħaduha għand Ġesù għax skont il-liġi din kella tkun imħaġġra. Il-bniedem tal-qedem, quddiem il-ħażen u d-dnub ma kellux soluzzjoni, lanqas kellhom soluzzjoni r-reliġjonijiet li kien jipprattika, allura l-unika ħaġa li setgħa jagħmel hija li jikkundanna u jeqred lil dawk li jidhru midinba pubblikament.
Wieħed biss setgħa jerfa’ fuqu d-dnub tal-bniedem, wieħed biss setgħa jgħid ‘Dnubietek maħfura’, u dan huwa Ġesù. ‘Ħa jħalli triqtu l-midneb, u l-bniedem il-ħażin fehmietu; ħa jerġa’ lura għand il-Mulej u jħenn għalih, għand Alla tagħna għax hu jaħfer ħafna.’ Il-bniedem li jaċċetta dnubietu u jersaq lejn Ġesù mhux talli ma jiġix ikkundannat, talli jiġi meħlus mid-dnub tiegħu. Għalhekk fl-istess l-ewwel qari smajna, ‘Il-fehmiet tiegħi m’humiex fehmietkom, u t-triqat tiegħi m’humiex triqatkom.’ Huwa l-bniedem midneb li ma jaċċettax dnubu li ħsiebu biex jikkundanna, minn naha l-oħra huwa Alla l-veru li ħsiebu biex isalva lill-bniedem, u li jista’ u jrid jeħilsu mix-xkiel tad-dnub tiegħu.
Il-Ħadd li għadda l-Kelma t’Alla qaltilna li aħna naħfru għaliex irridu lil Alla jaħfer lilna, llum il-Kelma t’Alla qed turina li Alla tagħna huwa Alla mimli ħniena, Alla li jinteressah mill-bniedem. Fil-parabbola tal-vanġelu tal-lum wieħed mingħajr ma jrid jistaqsi jekk is-sid kienx l-aktar interessat fix-xogħol li kellu jsir fl-għalqa tad-dwieli jew fil-ġid tal-ħaddiema. Bħal fi żmienna, l-aktar nies fqar fi żmien Ġesù, jiġifieri dawk li ma kellhomx għelieqi, kienu joħorġu f’salib it-toroq jistennew min iħaddimhom għal dak il-jum. Dak iż-żmien ma kienx jeżisti il-kunċett ta’ xogħol fiss, għalhekk li wieħed isib min iħaddmu f’dik il-ġurnata kien ifisser li l-għada l-familja tiegħu kien ser ikollha x’tiekol, jekk le ifisser li l-familja tiegħu kienet ser tibqa’ bil-ġuħ.
Interessanti li fl-aħħar huwa jibda jħallas lil dawk li bdew xogħol l-aħħar; jidher li ma riedx jaħbi minn dawk li bdew jaħdmu l-ewwel li huwa kien ser jagħti dinar kull wieħed lil ħaddiema kollha. Tgħid dan għaliex, forsi għax ried juri lil dawk li gergru kontrieh li huma kienu eġoisti? Huwa b’dinar kuljum kien ftiehem magħhom u għalhekk it-tgergir tagħhom ma kienx ġustifikat. Jidher li dan is-Sid ma kienx jinteressah biss li l-familji ta’ dawn il-ħaddiem jkollhom x’jieklu l-għada, iżda kien jinteressah ukoll fil-ġid spiritwali tagħhom. ‘Ħabib, minn xejn ma nqastek jien; mhux b’dinar ftehemt miegħi? Ħu li jmissek u itlaq. Lil dan tal-aħħar irrid nagħtih daqs kemm tajt lilek. Ma nistax nagħmel li rrid bi ħwejġi jien? Jew qiegħed tgħir għax jien qalbi tajba?’ Min verament iridlek il-ġid kultant, biex jiftaħlek għajnejk, ikollu bżonn jgħidlek affarijiet li dak il-ħin ma tieħux paċir bihom. J’Alla jkollna l-umiltà biżżejjed biex nintebħu li fil-kliem li ma ħadniex gost bih kien hemm il-grazzja t’Alla.
‘Fittxu l-Mulej sakemm tistgħu ssibuh, sejħulu sakemm hu fil-qrib!’ Min jemmen li l-aktar relazzjoni importanti f’ħajtu hija r-relazzjoni tiegħu ma’ Alla ma jħalli xejn, lanqas l-egoiżmu tiegħu, itellfu f’din ir-relazzjoni. L-interessi tagħna ħafna drabi huma l-akbar ostaklu biex nikbru fl-imħabba tagħna lejn Alla u lejn l-oħrajn.Hija biss il-qalb verament libera mir-rabtiet ma dak li hu ta’ din id-dinja li tista’ tfaħħar lil Alla u tgħid: ‘Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa.’ Lill-Mulej inkunu nistgħu insejħulu fis-sewwa meta il-qalb tagħna tkun verament ħielsa minn dak kollu li jxekkilha milli tħares ’il fuq: ‘Kuljum irrid inbierkek, u nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem… Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej, tjubitu fuq kull ma għamel.’ Din il-libertà tilħaq il-milja tagħha meta l-bniedem jiddistakka ruħu saħansitra mill-ħajja fuq din l-art, u dan jagħmlu tant ikun mimli bl-imħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn. San Pawl jesprimi dan bi kliem perfett: ‘Għax għalija l-ħajja hi Kristu, u l-mewt hi rebħ.’
Nistaqsu lilna nfusna: Kemm hi mportanti għalija l-imħabba u l-maħfra t’Alla? Kemm verament lest li naħfer għax nemmen li Alla diġa ħafirli u dejjem lest li jaħfirli?
Mulej Ġesù ngħidulek grazzi minn qalbna talli inti ġejt biex turina l-qalb kollha mħabba tal-Missier, dak il-Missier li jħobb lil uliedu bla ma jagħmel kalkoli. Għinna ħalli nifhmu u nħossu din l-imħabba, ħalli hekk il-fidi tagħna tkun mibnija fuq il-blat u mhux fuq ir-ramel ta’ din id-dinja. Ammen.