VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU IL-PAPA LJUN XIV
FI FRANZA
U ŻJARA LILL-ORGANIZZAZZJONI TAL-ĠNUS MAGĦQUDA
UNESCO
25-28 TA’ SETTEMBRU, 2026
LAQGĦA MAL-MEMBRI TAL-ASSEMBLEA SINODALI PROVINĊJALI,
MAL-KATEKUMENI U N-NEOFITI
DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Istitut Kattoliku ta’ Parigi
Is-Sibt, 26 ta’Settembru, 2026
Eċċellenzi,
għeżież saċerdoti u persuni konsagrati,
għeżież membri tal-Assemblea sindali,
għeżież katekumeni u neofiti, ħuti,
jien ferħan li qed niltaqa’ magħkom u li fil-kuntest ta’ dal-Vjaġġ Appostoliku, nista’ nkun magħkom fil-mixja tal-Assemblea Ekkleżjali Provinċjali.
Irrod ħajr lill-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Laurent Ulrich, Arċisqof ta’ Pariġi, li fakkrana fl-importanza storika u spiritwali tal-post fejn ninsabu, u li fakkar ukoll lill-Fra Lorenzo tar-Riżurezzjoni, li kien influwenti ħafna fil-mixja tal-fidi tiegħi bil-mistika tal-ħajja ta’ kuljum. Iżda fuq kollox nesprimi l-gratitudni tiegħi għall-Instrumentum Laboris li tajtuni, espressjoni ta’ mixja ekkleżjali li kienet tinvolvi wkoll il-Poplu t’Alla, bi stil ta’ smigħ reċiproku u sinodaliltà.
Illum qed jilqagħna fih l-Institut Catholique de Paris, istituzzjoni li tinsab f’salib it-toroq bejn ix-xjenza u l-fidi, li ilu sekli jikkontribwixxi fil-formazzjoni tal-imħuħ u l-qlub għas-servizz tal-Evanġelju. Insellem lill-għalliema, lill-istudenti, lill-ħaddiema ta’ din l-università, u wkoll lill-membri ta’ din l-Assemblea Provinċjali kollha, impejnati fir-riflessjoni dwar il-prospettivi pastorali meħtieġa biex jilqgħu lin-neofiti u l-katekumenti, kif ukoll biex jirriflettu fuq il-ħajja tal-Knisja.
Jien u nosserva mill-qrib il-ħidma tagħkom, iżda fuq kollox, meta smajt it-testimonjanzi ta’ Josué, Marielle u Sophie, qabel kollox inġarrab il-ħafna gratitudni għall-opra imprevedibbli ta’ Alla. Bħalkom u magħkom jien mistgħaġeb bin-numru ta’ persuni li qed jerġgħu jitfaċċaw fuq l-għatba tal-fidi u kemm adulti qed jitolbu s-sagramenti tal-inizjazzjoni nisranija.
Jista’ jidher paradoss li dal-fenomenu, li permezz tiegħu tant persuni qed jiskopru mill-ġdid l-Evanġelju u jħaddnu l-fidi, hu parti mill-kuntest ta’ soċjetà bħalma hi dik Franċiża, immarkata minn kultura sekularizzata għall-aħħar. L-esperjenza u t-testimonjanza tagħkom, għeżież katekumeni u neofiti, huma sinjal tanġibbli tal-opra tal-grazzja t’Alla, li tmur ‘l hinn mill-analiżi satistika u soċjoloġika. Dal-fenomenu, li jikkuntradxxi kull atteġġjament disfattista u dak li l-Papa Franġisku sejjaħlu “pessimiżmu sterili” (cfr Eż.app. Il-ferħ tal-Vanġelu, 84-84), għandu jintlaqa’ bi spirtu ta’ responsabbiltà.
Infatti, aħna msejħin biex induru lejn ħutna u niskopru mill-ġdid l-istil ta’ Alla, magħmul mill-qrubija, mill-ħniena u t-tenerezza. B’tenerezza pastorali u l-karità fraterna, għandna nagħrfu, nilqgħu u nħarsu l-fjamma ċkejkna li l-Ispirtu s-Santu xegħel fil-dlam tal-lejl, iż-żerriegħa żgħira li taspira li tikber anki qalb ix-xewk.
L-istagħġib quddiem dak li qed jiġri lil tant ħutna m’għandux jagħlaqna f’inġenwità beata. Għall-kuntrarju, hemm bżonn nimpenjaw ruħna, infittxu, insaqsu lilna nfusna u nniedu azzjonijiet pastorali konkreti. Hu l-Ispirtu li qed janima l-Assmeblea tagħkom u, b’mod aktar ġenerali, il-mixja tal-Knisja fi Franza: mistagħġbin bl-opra imprevedibbli ta’ Alla, x’għandna nagħmlu u ‘l fejn qed jimbuttana l-Ispirtu biex nakkumpanjaw lill-katekumeni, lin-neofiti, u “dawk li qed jerġgħu jibdew”?
Qabel kollox nixtieq infakkar espressjoni li uża l-Episkopat Franċiż xi snin ilu, u nħeġġiġkom biex timmaġinaw u tinkarnaw Knisja “fi stat ta’ inizjazzjoni”, li tieħu ħsieb il-mixja tal-katekumenti, tan-neofiti u ta’ dawk li reġgħu bdew, u maż-żmien, toffrilhom akkumpanjament solidu u kostanti. L-inizjazzjoni nisranija, infatti, kienet fil-qalba tal-attenzjoni tar-Ragħajja fis-snin ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Dakinhar kien diġà hemm bosta rikjesti u l-ferment teoloġiku u liturġiku li dak iż-żmien kien ta kontribut kbir għat-tiġdid tal-mixjiet tal-katekumenat li kkonkretizza ruħu waqt il-Konċiju Ekumeniku Vatikan II. Minkejja li llum ninsabu f’kuntest differenti, intom tistgħu tixorbu minn dit-tradizzjoni pastorali dwar l-akkumpanjament tal-katekumeni. Barra minn hekk, ma ninsewx li din il-prattika stabbilita reġgħet ħadet il-ħajja mill-1996 ’il quddiem, is-sena li fiha ġiet ippubblikata l-Ittra lill-Kattoliċi ta’ Franza u, fl-istess waqt, l-aktar edizzjoni Franċiża reċenti tar-Rit tal-Inizjazzjoni Nisranija tal-Adulti.
Għeżież ħuti, li tkun “fi stat ta’ inizjazzjoni” jfisser li tilqa’ lil dawk li qed ifittxu ‘l Alla u fihom tara opportunità u missjoni: l-opportunità hi li, bis-saħħa tagħhom, il-komunità ta’ dawk li jemmnu ġġedded il-mixja tal-fidi tagħha u ġġarrab b’mod ġdid il-ferħ tal-Evanġelju. Rigward dan, il-missjoni hi li nieħdu ħsiebhom u nkunulhom gwida anki wara li jkunu rċevew is-Sagramenti. Lil min jiġi nilqgħuh bil-ferħ, u ibda mill-esperjenza personali tiegħu/tagħha nirrispettaw l-istorja tiegħu/tagħha u niffavorixxu t-tħabbira essenzjali tal-kerygma, bl-użu wkoll ta’ forom familjari tal-mixja personali jew komuntitarja. Però, ma ninsewx li bosta min dawn il-persuni tixref fihom il-mistoqsija li smajna fi-testimonjanza tal-Marielle: kif nistgħu nevitaw il-vojt ta’ wara l-magħmudija?
Għalhekk hemm bżonn nakkumpanjaw u nintegraw kompletament lil dawn il-persuni fil-komunitajiet u fil-laqgħat ta’ talb tagħna wara li jkunu tgħammdu, intuhom akkoljenza ta’ familjarità u formazzjoni kemm jista’ jkun integrali, li tħaddan fiha d-diversi aspetti tal-ħajja nisranija u nħaffulhom ir-rabta bejn il-fidi tagħhom u ħajjithom. In-neofiti, infatti, għandhom bżonn jidħlu aktar fil-fond tal-għeruq tal-fidi nsranija, ikunu ffurmati kif jixraq mill-aspett bibliku u teoloġiku, jiskopru dejjem aktar l-għana tad-duttrina nisranija u d-diversi dimensjonijiet tal-aġir morali nisrani marbut mal-istqarrija tal-fidi.
Fl-aħħar u mhux l-anqas huma għandhom bżonn li jkunu inizjati u introdotti. fil-ħajja liturġika tal-Knisja. Fit-testimonjanzi wkoll smajna kif iċ-ċelebrazzjoni tar-riti liturġiċi, għal xi wħud, kienet l-għatba tal-bieb biex jidħlu fl-istess misteru tal-fidi. Hu ambitu fundamentali fil-ħajja tal-Knisja, li jesiġi attenzjoni pastorali msejsa fuq it-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II. Filfatt, il-liturġija ma tistax tinftiehem bħala realtà li tiġi “wara” il-katekeżi, ambjent fejn jiġi applikat dak li jkun ġie mgħallem tul il-mixja. Għall-kuntrarju, hi l-manifestazzjoni u t-twettiq tal-Misteru tal-Għid ta’ Kristu u, għalhekk, hija okkażjoni li twessa’ t-tifsira tal-Aħbar it-Tajba u tal-ħajja stess ta’ Alla. Bir-ritmi, il-lingwaġġi u r-riti tagħha, il-liturġija tifforma parti mill-mixja stess tal-konverżjoni u tat-tħejjija għas-Sagramenti.
Biex inkomplu mmexu ‘l quddiem dil-missjoni hu ta’ importanza fundamentali l-irwol ta’ min jagħti l-formazzjoni. Kif tgħallimna t-tradizzjoni antika tal-Knisja, ifisser li jitħejjew parrini, espressjoni tal-komunitajiet, li jkunu mħejjijin kif jixraq biex jinizjaw lin-neofiti. Fil-qafas ta’ dil-formazzjoni, nixtieq nirrikmanda għarfien fil-fond tar-Rit tal-Inizjazzjoni Nisranija tal-Adulti. Fl-istess ħin, jeħtieġ li l-operaturi pastorali jkunu ffurmati mhux biss mill-aspett bibliku, teoloġiku, liturġiku u tal-ħajja spiritwali, iżda wkoll mill-aspett tal-kwalitajiet umani – biex jagħrfu jiddixxernu u jakkumpanjaw lil dawk li l-mixja ta’ ħajjithom kienet kumplikata u mħattba. Smajna dan ftit tal-ħin ilu: xi wħud jaslu minħabba sempliċi għatx spiritwali, huma u jfittxu s-sens u jħossu l-ġibda lejn l-Evanġelju, filwaqt li oħrajn jaslu bil-marki ta’ esperjenzi ta’ tbatija, sitwazzjonijiet ta’ solitudni u diffikultajiet kbar. Hu f’dawn il-każi li l-qrubija, il-ħniena u t-tenerezza jiksbu t-tifsira kollha tagħhom: hemm bżonn jinstab bilanċ deheni biex ikunu milqugħin, u jsibu inkoraġġiment biex jaffrontaw l-isfidi impenjattivi li tagħti l-fidi. Hi mixja li tulha jeħtieġ rispett lejn ir-ritmu tal-ieħor, mixja pass pass, attenzjoni u, akkumpanjament fratern b’attitudni li timxi fuq l-istil “tal-mixja flimkien”. Fil-mogħdijiet tal-fidi nisranija aħna ngħanu lil xulxin, nikbru flimkien: saċerdoti u lajċi, parrini u katekumeni, animaturi pastorali u neofiti.
Niftakar f’dak li ġara lil wieħed mill-akbar katekumeni tal-istorja: Santu Wistin. Iltaqa’ mal-fidi permezz ta’ Sant’ Ambroġ u l-fidi tiegħu kienet biss żerriegħa ċkejkna meta tgħammed. Iżda dik iż-żerriegħa kibret u tkattret, saret siġra tant kbira li taħt il-friegħi tagħha, għadna nistgħu nisibu kenn sal-lum stess.
Jien u nħares lejkom, għeżież ktekumeni u neofiti, ma narax biss il-frott tal-Ispirtu li ressaqkom lejn il-mixja, iżda wkoll wegħda ta’ fekondità għall-Knisja ta’ Franza. Min-naħa tagħkom, kunu missjunarji tal-Evanġelju f’din is-soċjetà!
Jalla x-xhieda kbar ta‘ din l-art maħbuba jweżnukom fil-mixja tagħkom. Niftakar f’Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, li “bit-triq iż-żgħira” tagħha tgħallimna illi l-fiduċja tiftaħ il-bibien tal-grazzja; niftakar f’San Martin ta’ Tours, figura emblematika tal-kondiviżjoni u tal-karità fraterna. Flimkien ma’ bosta qaddisin oħra li ħarġu minn din l-art Franċiża, huma jfakkruna li l-missjoni llum tinbena billi qabel kollox inħarsu l-preżenza tal-Mulej fil-ħajja ta’ kiljum.
Jalla intom u tilqgħu lil xulxin, tiffurmaw flimkien il-poplu ħaj tal-Knisja fi Franza, kapaċi li tittrażmetti l-fidi. Jien u ninvoka l-protezzjoni tal-Verġni Marija, Patruna prinċipali ta’ Franza, u l-interċessjoni ta’ Santa Genoveffa u San Denis, protetturi ta’ dil-belt, intikom b’qalbi kollha l-barka tiegħi.
Grazzi u l-mixja t-tajba!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber
